IP/06/1862
Brussels, l-20 ta' Diċembru 2006
Il-Kummissarju għall-Ambjent Stavros Dimas qal: "L-avjazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-isforzi tagħna biex naqtgħu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. L-Unjoni Ewropea qiegħda turi għal darb' oħra li qiegħda fuq quddiem fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi qiegħda tinkludi l-avjazzjoni fl-iskambju ta' l-emissjonijiet ta' l-UE. Il-Kummissjoni ħerqana li naħdem ma' l-imsieħba tagħna sabiex nestendu l-mabitu ta' l-azzjoni globalment. L-introduzzjoni ta' l-emissjonijiet ta' l-avjazzjoni fl-Iskema ta' l-UE għall-Iskambju ta' l-Emissjonijiet hija soluzzjoni ta' nfiq effettiv li hija tajba għall-ambjent u li tittratta lil-linji ta' l-ajru kollha ndaqs."
Iż-żieda fl-emissjonijiet mill-avjazzjoni
Filwaqt li l-emissjonijiet mit-titjieriet domestiċi huma koperti mill-miri tal-Protokoll ta' Kyoto, l-avjazzjoni internazzjonali mhix. Barra minn hekk, il-fjuwil għat-titjiriet internazzjonali kien stroikament eżenti mit-tassazzjoni. Qegħdin jinbidlu l-ftehimiet multilaterali bejn l-Istati Membri ta' l-UE u l-pajjiżi terzi sabiex tkun permessa din il-possibbiltà, iżda dan se jdum ma jiġi implimentat.
L-emissjonijiet mill-avjazzjoni bħalissa jgħoddu għal madwar 3% ta' l-emissjonijiet totali ta' l-UE tal-gassijiet b'effett ta' serra, iżda qed jiżdiedu b'rata mgħaġġla – b'87% mill-1990 – hekk kif l-ivjaġġar bl-ajru dejjem issir orħos. Per eżempju, xi ħadd li jtir minn Londra għal New York u lura jiġġenera bejn wieħed u ieħor l-istess livell ta' emissjonijiet daqs persuna medja fl-UE biex issaħħan darha għal sena sħiħa.
Iż-żieda mgħaġġla fl-emissjonijiet mill-avjazzjoni tikkuntrasta mas-suċċess li kellhom bosta aktar setturi ta' l-emissjonijiet fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet. Mingħajr azzjoni, iż-żieda fl-emissjonijiet mit-titjiriet għall-ajruporti ta' l-UE sejra, fl-2012, tħassar aktar minn kwart tat-tnaqqis ta' 8% ta' l-emissjonijiet li jkollhom jaslu għalih l-UE-15 biex jilħqu l-mira tagħhom tal-Protokoll ta' Kyoto. Sa l-2020 x'aktarx li l-emissjonijiet mill-avjazzjoni sejrin ikunu aktar mid-doppju tal-livell preżenti.
Id-direttiva proposta
Il-proposta għal direttiva tiġi wara Komunikazzjoni ta' Settembru 2005[1] li kkonkludiet li l-introduzzjoni ta' l-avjazzjoni fl-EU ETS kienet l-aħjar strateġija mill-aspett ekonomiku u ambjentali. Dan ġie sussegwentement appoġġjat mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.
Id-direttiva se tittratta lil-linji ta' l-ajru kollha bl-istess mod, sew dawk ibbażati fl-UE sew dawk barranin. Mill-2011 se jkunu koperti t-titjiriet nazzjonali u internazzjonali kollha bejn l-ajruporti ta' l-UE, u mill-2012 l-ambitu se jiġi estiż għat-titjiriet internazzjonali kollha li jitilqu jew li jaslu f'ajruporti ta' l-UE. Huwa stmat li sa l-2020, kull sena jista' jiġi ffrankat daqs 46%, jew 183 miljun tunnellata, kull sena, ekwivalenti, per eżempju, għal darbtejn l-emissjonijiet annwali tal-gassijiet b'effett ta' serra mis-sorsi kollha ta' l-Awstrija - meta mqabbel ma' qagħda fejn kollox jibqa' kif inhu.
Sabiex titrażżan iż-żieda fl-emissjonijiet mill-avjazzjoni, l-għadd totali ta' kwoti ta' emissjonijiet disponibbli se jiġi limitat għal-livell medju ta' emissjonijiet fl-2004-2006. Xi kwoti se jiġu rkantati mill-Istati Membri iżda xi wħud se jinħarġu b'xejn fuq il-bażi ta' livell armonizzat ta' effiċjenza li jirrifletti s-sehem storiku ta' kull operatur tat-traffiku .
Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi, mhumiex se jiġu koperti l-ajruplani ħfief ħafna, u kull operatur se jiġi amministrat min Stat Membru wieħed.
Din id-direttiva hija parti minn strateġija komprensiva sabiex jiġu indirizzati l-emissjonijiet mill-avjazzjoni li tinkludi wkoll aktar riċerka f'teknoloġiji favur l-ambjent u titjib fil-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru.
L-impatt fuq il-prezzijiet tal-biljetti
Jekk wieħed jassumi li l-linji ta' l-ajru jgħaddu għal kollox lill-klijenti, sa l-2020 il-prezz ta' titjira tipika bir-ritorn fi ħdan l-UE jista' jogħla bejn €1.8 u €9. Il-vjaġġi twal jistgħu jsiru b'xi mod ogħla skond it-tul eżatt tal-vjaġġ, minħabba l-impatt ambjentali akbar tagħhom. Xorta waħda, iż-żidiet fil-prezzijiet tal-biljetti huma mistennija jkunu bil-wisq inqas mill-ispejjeż żejda mgħoddija lill-konsumaturi minħabba ż-żidiet fil-prezzijiet taż-żejt ta' dawn l-aħħar snin.
Ara wkoll MEMO/06/506
Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq:
http://ec.europa.eu/environment/climat/eccpii.htm
[1] It-Tnaqqis ta' l-Impatt ta’ l-Avjazzjoni fuq il-Bidla fil-Klima COM(2005) 459 finali.