Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-politika ta' l-UE dwar it-tibdil fil-klima: Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jaqdu l-obbligi tagħhom

European Commission - IP/06/469   06/04/2006

Other available languages: EN FR DE ES IT EL HU PL

IP/06/469

Brussell, 06 ta' April 2006

Il-politika ta' l-UE dwar it-tibdil fil-klima: Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jaqdu l-obbligi tagħhom

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra għadd ta' Stati Membri minħabba l-vjolazzjoni ta' erba' biċċiet separati tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar it-tibdil fil-klima. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-UE u l-Istati Membri tagħha jaqdu l-obbligi kollha ta' rappurtar li għandhom skond il-Konvenzjoni tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Protokoll ta' Kjoto. Parti mill-azzjoni legali tal-Kummissjoni għandha wkoll il-mira li tiżgura li l-Iskema għal Suq ta' l-Emissjonijiet issir operattiva bis-sħiħ. Ħames Stati Membri sallum għadhom ma kkollegawx irwieħhom mas-sistema tar-reġistrazzjoni elettronika tas-suq fl-emissjonijiet, mifruxa ma' l-UE kollha kemm hi, minkejja li għal dan kien hemm skadenza sa Diċembru 2004.

"L-UE ħadet impenn favur l-isforzi internazzjonali biex jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima, u dan jirrikjedi li naqdu l-obbligi ta' rappurtar kollha li għandna," qal il-Kummissarju għall-Ambjent Stavros Dimas. "Dan huwa ta' importanza partikolari issa li qed jinbdew it-taħditiet dinjija dwar l-azzjonijiet tal-ġejjieni. Is-sistema tagħna ta' suq fl-emissjonijiet għandha titħaddem b'suċċess sabiex fl-UE nilħqu tnaqqis ta' l-emissjonijiet b'mod ekonomiku. Għadd ta' Stati Membri għadhom sallum ma ngħaqdux mas-sistema tar-reġistrazzjoni elettronika mifruxa ma' l-UE kollha kemm hi, u dan ifisser li l-kumpaniji tagħhom ma jistgħux jieħdu sehem sħiħ fis-suq ta' l-emissjonijiet. Nistieden lill-Istati Membri jirranġaw il-qagħda bla dewmien."

In-nuqqas tal-kollegament tar-reġistri nazzjonali mas-sistema tar-reġistrazzjoni mifruxa ma' l-UE kollha

Il-11 500 stallazzjoni li qed jipparteċipaw fl-iskema ta' l-UE ta' suq ta' l-emissjonijiet ma jingħatawx allokazzjonijiet ta' l-emissjonijiet stampati: minflok, dawn jinżammu elettronikament, f'reġistri stabbiliti mill-Istati Membri. Dawn ir-reġistri huma kkollegati ma' xulxin, b'tali mod li l-kumpaniji jkunu jistgħu jikkummerċaw l-allokazzjonijiet direttament ma' xulxin. Is-sistema ta’ reġistri żżomm tagħrif aġġornat dwar il-proprjetarji ta' l-allokazzjonijiet bl-istess mod li sistema bankarja żżomm tagħrif aġġornat dwar il-proprjetarji tal-flus. It-tranżazzjonijiet kollha jgħaddu mir-'reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet', li jippermetti lil amministratur ċentrali fuq il-livell ta' l-UE li jiċċekkja kull tranżazzjoni għall-irregolaritajiet.

Sabiex Stat Membru jkun jista' jingħaqad mas-sistema tar-reġistri, jeħtieġlu jistabbilixxi reġistru nazzjonali fil-forma ta' database elettroniku standardizzat, kif ukoll mezz tekniku ta' komunikazzjoni. Dan suppost li sar sal-31 ta' Diċembru 2004, skond ir-Regolament li jistabbilixxi s-sistema tar-reġistri[1].

Minħabba d-dewmien biex tikseb u tevalwa l-pjanijiet nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet, il-Kummissjoni issa l-ewwel li ddeċidiet li tibda l-proċeduri ta' ksur dwar in-nuqqas tat-teħid ta' dawn il-miżuri. Bagħtet l-ewwel ittri ta' twissija lil Ċipru, il-Greċja, il-Lussemburgu, Malta u l-Polonja. Filwaqt li l-kumpaniji f'dawn il-pajjiżi jistgħu jikkummerċjaw l-allokazzjonijiet bil-quddiem, sakemm isir il-kollegament jibqgħu mċaħħda mill-parteċipazzjoni fil-kummerċ kurrenti (spot trading).

In-nuqqas ta' preżentazzjoni ta' tagħrif dwar il-politiki u l-miżuri rigward il-projezzjonijiet dwar l-emissjonijiet

Skond il-Konvenzjoni tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Protokoll ta' Kjoto, l-UE u l-Istati Membri jeħtiġilhom jirrappurtaw regolarment dwar l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet b'effett ta' serra, u dwar il-politiki u l-miżuri li jkunu ttieħdu biex jitnaqqsu, sabiex il-progress ikun jista' jiġi mmonitorjat. Id-Deċiżjoni 280/2004/KE tispeċifika l-obbligi ta' rrappurtar. Il-Kummissjoni issa bagħtet it-tieni twissija bil-miktub, li hija finali, lill-Awstrija, Ċipru, l-Ungerija, Malta u l-Polonja, minħabba li, sal-15 ta' Marzu 2005, ma nnotifikawlhiex liema politiki u miżuri ħadu u l-impatti tagħhom, u lanqas ma stmaw l-emissjonijiet futuri tagħhom ta' gassijiet bl-effett ta' serra. L-ewwel twissija ntbagħtet f'Ottubru 2005.

In-nuqqas ta' preżentazzjoni ta' tagħrif dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett ta' serra

L-istess Deċiżjoni tesiġi wkoll li l-Istati Membri, sal-15 ta' Jannar ta' kull sena, jirrappurtaw dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett ta' serra matul is-sena ta' qabel dik preċedenti. Ċipru, l-Italja, Malta u Spanja ma ppreżentaw xejn mit-tagħrif rikjest għas-sena 2004. Il-Kummissjoni għaldaqstant bagħtitilhom l-ewwel twissijiet bil-miktub.

In-nuqqas ta' tħejjijiet għas-suq internazzjonali ta' l-emissjonijiet skond il-Protokoll ta' Kjoto

Matul l-ewwel perjodu ta' impenn 2008-2012 tal-Protokoll ta' Kjoto, sejra tiġi stabbilita sistema ta' suq ta' l-emissjonijiet b'tali mod li dawk il-pajjiżi li għandhom miri ta' Kjoto jkunu jistgħu jbigħu u jixtru krediti ta' l-emissjonijiet bejniethom. L-għan huwa li titbaxxa l-ispiża marbuta mat-tnaqqis fl-emissjonijiet.

Skond id-Deċiżjoni 2005/166/KE, l-Istati Membri ta' l-UE-15 kellhom l-obbligu li, sal-15 ta' Jannar 2006, lill-Kummissjoni jressqulha t-tagħrif meħtieġ biex tiddetermina l-kwantità awtorizzata ta' emissjonijiet tagħhom , skond il-mira ta' Kjoto tagħhom għall-perjodu 2008-2012 – l-hekk imsejjaħ "kwantità assenjata". (L-iskadenza għall-għaxar Stati Membri li daħlu fl-2004 hija l-15 ta' Ġunju 2006). Il-"kwantità assenjata" hija stabbilita min-NU fuq il-bażi tat-tagħrif imressaq mill-Istati Membri.

Ġaladarba tiġi ffissata l-kwantità assenjata, għadd ekwivalenti ta' "Unitajiet tal-Kwantità Assenjata" (AAUs) jinħarġu għar-reġistru ta' l-Istat Membru kkonċernat sabiex ikun jista' jieħu sehem fis-suq internazzjonali ta' l-emissjonijiet mis-sena 2008 'l quddiem. Kull AAU hija ekwivalenti għal tunnellata ta' CO2 eq. L-iffissar tal-kwantità assenjata hija wkoll kundizzjoni għall-eliġibbiltà ta' Stat Membru biex jieħu sehem fil-mekkaniżmi flessibbli l-oħra tal-Protokoll ta' Kjoto: Il-Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Nadif u l-Implimentazzjoni Konġunta, li lill-pajjiżi jippermettulhom li jinvestu fi proġetti għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet f'pajjiżi terzi li jiġġeneraw il-krediti ta' l-emissjonijiet.

Il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u Spanja naqsu milli jressqu t-tagħrif meħtieġ biex il-kwantitajiet assenjati tagħhom jiġu ddeterminati, u minħabba f'hekk, il-Kummissjoni issa bagħtitilhom l-ewwel twissijiet bil-miktub.

Proċedura Legali

L-Artikolu 226 tat-Trattat jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tieħu passi legali kontra Stat Membru li ma jkunx qed jaqdi l-obbligi tiegħu.

Jekk il-Kummissjoni tqis li jista' jkun hemm ksur tal-liġi ta' l-UE li jitlob il-ftuħ tal-proċedura ta' ksur, tindirizza "Ittra ta' Avviż Formali" (l-ewwel twissija bil-miktub) lill-Istat Membru kkonċernat, li fiha titolbu jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu sa data speċifika, is-soltu fi żmien xahrejn.

Fid-dawl tar-risposta jew tan-nuqqas ta' risposta mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tindirizzalu "Opinjoni Motivata" (l-aħħar twissija bil-miktub). Din l-Opinjoni tesponi b'mod ċar u definittiv ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni jkun jidhrilha li jkun seħħ ksur tal-liġi ta' l-UE, u ssejjaħ lill-Istat Membru biex jikkonforma ruħu fi żmien speċifikat, is-soltu ta' xahrejn.

Jekk l-Istat Membru jonqos milli jikkonforma ruħu ma' l-Opinjoni Motivata, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżultalha li jkun seħħ ksur tat-Trattat, l-Istat Membru fit-tort ikun jeħtieġlu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma.

L-Artikolu 228 tat-Trattat jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li taġixxi kontra Stat Membru li ma jikkonformax ma’ sentenza preċedenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. L-artikolu lill-Kummissjoni jippermettilha wkoll li titlob lill-Qorti timponi penali finanzjarja fuq l-Istat Membru kkonċernat.

Għal aktar tagħrif dwar il-politiki ta' l-UE dwar it-tibdil fil-klima, ara:

http://ec.europa.eu/environment/climat/home_en.htm

Għall-istatistika kurrenti ġenerali dwar il-ksur, ara:

http://ec.europa.eu/secretariat_general/sgb/droit_com/index_en.htm#infractions


[1] Ir-Regolament Nru 2216/2004.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website