IP/06/1709
Brussell, it-8 ta' Diċembru 2006
Il-viċipresident tal-Kummissjoni Ewropea, Jacques Barrot, li hu responsabbli mit-trasport, qal: "Il-veru valur marbut ma' l-ispejjeż u l-isforzi li saru biex seta' jinħoloq Galileo huwa l-fatt li dan joffri opportunità unika għal applikazzjonijiet ġodda, tkabbir ekonomiku u ħolqien ta' impjiegi fl-Unjoni Ewropea. Id-dħul ekonomiku jiżboq bil-bosta l-ispiża involuta".
L-Unjoni Ewropea qed tibni sistema satellitari ta' navigazzjoni globali msejħa Galileo, li ser tkun tista' toffri servizzi ta' pożizzjonament, navigazzjoni u sinkronizzazzjoni mill-2011 'il quddiem. Illum diġa hemm fl-orbita satellita Galileo sperimentali u ser ikun hemm oħra fl-2007. Is-sistema Galileo ser tkun aktar avvanzata, aktar effiċjenti u aktar affidabbli mill-GPS preżenti (is-Sistema Globali tal-Pożizzjonament ta' l-Istati Uniti). L-applikazzjonijiet qegħdin ikunu żviluppati kontinwament, u jkopru s-setturi kollha tal-ħajja u ta' l-ekonomija dinjija. Huwa previst li s-suq tan-navigazzjoni satellitari, li fih is-sistema Galileo għandha rwol importanti, sa l-2025 se jammonta għal € 400 biljun.
It-trażmissjoni bis-satellita illum saret realtà fis-setturi tat-telefonija, it-televiżjoni, in-netwerks tal-kompjuter, l-avjazzjoni, it-trasport bil-baħar u ħafna setturi oħrajn. Il-firxa ta' applikazzjonijiet miftuħa għas-sistema Galileo hija varjata għall-aħħar u l-għadd ta' benefiċċji kollaterali huwa immens. L-applikazzjonijiet tagħha li jiġġeneraw profitt jinfirxu f'ħafna aspetti ta' ħajjitna kollha – minn trasport sikur u effiċjenti f'kull settur (avjazzjoni, marittimu, bl-art, ferrovjarju u saħansitra bil-mixi) sa ġestjoni ta' kriżi u emerġenza, kif ukoll applikazzjonijiet f'diversi setturi kummerċjali (agrikoltura ta' preċiżjoni, sigurtà tat-tranżazzjonijiet finanzjarji on-line, trasferiment ta' l-aqwa kwalità ta' l-elettriku permezz tal-linji ta' l-elettriku, turiżmu, eċċ.).
Il-Green Paper tiffissa l-qafas li fih l-applikazzjonijiet tan-navigazzjoni satellitari qegħdin ikunu żviluppati. B'mod partikolari, hija maħsuba biex tqanqal diskussjoni qalb il-partijiet interessati u biex tistimula ideat ġodda dwar il-ħidma possibbli tas-settur pubbliku bħala appoġġ għall-iżvilupp ta' dawn l-applikazzjonijiet.
Kontinwament, id-dokument jirreferi għal għadd ta' preokkupazzjonijiet dwar l-iżvilupp ta' l-applikazzjonijiet, kwistjonijiet dwar privatezza u etika, l-ambjent regolatorju u oħrajn. F'Settembru 2007 l-Kummissjoni Ewropea toħroġ sinteżi tar-riżultati tad-dibattitu pubbliku u tiżviluppa pjan ta' azzjoni li jkun fih il-miżuri prattiċi li se jkunu proposti għas-seħħ mill-2008 'l quddiem.
Il-konsultazzjoni pubblika se ddum erba' xhur u se ssir permezz ta' l-istrumenti standard ibbażati fuq il-web. Fl-istess żmien, se jitnieda konkors għall-inventuri żgħażagħ biex ikunu promossi ideat innovattivi dwar l-użu tat-teknoloġiji u s-servizzi tan-navigazzjoni satellitari.
Sfond
Galileo, il-programm Ewropew tar-radjunavigazzjoni satellitari, tnieda b'inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u ġie żviluppat b'mod konġunt ma' l-Aġenzija Spazjali Ewropea. Il-programm se jħejji għall-iżvilupp ta' ġenerazzjoni ġdida ta' servizzi f'setturi bħal mhuma t-trasport, it-telekomunikazzjoni, l-agrikoltura u s-sajd. Galileo huwa ottimizzat għall-applikazzjonijiet ċivili u se jitmexxa u jkun ikkontrollat mill-istituzzjonijiet ta' l-UE li huma l-proprjetarji tiegħu. Galileo se joffri garanzija ta' kwalità u kontinwità li hija essenzjali għal bosta applikazzjonijiet. Il-programm huwa kumplimentari u interoperabbli mal-GPS preżenti u l-użu taż-żewġ sistemi flimkien iżid b'mod konsiderevoli l-affidabilità u d-disponibilità tas-servizzi tan-navigazzjoni u l-pożizzjonament fid-dinja kollha.
http://ec.europa.eu/dgs/energy_transport/galileo/green-paper/index_en.htm