Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-Istati Membri jaqblu dwar il-Liċenzja tas-Sewqan Ewropea

Commission Européenne - IP/06/381   27/03/2006

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL

IP/06/381

Brussell, is-27 ta’ Marzu 2006

L-Istati Membri jaqblu dwar il-Liċenzja tas-Sewqan Ewropea

Illum, il-Kunsill tal-Ministri laħaq qbil politiku dwar proposta li l-Kummissjoni Ewropea għamlet fl-2003 dwar liċenzja Ewropea tas-sewqan (COM(2003)621 – IP/03/1435). Regoli komuni Ewropej sejrin jiffaċilitaw il-moviment ħieles tas-sewwieqa ta' l-UE, jipprevjenu l-frodi fl-użu tal-liċenzji tas-sewqan bħala dokumenti ta' l-identità, u jtejbu s-sikurezza fit-toroq, partikolarment fejn jidħlu l-muturi. Mudell wieħed, fil-format ta' karta ta' kreditu, se jieħu post l-aktar minn 110 mudell differenti li bħalissa jinsabu fl-idejn.

Huwa u jilqa' l-qbil, il-Viċi President Barrot qal, "Il-liċenzja Ewropea tas-sewqan hija ta' importanza vitali għas-sikurezza fit-toroq u għall-ġlieda kontra l-frodi. L-ivvjaġġar fl-Ewropa sejra tagħmlu eħfef u ħieles mid-diffikultajiet burokratiċi. Is-sewwieqa kollha se jkollhom liċenzji ċari u moderni li jaċċettawhom l-Istati Membri kollha – kuntent li l-Kunsill irnexxielu jilħaq dan il-ftehim".

Il-liċenzja tas-sewqan il-ġdida sejra ttejjeb is-sikurezza fit-toroq permezz ta' definizzjonijiet aħjar ta' l-ambitu ta' l-applikazzjoni tal-kategoriji differenti tal-liċenzji tas-sewqan. Sejra tiċċara preċiżament min ikun awtorizzat isuq xiex. Tipprovdi għall-introduzzjoni ta' liċenzja għal-motorini u tistabbilixxi l-prinċipju ta' l-aċċess progressiv għal muturi akbar u aktar qawwija. L-aċċess dirett għal din il-kategorija ta' l-aħħar se jkun possibbli biss mill-età ta' 24 sena, wara test teoretiku u prattiku. Dawk li jkunu jixtiequ jsuqu l-muturi l-aktar qawwija qabel dik l-età se jkun jeħtiġilhom l-ewwelnett jiksbu sentejn esperjenza fuq muturi eħfef. Ir-regoli l-ġodda jistabbilixxu standards minimi għall-eżaminaturi tas-sewqan.

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tirrappreżenta pass importanti lejn il-ġlieda kontra l-frodi li jinvolvi l-liċenzji tas-sewqan u l-fenomenu tat-"turiżmu tal-liċenzji tas-sewqan"[1]. L-Istati Membri sejrin isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom sabiex ma jħallux lil sewwieqa li jkollhom projbizzjoni temporanja milli jiksbu liċenzja tas-sewqan ġdida fi Stat Membru ieħor.

Għal dan il-għan, jeħtieġ ukoll li tiġi stabbilita xibka għall-iskambju ta' l-informazzjoni dwar il-liċenzji tas-sewqan fi ħdan l-UE kollha kemm hi. Se jiġi introdott mudell wieħed ġdid tal-liċenzja tas-sewqan, fil-format ta' karta ta' kreditu b'karatterstiċi msaħħa ta' sigurtà, filwaqt li gradwalment jitneħħew il-110 mudell differenti li għadhom jinsabu fl-idejn. Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, l-Istati Membri se jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom 26 sena biex jissostitwixxu l-liċenzji eżistenti tas-sewqan. Intlaħaq qbil dwar dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet eżistenti kollha għas-sewqan ta' vetturi speċifiċi jkomplu jgawdu l-għarfien reċiproku.

Id-Direttiva l-ġdida lill-Istati Membri sejra tħallihom liberi li jintroduċu jew le ċippa elettronika fil-mudell il-ġdid. Jagħżlu x'jagħżlu, l-Istati Membri jeħtiġilhom jirrispettaw ir-regoli ta' l-UE dwar il-protezzjoni tad-data.

Fil-ġejjieni, il-validità tal-liċenzji tas-sewqan sejra tkun limitata. Ir-regoli l-ġodda jipprevedu perjodu ta' validità ta' 10 snin għal-liċenzji, li l-Istati Membri jistgħu jtellgħuh sa 15-il sena. L-Istati Membri huma liberi li jorganizzaw eżamijiet mediċi fil-waqt tat-tiġdid amministrattiv.

Wara l-qbil politiku ta' llum, l-adozzjoni formali tad-Direttiva jsir effettiv aktar tard din is-sena fit-tieni qari mill-Parlament Ewropew. Għaldaqstant, id-Direttiva tidħol fis-seħħ sa tmiem l-2006, u tibda tapplika sa mhux aktar tard minn tmiem l-2012.

MEMO/06/143 European Driving Licence: Differences between existing and future legislation


[1] Dan it-temrinu jiddeskrivi l-fenomenu li ġej: ċittadini li, b'riżultat ta' ksur serju tal-liġi, l-awtoritajiet ta' l-Istat fejn ikunu residenti jkunu ħadulhom il-liċenzja tas-sewqan, jiksbu liċenzja tas-sewqan ġdida fi Stat Membru ieħor, u din il-liċenzja jkollha tiġi rrikonoxxuta fl-Istat li huma residenti fih.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site