Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/06/201

Brussell, il-22 ta’ Frar 2006

[ ]

L-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija: il-Kummissjoni tipproponi mudell ġdid ta’ eċċellenza

Il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill Ewropew biex iwaqqaf Istitut Ewropew għat-Teknoloġija (l-IET) intenzjonat li jkun mudell ta’ eċċellenza fl-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni. F’Komunikazzjoni adottata llum, il-Kummissjoni ddefinixxiet l-elementi prinċipali tal-proposta għall-IET – oriġinalment ippreżentata fl-2005 bħala parti mit-tisħiħ mill-ġdid ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona għall-iżvilupp u l-impjiegi – li hi issa lesta biex tkun ikkunsidrata mill-Kapijiet ta’ l-Istati u l-Gvernijiet. Il-Kummissjoni bbażat xogħolha fuq ir-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika wiesgħa u ġabret aktar minn 700 kontribuzzjoni.

“L-eċċellenza teħtieġ mudell: hu għalhekk li l-Ewropa għandha jkollha Istitut Ewropew għat-Teknoloġija b’saħħtu, li jiġbor flimkien l-aħjar imħuħ u kumpaniji u jippromulga r-riżultati fl-Ewropa” qal José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea. L-IET ser ikun organizzazzjoni ħafifa u flessibbli”, enfasizza l-President Barroso. “Hu għandu jgħallem lill-gradwati u lill-kandidati dottorali, iwettqu r-riċerka u jkunu attivi fl-innovazzjoni, kemm f’xi oqsma tematiċi strateġiċi kif ukoll fil-qasam tal-maniġment tax-xjenza u l-innovazzjoni".

“Jekk l-Ewropa trid tibqa’ kompetittiva, allura għandna nassiguraw li nimmiljoraw ir-relazzjoni bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni,” qal Ján Figel’, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, il-Kultura u l-Multilingwiżmu. “Hi perċezzjoni komuni li fl-Ewropa, din ir-relazzjoni ma taħdimx daqstant tajjeb kif suppost. L-Ewropa b’mod konsistenti ma jirnexxilhiex tibdel ir-riżultati ta’ l-R&D f’opportunitajiet kummerċjali, innovazzjonijiet u impjiegi.”

L-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija se jikkonċentra, b’mod partikulari, biex jgħaqqad flimkien it-tliet naħat tat-trijanglu ta’ l-għerf: l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Dawn it-tliet oqsma għandhom l-imfietaħ tas-soċjetà ta’ l-għerf. L-IET ser ikollu struttura u taħlita ta’ partners li speċifikament ikollhom il-missjoni li jintegraw u jikkonnettjaw b’mod inseparabbli dawn it-tliet oqsma.

L-istruttura ta’ l-IET se tkun ibbażata fuq żewġ livelli : Bord ta’ Governanza flimkien ma’ amministrazzjoni żgħira ta’ appoġġ (li se tkun il-parti ċentrali ta’ l-IET); u sett ta’ Komunitajiet ta’ Għerf, distribwiti ma’ l-Ewropa kollha li jwettqu l-attivitajiet f’oqsma trans-dixxiplinarji strateġiċi. L-IET hu mistenni li jirċievi fondi minn varjetà ta’ sorsi fosthom l-UE, l-Istati Membri u l-komunità kummerċjali.

L-IET se jimmira biex jattira l-aħjar u l-aktar studenti, riċerkaturi u personell b’talent mid-dinja kollha. Dawn se jaħdmu flimkien ma’ entitajiet kummerċjali ewlenin fl-iżvilupp u l-esplojtazzjoni ta’ għerf u riċerka kompetittiva għall-aħħar, biex b’hekk isaħħu l-kapaċitajiet maniġerjali tar-riċerka u l-innovazzjoni b’mod ġenerali. L-integrazzjoni ta’ timijiet mill-universitajiet, ċentri ta’ riċerka u kumpaniji tagħtih vantaġġ fuq universitajiet jew netwerks organizzati b’mod tradizzjonali. Barra minn dan, il-mudell il-ġdid ta’ l-IET se jaġixxi ta’ katalizzatur għal riforma billi jispira bidla fl-istituzzjonijiet eżistenti.

B’mod sinifikattiv, dan għandu wkoll jipprovdi opportunitajiet biex ikun attirat finanzjament privat għall-IET. Konsegwentement, l-IET se joffri lis-settur privat relazzjoni integrata ġdida ma’ l-edukazzjoni u r-riċerka, b’opportunitajiet ġodda għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ riċerka u skambju aktar mill-qrib fiż-żewġ direzzjonijiet.

Wara konsultazzjoni wiesgħa mal-pubbliku u l-esperti fl-oqsma – aktar minn 700 kontribuzzjoni kienu mibgħuta lill-Kummissjoni – u wara li kkunsidrat diversi pubblikazzjonijiet ta’ rapporti miktuba, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-UE teħtieġ konċentrazzjoni aħjar tar-riżorsi umani, finanzjarji u fiżiċi tagħha fir-riċerka u l-edukazzjoni għolja. Dan ma jfissirx li għandha titwaqqaf università ġdida f’post wieħed, iżda entità legali ġdida b’ħafna postijiet li tiġbor flimkien l-aħjar timijiet u dipartimenti universitarji f’oqsma strateġiċi fl-Ewropa. Din twieġeb għall-ħtieġa tal-promozzjoni ta’ innovazzjoni u kultura intraprenditorjali fir-riċerka u l-edukazzjoni kif ukoll għall-mudelli ġodda ta’ organizzazzjoni li huma adatti għall-ħtiġijiet ta’ llum. Għalhekk l-IET ser ikollu rwoll differenti minn kull inizjattiva ta’ l-UE eżistenti jew ippjanata jew minn università nazzjonali.

Hemm ħafna inċentivi għall-organizzazzjonijiet li jidħlu fil-lant biex l-aħjar timijiet tagħhom jipparteċipaw fl-IET filwaqt li jibqgħu fil-post: viżibbiltà li tattira l-istudenti, riċerkaturi u personnell fil-quċċata tal-klassi; kuntatti privileġġjati ta’ firxa f’oqsma ta’ għerf oħra; inizjattivi finanzjarji, dinamika għal bidla u benefiċċji lokali.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill Ewropew biex jikkunsidra l-elementi mogħtija fil-Komunikazzjoni li qed tippubblika llum, u biex jaqbel dwar l-importanza ta’ din l-inizjattiva. Il-Kummissjoni se tressaq proposta formali qabel l-aħħar ta’ l-2006. Jekk l-istrument legali li jistabbilixxi l-IET jista’ jkun adottat fl-2008, il-Bord ta’ Governanza jista’ jkun maħtur fil-bidu ta’ l-2009, flimkien ma’ l-ewwel personell. L-identifikazzjoni tal-komunitajiet ta’ għerf għandha tibda fl-2009.
Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/education/eit/index_en.html

MEMO/O6/88


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website