Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/06/848

Brussell, It-28 ta’ Ġunju 2006

Minn Tampere għal Tampere: Il-Kummissjoni twieġeb għat-talbiet taċ-ċittadini ta’ l-UE biex l-Ewropa tissawwar bħala żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

Wara l-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew f’Tampere bejn il-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999 fejn ġie deċiż li tinħoloq żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, u qabel il-laqgħa informali dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni f'Tampere li għandha ssir bejn l-20 u t-22 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni issa qed tippreżenta l-ewwel evalwazzjoni politika tagħha dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Programm ta' l-Aja. Iċ-ċittadini ta’ l-Ewropa qed iħeġġu lill-UE biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex l-Ewropa ssir post fejn wieħed jista’ jgħix 'il bogħod mill-perikli. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom iwieġbu għalenija għall-isfida li jsiru aktar effettivi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, iżda wkoll fl-immaniġġjar tal-flussi tal-migrazzjoni u l-kontroll tal-fruntieri esterni. L-implimentazzjoni tal-programm multi-annwali biex jissaħħu l-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, l-hekk imsejjaħ “Programm ta’ l-Aja”, huwa skop komuni li jimponi sistema ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet effettiva u kontabbli, kif ukoll prijoritajiet politiċi ċari.

Iż-żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin ta’ l-Unjoni, mhux biss għax hija waħda mill-iskopijiet fundamentali ta’ l-Unjoni, iżda wkoll, u fuq kollox, għax hija fil-qalba ta' l-interessi taċ-ċittadini ta’ l-UE. 17% tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni huma fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja, li turi l-importanza tagħha fl-aġenda għar-riforma tal-Kummissjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew dwar “Aġenda taċ-Ċittadin għall-Ewropa” ta’ l-10 ta’ Mejju 2006 affermat mill-ġdid u bil-qawwa din il-prijorità.

Bi tħejjija għal-laqgħa informali dwar il-Ġustizzja u l-Intern ta’ Settembru 2006, fejn se ssir evalwazzjoni tal-progress li sar f'dan il-qasam, wasal issa ż-żmien li ssir evalwazzjoni politika tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Programm ta' l-Aja u biex isiru proposti għal tibdiliet meħtieġa. L-iskopijiet ta’ pakkett komprensiv ta’ erba’ komunikazzjonijiet adottati llum mill-Kummissjoni huma li (1) jitkejjel il-progress li sar u biex jiġi evalwat il-livell ta’ l-implimentazzjoni sew fuq livell ta’ l-UE kif ukoll fuq dak nazzjonali u (2) biex jiġi stabbilit mekkaniżmu li jagħmel evalwazzjoni bir-reqqa tar-riżultati, u (3) biex isiru proposti għall-quddiem biex jitjieb it-tħaddim tal-politika dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja.

“B’dan il-pakkett l-għan tagħna hu li nagħmlu pass deċiżiv dwar dak li jinteressa liċ-ċittadini ta’ l-UE f’qasam fejn hu meħtieġ li jkun hemm preżenza akbar ta’ l-Ewropa. Neħtieġu effiċjenza u kontabilità akbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u protezzjoni ġuridika akbar għaċ-ċittadini tagħna. Dan irid isir billi jintużaw aħjar it-trattati li hemm bħalissa aktar milli billi wieħed jipprova jieħu siltiet mill-Kostituzzjoni”, qal il-President Barroso.

“Fil-waqt li r-ritmu tal-proposti għal leġiżlazzjoni ġdida fuq livell ta’ l-UE hu soddisfaċenti, għandna bżonn metodi aħjar biex inżommu għajnejna fuq l-implimentazzjoni effettiva u nevalwaw l-impatt konkret u l-benefiċċji li qed jieħdu ċ-ċittadini mill-istrumenti legali tagħna,” qal il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Franco Frattini, responsabbli mill-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà.

Ta’ min jgħid li, għal dik li hi l-ewwel evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-politika dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà fuq livell nazzjonali, jidher li din għadha mhix biżżejjed f’dan l-istadju. Iżda huma b’mod speċjali n-nuqqasijiet, sew mil-lat kwantitattiv kif ukoll mil-lat kwalitattiv, tal-livell ġenerali ta’ traspożizzjoni fil-kooperazzjoni bejn il-korpi tal-pulizija kif ukoll dwar is-sistema ġudizzjarja li tassew jolqtu.

Barra minn dan, kif jidher mit-“Tabella tar-Riżultati”, fl-hekk imsejjaħ “it-tielet pilastru” (kooperazzjoni tal-pulizija u kooperazzjoni ġuridika f’materji penali), parti kbira mill-“acquis” għadu fuq il-karta. Hemm żewġ raġunijiet għal dan:

  • l-ewwelnett, il-livell ta’ implimentazzjoni fuq livell nazzjonali mhux soddisfaċenti, u l-Istati Membri ma jistgħux jinġiebu quddiem il-Qorti, fil-każ ta’ ksur;
  • it-tieni, in-negozjati fil-Kunsill ħafna drabi jkunu diffiċli u bil-mod, u l-ħtieġa li jkun hemm unanimità ħafna drabi twassal biex isiru ftehimiet li jkunu ssimplifikati ħafna;

Il-Kummissjoni qed tagħmel għadd ta’ proposti għall-azzjoni u l-implimentazzjoni qabel ma jintemm il-Programm ta’ l-Aja (2009) fl-oqsma li ġejjin:

1. Id-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza;

2. L-iżvilupp tat-tieni fażi ta’ l-ażil

3. Il-ġestjoni tal-Migrazzjoni

4. Tmexxija integrata tal-fruntieri esterni u l-interoperabilità tas-sistemi ta’ l-informazzjoni

5. Għarfien reċiproku (f’affarijiet ċivili u kriminali)

6. Aċċess għall-informazzjoni meħtieġa biex jiġu miġġieleda t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata.

7. Il-Futur ta’ Europol.

Aktar informazzjoni dwar dawn l-oqsma speċifiċi tinstab fuq il-Memo III - L-implimentazzjoni tal-Programm ta' l-Aja: It-triq ‘il quddiem

Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni li qed ikun propost għandu l-għan li jtejjeb l-effettività ta’ l-azzjoni meħuda mill-Unjoni billi jippermetti li r-riżultati konkreti jħallu effett fuq it-tiswir tal-politika. Dan se jkun importanti b’mod partikolari meta l-Programm ta' l-Aja jiskadi fl-2009. L-iżvilupp ta’ evalwazzjoni tal-politika dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà ukoll jikkontribwixxi għall-għanijiet ġenerali ta’ l-UE dwar trasparenza u regolamentazzjoni aħjar.

Il-Kummissjoni beħsiebha tniedi diskussjoni bi sħab ma’ istituzzjonijiet oħra ta’ l-UE u ma’ l-Istati Membri dwar kif tista’ tinġieb ‘il quddiem l-aġenda ta’ politika fil-Libertà, il-Ġustizzja u s-Sigurtà. Fuq il-bażi tar-riżultati ta’ din id-diskussjoni matul il-Presidenza li ġejja tal-Kunsill mill-Finlandja, il-Kummissjoni hija lesta li tieħu inizjattivi skond il-klawżoli relattivi tat-Trattati (l-Artikolu 42 TUE u 67(2), it-tieni inċiż TKE). Il-Kummissjoni qegħda wkoll tagħmel proposta speċifika biex ikun hemm protezzjoni ġudizzjarja aktar effettiva b’involviment akbar tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Sfond

Il-pakkett jinkludi (ara wkoll l-4 MEMOs mehmuża):

(1) Komunikazzjoni “L-Ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Programm u l-Pjan ta' Azzjoni ta’ l-Aja” (it-“Tabella tal-Valutazzjoni”), li telenka l-azzjonijiet kollha meħuda fl-2005 u tiffoka għall-ewwel darba fuq l-implimentazzjoni fuq livell nazzjonali; (Memo/06/252)

(2) Komunikazzjoni dwar l-Evalwazzjoni tal-politika dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà, fejn l-għan ewlieni hu li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jipprovdi evalwazzjoni effettiva ta' l-implimentazzjoni u tar-riżultati tal-politika f’dan il-qasam; (Memo/06/253)

(3) Komunikazzjoni "L-implimentazzjoni tal-Programm ta' l-Aja: it-triq ‘il quddiem”, li fil-qasam tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà toħroġ mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Aġenda taċ-ċittadin: niksbu riżultati għall-Ewropa”, adottata fl-10 ta’ Mejju li għadda (COM(2006)211 finali). Din il-Komunikazzjoni tirrifletti s-sejħa li saret fil-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju biex “jiġu esplorati l-possibbiltajiet li jitjieb il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll biex jittieħdu azzjonijiet aħjar fil-qasam tal-Libertà, tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja fuq il-bażi tat-trattati eżistenti”. (Memo/06/254)

(4) Komunikazzjoni dwar l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet fit-Titolu IV dwar il-poteri tal-Qorti tal-Ġustizzja, bil-ħsieb li tingħata protezzjoni ġudizzjarja aktar effettiva. (Memo/06/255)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website