Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE PT

IP/06/883

Brussell, 29 Ġunju 2006

Il-Kontroll ta’ l-Istat tal-Port Il-Kummissjoni tibgħat opinjoni motivata lill-Portugall u tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Kummissjoni Ewropea bagħtet opinjoni motivata – l-aħħar pass qabel ma tiftaħ każ fil-Qorti tal-Ġustizzja – lill-Portugall u ressqet lil Malta quddiem il-Qorti għaliex naqset milli tirrispetta l-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar il-kontroll ta’ lIstat tal-port fuq it-tbaħħir.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tieħu azzjoni kontra l-Portugall u Malta minħabba li dawn naqsu milli jittrasponu b'mod adegwat Direttiva[1] li ġiet adottata fl-1995, li d-dispożizzjonijiet tagħha kienu ġew imsaħħa b'riżultat ta' l-inċident ta' l-Erika. Id-Direttiva hija maħsuba sabiex tnaqqas it-tbaħħir li mhuwiex ta' ċertu standard fl-ilmijiet fil-ġuriżdizzjoni ta' l-Istati Membri permezz ta' aktar konformità mal-leġiżlazzjoni internazzjonali u dik Komunitarja rilevanti dwar is-sikurezza marittima, il-ħarsien ta' l-ambjent tal-baħar u l-kundizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol abbord bastimenti li jtajru kwalunkwe bandiera. Għal dan il-għan, id-direttiva tistabbilixxi kriterji komuni għall-kontroll ta' bastimenti mill-Istat tal-port u tarmonizza proċeduri marbuta ma' l-ispezzjoni u d-detenzjoni ta' vapuri li ma jissodisfawx l-istandards stabbiliti.

Filwaqt li l-Portugall innotifika lill-Kummissjoni dwar il-miżuri nazzjonali għat-traspożizzjoni tad-direttiva, dawn fihom bosta inkonsistenzi legali/tekniċi. Malta qed tiġi akkużata b’non-konformità waħda mad-direttiva: li persuni mingħajr il-kwalifiki meħtieġa jiġu aċċettati bħala spetturi ta' l-Istat tal-port. Fil-fatt, il-liġi Maltija tippermetti li "spetturi" mhux kwalifikati li ġew impjegati qabel l-1 ta' Mejju 2004 jkomplu jaħdmu bħala spetturi tal-kontroll ta’ l-Istat tal-port , filwaqt li d-Direttiva tippermetti biss li kompiti ta’ spezzjoni jitwettqu minn persuni mingħajr il-kwalifiki meħtieġa jekk dawn ġew impjegati għall-kariga mill-amministrazzjonijiet tagħhom qabel Ġunju ta' l-1995.


[1] Id-Direttiva tal-Kunsill 1995/21/KE tad-19 ta' Ġunju 1995 dwar il-kontroll portwali ta’ l-Istat (ĠU L 157, tas-7.7.1995, p.1) kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website