Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tipproponi miżuri konkreti biex ittejjeb u tħaffef il-forniment ta’ l-għajnuna komunitarja

European Commission - IP/06/256   02/03/2006

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL

IP/06/256

Brussell, it-2 ta’ Marzu 2006

Il-Kummissjoni tipproponi miżuri konkreti biex ittejjeb u tħaffef il-forniment ta’ l-għajnuna komunitarja

Fi tliet komunikazzjonijiet approvati llum, il-Kummissjoni pproponiet miżuri konkreti biex ittejjeb l-effettività ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp u ta’ l-għajnuna esterna ta’ l-UE . Dawn il-proposti jibnu fuq l-impenji ta’ l-UE meħuda fl-2005 biex l-għajnuna tiżdied sostanzjalment u biex jitjieb l-impatt u r-rapidità tagħha, sabiex jintlaħqu l-isfidi ta' l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju sa l-2015. Il-Kummissjoni tipproponi pjan ta' ħidma li jinkludi pprogrammar konġunt ta’ għajnuna ma’ l-Istati Membri u tqis li l-Unjoni miexja sewwa sabiex twettaq l-impenji finanzjarji tagħha li ntrabtet għalihom.

“B’dawn il-proposti, nistgħu nwettqu dak li wegħdna: li nagħmlu aktar għall-iżvilupp, u li nagħmluh aħjar u f’iqsar żmien. Għalkemm l-iżvilupp huwa u jibqa’ kompetenza komuni tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri dan ma jwaqqafniex milli ngħaqqdu l-forzi tagħna, narmonizzaw il-proċeduri u naqsmu x-xogħol. L-UE hija l-akbar donatriċi ta’ għajnuna fid-dinja iżda jekk naqsmu din il-ħidma kbira b’mod intelliġenti u kkoordinat, kif wegħdna kollha kemm aħna s-sena l-oħra f’bosta forums internazzjonali, kull euro li nonfqu jagħti kontribut akbar fil-ġlieda kontra l-faqar”, qal il-Kummissarju Michel.

Il-Kummissarju għar-Relazzjonijiet Esterni u l-Politika tal-Viċinat, Benita Ferrero-Waldner, qalet: “L-effettività ta’ l-għajnuna esterna hija ta’ prijorità għolja fl-aġenda tal-Kummissjoni. Illum, il-Kummissjoni qed twitti t-triq għal aktar koordinazzjoni, koerenza u impatt ta' l-għajnuna Ewropea mad-dinja kollha. Għajnuna rapida u regolarizzata teħtieġ li tibda ssir b’mod kostanti. Dan huwa l-għan tiegħi għas-snin li ġejjin!”

It-tliet komunikazzjonijiet li ġew approvati llum għandhom l-għan li jtejbu l-effettività, l-koerenza u l-impatt ta’ l-għajnuna għall-iżvilupp ta’ l-UE. Il-Kummissjoni tipproponi pjan ta’ ħidma b’9 azzjonjiet limitati fiż-żmien li għandhom jiġu implimentati b’mod konġunt mill-Kummissjoni u l-Istati Membri. Xi ħidmiet, bħall-ippjanar preċiż ta’ l-għajnuna ta’ l-UE permezz ta’ atlas ta’ donaturi reġjonali, l-appoġġ ta’ proċessi ta’ koordinazzjoni lokali u l-iżvilupp ta’ qafas komuni għall-ipprogrammar ta’ l-għajnuna, jistgħu jitniedu immedjatament. Oħrajn, bħall-mekkaniżmu ta’ kofinanzjament propost għall-fondi ta’ l-UE, jista’ jiġi implimentat fiż-żmien l-4 snin li ġejjin.

  • Il-Komunikazzjoni “Nagħmlu aktar, aħjar u aktar malajr” tippreżenta pjan konkret ta’ ħidma . Għal kull ħidma, tistabbilixxi aġenda operattiva ta’ ħidma għall-2006-2007.
  • Il-Komunikazzjoni “Ipprogrammar multiannwali konġunt” tirrappreżenta wieħed mill-ewwel għanijiet konkreti tal-pjan ta’ ħidma. Tipproponi qafas konġunt ta’ l-UE għall-ipprogrammar ta’ l-għajnuna ta’ l-iżvilupp sabiex titjieb l-effettività tagħha.
  • Il-Komunikazzjoni “Iffinanzjar għal Għajnuna u Żvilupp Effettiv” tissorvelja r-riżultati ta’ l-UE meta mqabbla ma’ l-impenji tagħha, f’termini ta’ kwantità ta’ għajnuna u f’termini ta’ l-effettività tal-forniment tagħha. Għall-perjodu 2003-2004, il-komunikazzjoni tiddikjara li l-UE hija miexja kollettivament fit-twettiq ta’ l-impenji finanzjarji. Madankollu, il-prestazzjoni individwali ta’ wħud mill-pajjiżi ta’ l-Istati Membri għandha mhijiex biżżejjed. L-abilità ta’ l-Istati Membri ġodda li jilħqu l-impenji tagħhom hija kkunsidrata bħala pożittiva ħafna.

Bħala appoġġ għat-tliet komunikazzjonijiet, il-Kummissjoni rrivediet u aġġornat “l-Atlas ta’ Donaturi ta’ l-UE 2006”, li fih l-ippjanar ta’ l-għajnuna komunitarja madwar id-dinja. Volumi addizzjonali li jiffukaw fuq reġjun partikolari se jiffaċilitaw aktar analiżi speċifika tal-kooperazzjoni tad-donaturi komunitarji f’kuntest reġjonali u jiffaċilitaw it-tqassim tax-xogħol fi ħdan l-UE (“min jagħmel xiex fejn u ma’ min”). Diġà huwa disponibbli l-ewwel volum dwar l-Afrika tal-Punent.

Sfond

Fid-dawl tal-progress limitat imwettaq s’issa lejn l-Għanijiet ta’ l-Iżvilupp tal-Millenju, b’mod partikolari fl-Afrika ta’ taħt is-Saħara, f’Ġunju 2005 l-UE ħadet it-tmexxija politika fil-politika ta’ żvilupp. L-Unjoni qablet dwar inizjattiva ambizzjuża għal aktar għajnuna għad-dinja li qed tiżviluppa (0.56% tal-DNG (GNI) sa l-2010 jew żieda ta’ madwar 20 biljun euro fis-sena sa l-2010), għal żieda fl-effiċjenza ta’ l-għajnuna tagħha permezz ta’ koordinazzjoni u armonizzazzjoni bejn l-Istati Membri u għal iffukar fuq l-Afrika filwaqt li tiddikjara li l-kontinent Afrikan għandu jirċievi għall-anqas 50% ta’ żieda f’għajnuna.

F’Diċembru 2005, l-Unjoni Ewropea qablet ukoll dwar reviżjoni ta’ l-Istqarrija tal-Politika ta’ Żvilupp, il-“Konsensus Ewropew”. Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ l-UE, ifformulat għanijiet strateġiċi komuni għal politika ta’ żvilupp li l-UE kollha taqbel dwarha.

Il-Komunikazzjonjiet approvati illum għandhom l-għan li jwettqu konkretament l-impenji meħuda mill-Unjoni Ewropea u mill-OECD fl-2005 u jikkostitwixxu s-segwitu loġiku għall-“Konsensus Ewropew”.
Aktar tagħrif jista’ jinkiseb f’uq:

http://ec.europa.eu/development/body/development_policy_statement/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website