Navigation path

Left navigation

Additional tools

“.eu”: id-dominju l-ġdid ta' l-Internet ta’ l-Ewropa issa miftuħ għal kulħadd

European Commission - IP/06/476   07/04/2006

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL

IP/06/476

Brussell, is-7 ta’ April 2006

“.eu”: id-dominju l-ġdid ta' l-Internet ta’ l-Ewropa issa miftuħ għal kulħadd

Mill-11:00 ta' dalgħodu, kulmin huwa residenti fl-Ewropa jista' japplika biex jirreġistra isem taħt id-Dominju ta' l-Ogħla Livell ".eu", bi preċedenza skond id-data u l-ħin ta' l-applikazzjoni. Mhuwiex neċessarju li min japplika jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru ta' l-UE. Illum huwa wkoll it-tmiem tal-"perjodu ta' tlugħ ix-xemx", li matulu saru aktar minn 320 000 applikazzjoni għal ismijiet taħt id-dominju ".eu" min-naħa ta' detenturi ta' trejdmarks, korpi pubbliċi u detenturi ta' drittijiet preċedenti oħra bħalma huma trejdmarks mhux reġistrati, identifikaturi ta' l-azjendi jew drittijiet ta' l-awtur. L-istituzzjonijiet u l-uffiċjali ta' l-UE wkoll se jaqilbu għal ismijiet ".eu", kollha f'salt, fid-9 ta' Mejju, Jum l-Ewropa.

"Illum, is-soċjetà kompetittiva u msejsa fuq l-għarfien ta' l-Ewropa qed issir viżibbli ħafna fuq l-Internet, quddiem id-dinja kollha," qalet il-Kummissarju għas-Soċjetà ta' l-Informatika u l-Midja, Viviane Reding. "L-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha issa jistgħu jipprojettaw l-identità tagħhom fuq il-web, taħt il-protezzjoni tar-regoli ta' l-UE. Nistenna li jidħlu eluf ta' applikazzjonijiet fl-ewwel ftit sigħat tal-ġirja pubblika għall-ismijiet, biex l-isem tad-dominju ".eu" jsir b'saħħtu daqs .com."

Dawk iċ-ċittadini li jkunu jixtiequ jirreġistraw isem tad-dominju taħt ".eu" għandhom jagħżlu reġistratur akkreditat ".eu" minn din il-lista: http://list.eurid.eu/registrars/ListRegistrars.htm?lang=en.
L-isem tad-dominju tagħhom taħt ".eu" għandu jiġi attivat fi ftit sigħat. L-ispejjeż tar-reġistrazzjoni jvarjaw minn parti għall-oħra ta' l-UE, u l-ħlasijiet kollha li jintalbu (mir-Reġistratur u r-Reġistru) f'xi każijiet jistgħu ma jaqbżux it-12-il ewro. Hemm mijiet ta' reġistraturi li qegħdin jikkompetu biex jirreġistraw l-ismijiet, allura l-klijenti jaqblilhom jitkixxfu dwar min minnhom joffrilhom l-aħjar prezzijiet, kwalità u servizzi.

Matul il-ġirja inizjali għall-ismijiet, l-applikazzjonijiet se jingħataw preċedenza skond id-data u l-ħin li jkunu saru, jiġifieri jekk isiru żewġ applikazzjonijiet għall-istess isem tad-dominju, ir-Reġistru ".eu" jirreġistra dik li tkun daħlet l-ewwel. Bil-maqlub ta' l-applikazzjonijiet matul "il-perjodu ta' tlugħ ix-xemx", dawk tal-ġirja pubblika inizjali se jiġu rreġistrati mingħajr formalitajiet ulterjuri, fi żmien ftit sigħat mill-ħin li jaslu.

Il-websajt sħiħa ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE (l-ikbar waħda fl-Ewropa kolla), u l-indirizzi tal-posta elettronika ta' l-uffiċjali tagħhom kollha, jaqilbu għal ".eu" fid-9 ta' Mejju, Jum l-Ewropa. L-indirizzi l-qodma jibqgħu validi, flimkien mal-ġodda, għal sena talanqas, u mbagħad jintużaw l-ismijiet ".eu" weħidhom. It-tħejjijiet tal-Kummissjoni għal ".eu" huma mmexxija mill-Viċi President Sim Kallas, li l-bidla lejn eKummissoni qed issir taħt l-awspiċi tiegħu.

Il-kuntest

Fis-7 ta' Diċembru 2005, EURid[1], l-organizzazzjoni bla skop ta' qligħ li l-Kummissjoni Ewropea għażlitha, b'sejħa għall-offerti, biex tieħu ħsieb ir-reġistrazzjoni ta' l-ismijiet tad-dominji, fetħet għall-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' l-ismijiet tad-dominji. Għall-bidu (mis-7 ta’ Diċembru 2005 sas-7 ta’ Frar 2006), il-possibbiltà li wieħed japplika għar-reġistrazzjoni ta’ l-ismijiet “.eu” kienet riservata għad-detenturi tat-trejdmarks u għall-korpi pubbliċi. Din il-possibbiltà mbagħad ġiet estiża lid-detenturi ta’ “drittjiet preċedenti” oħra, bħal ismijiet ta’ kumpaniji u identifikaturi ta' l-azjendi (mis-7 ta’ Frar sas-7 ta’ April 2006). Fl-aħħarnett, mil-lum fil-11:00 ta' filgħodu, kulmin huwa stabbilit fl-Unjoni Ewropea jista’ japplika biex jirreġistra isem ta' dominju ".eu".
Aktar tagħrif dwar kif għandek tagħmel biex tapplika għal isem tad-dominju taħt ".eu", kif ukoll tagħrif amministrattiv ieħor, issibu fuq il-paġna ewlenija ta' l-EURid:

http://www.eurid.eu/en
Il-paġni tal-Kummissjoni fuq l-Internet:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/doteu/index_en.htm

MEMO/06/159


[1] EURid huwa t-titlu li jintuża għall-konsorzju bla skop ta' qligħ ta’ 3 reġistri: DNS-BE (il-Belġju), IIT CNR (l-Italja) u NIC SE (l-Iżvezja).


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website