Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE SV EL HU

IP/06/863

Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2006

Ir-Rendiment Enerġetiku tal-Bini: il-Kummissjoni tibgħat opinjonijiet motivati lil Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija, Malta u l-Iżvezja

Illum il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata (it-tieni fażi tal-proċedura ta' ksur) lil Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija, Malta u l-Iżvezja għaliex naqqsu milli jinnotifikaw miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni rikjesti fid-direttiva ta' l-2002 dwar ir-Rendiment Enerġetiku tal-Bini[1]. Id-Direttiva għandha l-għan li tnaqqas il-konsum enerġetiku tal-bini billi tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu standards minimi dwar ir-rendiment enerġetiku u japplikaw dawk għal bini ġdid u għal bini akbar diġà eżistenti.

Ir-rendiment enerġetiku għandu mbagħad ikun rifless f'ċertifikat enerġetiku, li bażikament huwa tikketta għall-bini, b'xi mod simili għat-tikketta fuq l-apparat domestiku. Madankollu, iċ-ċerifikat għall-bini huwa iżjed elaborat, u jkun akkumpanjat b'parir sod dwar kif għandu jitjieb ir-rendiment enerġetiku fuq bini eżistenti u kemm x'aktarx jammontaw l-ispejjeż ta' l-investiment u ż-żmien ta' ritorn (pay back time) fuq l-investiment. Barra minn hekk, l-Istati Membri jeħtiġilhom jiggarantixxu li l-installazzjonijiet ta' tisħin u ta' arja kundizzjonata huma regolarment spezzjonati biex jippermettu titjib fir-rendiment.

F'dawn il-każijiet, l-azzjoni tal-Kummissjoni rriżultat min-nuqqas fl-informazzjoni pprovduta minn dawn l-Istati Membri bħala reazzjoni għall-ewwel ittri, li l-Kummissjoni bagħtet fi Frar ta' din is-sena, għax naqqsu milli jinnotifikaw il-miżuri ta' implimentazzjoni. Fil-każ ta' l-Ungerija ma waslet l-ebda tweġiba. Il-Kummissjoni għadha qed teżamina l-informazzjoni li waslitilha mill-14-il Stat Membru li rċevew ittra simili fi Frar.

Ingħalqu l-każijiet dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni tad-Direttiva kontra l-Litwanja u l-Portugall, billi dawn il-pajjiżi nnotifikaw l-implimentazzjoni sħiħa.

L-Istati Membri kellhom jimplimentaw id-direttiva dwar ir-rendiment enerġetiku tal-bini sa l-4 ta' Jannar ta' din is-sena.


[1] Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81).


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website