Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/06/739

Brussell, is-7 ta’ Ġunju 2006

L-Oċeani u l-ibħra: il-viżjoni l-ġdida tal-Kummissjoni għal Politika Marittima Integrata

Il-Kummissjoni Ewropea llum tippubblika Green Paper "Lejn Politika Marittima għall-Unjoni fil-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-oċeani u l-ibħra" li tistaqsi liċ-ċittadini dwar kif jixtiequ li jkunu r-relazzjonijiet tagħhom ma' l-oċeani u l-ibħra u li tniedi wieħed mill-akbar eżerċizzji ta' konsultazzjoni pubblika fl-istorja ta' l-UE. L-istħarriġ jirrispondi għal għarfien dejjem jikber, kemm dwar ir-rwol vitali li diġà għandu l-baħar bħala mutur tal-prosperità Ewropea, kif ukoll tal-potenzjal tiegħu għall-provvista ta' aktar impjiegi u benessri. Ir-riżultati ta' dan l-eżerċizzju se jgħinu lill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi viżjoni ġdida għal Politika Marittima Integrata.

Il-mistoqsija ewlenija li tqajjem il-Green Paper hija: tista' l-Ewropa, tippermetti li tmexxi l-ibħra u l-oċeani tagħha b'mod settorjali u mhux konness? Jew inkella wasal iż-żmien li titwaqqaf Politika Marittima verament integrata, li tippermettilna nisfruttaw aħjar il-potenzjal li jeżisti fir-rigward ta' l-iżvilupp u l-impjiegi, filwaqt li nsaħħu l-ħarsien ta' l-ambjent marittimu? U jekk dan huwa l-każ, kif għandna nipproċedu?

Il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso, li ta bidu għall-proċess, qal: "L-Ewropa ilha tibbenefika mill-attivitajiet marittimi tagħha. Madankollu, nistgħu nieħdu vantaġġi ferm akbar mill-ibħra u l-oċeani sabiex intejbu l-prosperità u l-benesseri taċ-ċittadini Ewropej. Il-Green Paper tal-lum tagħtina lkoll l-opportunità li naħdmu id f'id sabiex insibu l-aħjar mod ħalli dan isir. Inħeġġeġ lil kullħadd sabiex jgħid tiegħu dwar kif jimmaġina il-politika marittima tal-ġejjieni għall-Unjoni, politika li tiġġenera l-impjiegi filwaqt li tħares l-ambjent marittimu".

"Hekk kif jiżdiedu u jiddiversifikaw l-attivitajiet marittimi tagħna, tikber il-ħtieġa għall-koordinazzjoni u l-ippjanar sabiex jiġu evitati l-kunflitti u sabiex nottimizaw ir-rendiment mill-baħar. Approċċ komprensiv jippermettilna nikkombinaw l-iżvilupp ekonomiku mal-ħarsien effettiv ta' l-ambjent marittimu u parteċipazzjoni akbar tal-partijiet interessati. Dan huwa proġett fejn l-Istati Membri, ir-reġjuni, l-industrija, l-NGOs u l-pubbliku kollha għandhom interess fis-sejbien ta' l-aħjar mod biex nipproċedu fir-relazzjonijiet mal-baħar tagħna għall-ġejjieni" qal Joe Borg, il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi.

It-trasport, it-tbaħħir, il-kummerċ, l-industriji kostali u dawk tal-portijiet, sorsi ta' enerġija lil hinn mix-xtut, sew tradizzjonali kif ukoll alternattivi, is-sajd, l-akkwakultura, ir-riċerka marittima, it-turiżmu - oqsma bla għadd ta' attivitajiet tal-bniedem kemm-il darba jaffetwaw lil xulxin u jistgħu jkollhom impatt fuq l-oċeani u l-kwalità tal-ħajja li jsostnu. Madankollu, jiġri wisq ta' sikwit li s-setturi li għandhom impatt fuq l-ambjent marittimu joperaw b'mod independenti minn xulxin – kull wieħed għandu l-istrutturi tiegħu, iħaddan kultura u viżjoni għalih waħdu u jitmexxa skond ir-regoli proprji. Iżda kollha jiddependu fuq l-istess riżorsa.

Il-Green Paper hija maħsuba sabiex tenfasizza r-rabtiet kumplessi u d-dipendenza reċiproka ta' dawn l-oqsma differenti – il-konnessjonijiet li ħafna drabi ma jitqisux mill-proċeduri attwali. Tiġbed l-attenzjoni għal kif, pereżempju, l-iżvilupp ta' l-infrastruttura tal-portijiet irid jitqies fuq l-isfond tal-ħarsien ta' l-ekosistemi lokali, il-promozzjoni ta' l-akkwakultura kostali, u l-iżvilupp turistiku, kif ukoll fuq il-benefiċċji ta' l-iżvilupp ekonomiku permezz tal-kummerċ barrani. Turi kif il-bastimenti tas-sajd, il-vapuri tal-kontejners, dgħajjes għall-mogħdija taż-żmien, kumpaniji taż-żejt u stabbilimenti għall-ġenerazzjoni ta' l-elettriku mir-riħ ikollhom jimpikaw ma xulxin għal pożizzjoni fl-ibħra tagħna, li kull ma jmur qed isiru aktar traffikużi. Tenfasizza wkoll il-fatt li din il-konverġenza ta' varjetà kbira ta' kwistjonijiet differenti mhijiex l-eċċezzjoni, iżda n-norma, peress li tirrifletti l-ġid u d-diversità li huma mogħnija bihom l-ibħra ta' l-Ewropa.

Imbagħad tqum il-mistoqsija: huwa verament possibbli li nkomplu mmexxu u niżviluppaw b'mod indipendenti dawn l-attivitajiet differenti kollha u li kemm-il darba jidħlu fl-għalqa ta' xulxin? Inkella wasalx iż-żmien li l-Ewropa tinvesti f'approċċ politiku verament integrat, jekk irridu nirnexxu fil-ħolqien ta' ekonomija marittima vitali u sostenibbli għas-seklu 21 u lil hinn minnu?

Il-Green Paper ġejja minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttieħdet f'Marzu 2005 sabiex tinfetaħ konsultazzjoni dwar il-ġejjieni ta' l-ibħra Ewropej. Il-President Barroso talab lill-Kummissarju Borg sabiex "imexxi task force marittima bil-għan li tinfetaħ konsultazzjoni wiesgħa dwar politika marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni". Il-Green Paper hija r-riżultat ta' sforz kollettiv imsejjes fuq kooperazzjoni qawwija, u li tat il-frott, bejn seba' Kummissarji. Flimkien mas-Sur Borg, is-Sur Verheugen, responsabbli għall-Intrapriża u l-Industrija, is-Sur Barrot għat-Trasport, is-Sur Dimas għall-Ambjent, is-Sinjura Hübner għall-Politika Reġjonali, is-Sur Potočnik għar-Riċerka u s-Sur Piebalgs għall-Enerġija. Kummissarji oħra wkoll ħadu sehem fid-diskussjonijiet meta dawn ittrattaw suġġetti marbuta mal-portafolli tagħhom.

Il-mistoqsijiet li joħorġu minn din il-Green Paper se jiġu diskussi f’għadd ta' avvenimenti organizzati f'diversi Stati Membri. .
Biex issir taf aktar dwar l-avvenimenti pubbliċi fejn se jiġu diskussi dawn il-kwistjonijiet u dwar kif tista' tieħu sehem fid-dibattitu, jekk jogħġbok ara:

http://ec.europa.eu/maritimeaffairs

MEMO/06/230


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website