Navigation path

Left navigation

Additional tools

“Wasal iż-żmien li nħaffu l-pass” – il-President tal-Kummissjoni Barroso jippreżenta r-Rapport Annwali tal-Progress dwar it-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi

European Commission - IP/06/71   25/01/2006

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL

IP/06/71

Brussell, il-25 ta’ Jannar, 2006

[ ]

“Wasal iż-żmien li nħaffu l-pass” – il-President tal-Kummissjoni Barroso jippreżenta r-Rapport Annwali tal-Progress dwar it-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippubblikat ir-Rapport Annwali l-ġdid dwar il-Progress ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona, it-tisħib bejn l-UE u l-Istati Membri għat-tkabbir ekonomiku u impjiegi aktar u aħjar. Ir-Rapport Annwali dwar il-Progress huwa mfassal b’mod li jsaħħaħ ir-ritmu u jħaffef il-pass tal-kisba tar-riżultati. Hemm tliet elementi ewlenin fir-Rapport dwar il-Progress. L-ewwelnett, ir-Rapport fih analiżi tal-25 Programm Nazzjonali ta’ Riforma li bagħtu l-Istati Membru f'Ottubru 2005. It-tieni, jidentifika elementi sodi fil-programmi nazzjonali differenti bil-ħsieb li jiġi mħajjar l-iskambju ta’ ideat tajba. It-tielet, jisħaq fuq oqsma fejn għad hemm nuqqasijiet u jipproponi azzjoni konkreta fil-livell ta’ l-UE u f’dak nazzjonali biex dawn ikunu indirizzati. Ġew identifikati erba’ oqsma għal azzjoni prijoritarja: l-investiment fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni; anqas regolamentazzjoni għall-SMEs; politika tax-xogħol li tħajjar lin-nies ikollhom impjieg; u garanzija ta’ provvista sostenibbili ta’ l-enerġija li tkun mingħajr perikli. Għal kull wieħed minn dawn l-oqsma, ir-Rapport tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni iressaq proposti ċari lill-mexxejja Ewropej biex dawn jimpenjaw ruħhom dwarhom meta jiltaqgħu fi Brussell u biex jimplimentawhom sa l-2007 (ara hawn taħt).

Il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso qal: “Il-messaġġ ewlieni tiegħi huwa ċar, wasal iż-żmien li nħaffu l-pass. Kien hemm riħ ta’ bidla li nefaħ fil-kuriduri ta’ Brussell u fl-ibliet kapitali nazzjonali mindu s-sena li għaddiet erġajna nedejna l-Istrateġija ta’ Liżbona. Kien hemm bidla fil-pass ta’ l-attività. Imxejna ħafna ‘l quddiem mis-sena li għaddiet lil hawn, u issa tqiegħdu s-sisien it-tajba. Il-fatt li hemm 25 programm nazzjonali ta' riforma fuq il-mejda huwa indikazzjoni qawwija tal-livell ġdid ta’ impenn nazzjonali li jeżisti. U issa rridu nħarsu lejn il-kisba tar-riżultati. U issa l-Istati Membri jridu jieħdu r-riedni f'idejhom u jħaffu r-riformi. 95 fil-mija ta’ dak li hemm f’dawn ir-rapporti huwa sens komun, l-Istati Membri jridu jwettquh fil-prattika. Iridu jiksbu r-rieda politika biex ilaqqgħu il-kliem ma’ l-għemil – wasal iż-żmien li nħaffu l-pass.

“L-ambizzjoni tagħna hija ċara. Irridu li jkollna universitajiet ta' l-ogħla klassi, ħaddiema li jkollhom taħriġ u edukazzjoni ta' livell għoli, sistemi b'saħħithom ta’ sigurtà soċjali u ta’ pensjonijiet, l-aktar industriji kompetittivi u l-ambjent l-aktar nadif. Lil dawk li jgħidu li dan ma jistax ikun, ngħidilhom, min kien qatt jobsor għaxar snin ilu li l-Irlanda għad tkun wieħed mill-aktar pajjiżi għonja fl-Unjoni Ewropea, jew li l-produttività fil-Polonja għad tkun ogħla minn dik tal-Korea t’Isfel? Nistgħu u għandha nagħmlu kull sforz biex noħolqu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.:

L-erbat'Oqsma ta’ Azzjoni Prijoritarja fejn il-Mexxejja Ewropej qed jintalbu jimpenjaw ruħhom b'miżuri addizzjonali (nazzjonali u Ewropej) fil-laqgħa għolja ta’ l-UE ta’ Marzu.

1. Investiment fl-edukazzjoni u r-riċerka

- L-investiment fl-edukazzjoni għolja għandu jiżdied għal 2% tal-PGD sa l-2010, mil-livell preżenti ta’ 1.28%, fost affarijiet oħra bit-tneħħija ta’ xkiel li għandhom l-universitajiet biex jiksbu ffinanzjar kumplimentari mill-privat.

- Anki f’Marzu li ġej, kull Stat Membru għandu jfassal mira ċara dwar in-nefqa totali dwar l-R&D għall-2010.

- Sehem akbar mill-għajnuniet statali (25%) u mill-fondi strutturali għandu jintnefaq fuq l-R&D.

- Għandu jkun hemm Istitut Ewropew għat-Teknoloġijasa tmiem l-2007.

- Biex tittejjeb il-bażi tal-ħiliet li ċ-ċittadini kollha jistgħu permezz tagħhom ikollhom dħul, it-tagħlim tal-matematika u tal-lingwi barranin għandu jingħata prijorità fl-iskejjel

2. Anqas xkiel għall-SMEs u l-għoti ta’ nifs lin-negozju

- Sa l-2007, l-Istati Membru għandhom kull wieħed iwaqqfu “one-stop shop” biex l-intraprendituri tal-futur jkunu jistgħu jingħataw l-assistenza u biex in-negozji jkunu jistgħu jwettqu r-rekwiżiti amministrattivi kollha taħt saqaf wieħed.

- Iż-żmien medju biex jitwaqqaf negozju għandu jitnaqqas bin-nofs sa tmiem l-2007 u mbagħad għandu jkun ta’ ġimgħa jew anqas.

- L-edukazzjoni dwar l-impriża għandha tingħata bħala parti mill-kurrikulu ta’ l-iskola għall-istudenti kollha.

- Kull Stat Membru għandu jwaqqaf sistema biex ikejjel sew il-piżijiet amministrattivi. Il-Kummissjoni se tniedi eżerċizzju importanti hi stess biex tidentifika u tipproponi kif tnaqqas l-ispejjeż li huma konsegwenza ta’ liġijiet ta’ l-UE jew ta' l-implimentazzjoni tagħhom fuq livell nazzjonali.

- Il-Kummissjoni se tneħħi l-obbligu fuq in-notifika ta’ ċerti kategoriji ta’ għajnuniet statali, ħaġa li għandha tgħin lill-SMEs.

3. Biex in-nies imorru jaħdmu

- Biex ir-rati ta’ l-impjiegi jkunu jistgħu jiżdiedu u biex jiġu ffinanzjati l-pensjonijiet u l-kura tas-saħħa għal popolazzjoni li qed tixjieħ, l-Istati Membri għandhom jadottaw sistema ta’ impjiegi li fiha tingħata għajnuna lill-persuni f’kull età, skond il-ħtieġa li jkollhom.

- Kull persuna ta‘ età żagħżugħa li tkun ħalliet l-iskola jew l-università għandha tkun offruta impjieg, apprentistat jew taħriġ addizzjonali fi żmien sitt xhur wara li tkun saret qiegħda sa tmiem l-2007, u fi żmien 100 jum sa l-2010.

- Għandu jkun hemm aktar sforzi biex jintlaħqu l-miri nazzjonali għall-provvista ta’ kura tat-tfal li jkun ta' kwalità għolja kif ukoll li jkun ta’ prezz li wieħed jista’ jlaħħaq miegħu. Għandu jkun hemm ukoll miżuri biex tinkiseb ugwaljanza aħjar bejn is-sessi fuq ix-xogħol u biex jinġieb 'il quddiem il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.

- Għandu jkun implimentat programm biex il-ħaddiema jibqgħu attivi huma u jikbru, b’aktar taħriġ għal min għandu aktar minn 45 sena, inċentivi finanzjarji biex il-ħaddiema jdumu jaħdmu aktar, u l-użu ta’ xogħol part-time.

- Il-Kummissjoni se torganizza laqgħa għolja soċjali straordinarja u tippreżenta rapport sa tmiem l-2007 dwar il-bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà ta’ l-impjieg (“flexicurity”).

4. Provvista ta’ l-enerġija effiċjenti, sostenibbli u bla perikli

Il-Kummissjoni timpenja ruħha fir-rapport sabiex tħeġġeġ lill-Ewropa tilqa’ l-isfidi ta’ prezzijiet taż-żejt u tal-gass dejjem tilgħin, u t-tnaqqis tat-tniġġiż. Mhix qegħda tomgħod il-messaġġ tagħha lill-mexxejja ta’ l-UE: l-enerġija hija kwistjoni globali li trid tweġiba Ewropea. Dan ifisser:

- Koordinazzjoni aħjar bejn in-netwerks ta’ l-elettriku u s-sistema ta’ distribuzzjoni tal-gass ta’ l-Ewropa, regolazzjoni aħjar tas-swieq ta' l-enerġija u aktar kompetizzjoni.

- Aktar inċentivi fiskali u oħrajn oħrajn biex jinġieb 'il quddiem l-użu ta’ enerġija sostenibbli u tissaħħaħ ir-riċerka fl-użu effiċjenti ta’ l-enerġija, l-enerġija nadifa, u dik li tiġġedded.

- L-Ewropa għandha “titkellem b’leħen wieħed” fin-negozjati mal-fornituri esterni li għad jissupplixxu dejjem aktar u aktar mill-enerġija tagħna.

- Il-Kummissjoni se tippubblika Green Paper bil-proposti dettaljati fil-bidu tar-Rebbiegħa 2006.

L-Isfond

Il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR)

Fir-Rapport tar-Rebbiegħa l-Kummissjoni tevalwa kull PNR imfassal mill-Istati Membri għall-ewwel darba. Il-PNR għandhom bejniethom bażi komuni, is-sett waħdani ta' l-24 Linji-Gwida ta' Politika maqbula mill-Kunsill (ara MEMO/05/123) L-użu tal-għarfien, l-esperjenza u l-ideat it-tajba ta’ kull Stat Membru sabiex kull wieħed ikun jista’ jitgħallem mill-oħrajn’, dan huwa fil-qalba tal-metodu ta’ sħubija u mezz ċentrali biex tkun tista' titwettaq id-differenza fil-konkret. Il-Kummissjoni se tidentifika oqsma fejn hemm l-akbar possibilitajiet li jkun hemm tagħlim minn xulxin u se tgħin lill-Istati Membri jagħmlu tagħhom ideat li jidhru tajba mill-PNR ta’ xulxin.

Dwar il-PNR, il-President Barroso qal: “L-ispirazzjoni hija qrib tagħna. L-Istati Membri kollha qed iġibu ideat li l-oħrajn jistgħu jadattaw u jadottaw, u jien nifirħilhom. Iżda l-progress mhux kullimkien l-istess u l-Kummissjoni se tkabbar l-isforzi tagħha biex timbotta ‘l-proċess. Dan ir-Rapport diġà juri li m’aħniex se nkunu sieħeb li jibqa’ kwiet. Se ngħidu prosit fejn imiss, u noffru kritika kostruttiva fejn din tista' tkun ta' għajnuna.”

Il-Passi li Jmiss

Ir-Rapport tal-Kummissjoni se jmur quddiem il-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa f’Marzu, meta l-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-kapijiet ta’ l-istat u tal-gven biex jimpenjaw ruħhom fejn meħtieġ.

Il-Kummissjoni se taħdem ma’ l-Istati Membri biex tgħinhom fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-PNR, biex tiddiskuti kif jistgħu jissaħħu l-programmi u biex tara li strumenti oħra ta’ l-UE bħal ma huma l-fondi ta' koeżjoni jintużaw b’mod effettiv biex it-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi jingħataw appoġġ.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni se taġġorna l-Programm tal-Komunità ta’ Liżbona (ara IP/05/973) Aktar minn nofs il-miżuri maħsuba fuq livell ta’ l-UE diġà ġew adottati mill-Kummissjoni, għalkemm dawn jista’ jkollhom effett prattiku darba li jkunu wkoll approvati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Għal aktar dettalji dwar ir-Rapport tar-Rebbiegħa u l-annessi speċifiċi dwar kwistjonijiet makroekonomiċi, mikroekonomiċi u dwar l-impjiegi, ara MEMO/06/23.

Għat-test sħiħ tar-Rapport – li huwa pjuttost konċiż meta jitqabbel ma dawk tas-snin l-imgħoddija – ara s-sit fuq l-internet tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi f’ http://ec.europa.eu/growthandjobs/index_en.htm
Għal lista sħiħa tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, jekk jogħġbok ara

http://ec.europa.eu/growthandjobs/pdf/nrp_2005_en.pdf


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website