Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Erasmus @ 20: il-Kummissjoni tniedi ċ-ċelebrazzjonijiet għall-anniversarju tal-programm edukattiv tagħha ta' prominenza

Commission Européenne - IP/06/1698   07/12/2006

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/06/1698

Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2006

Erasmus @ 20: il-Kummissjoni tniedi ċ-ċelebrazzjonijiet għall-anniversarju tal-programm edukattiv tagħha ta' prominenza

José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, u Ján Figel’, il-Kummissarju li jmexxi l-Edukazzjoni & t-Taħriġ, illum taw ġieħ lill-programm ERASMUS għar-rwol ewlieni tiegħu ta' mutur ta' modernizzazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni ogħla ta' l-Ewropa. Għamlu sejħa biex dan ir-rwol jissaħħaħ aktar huma u jniedu ċ-ċelebrazzjonijiet għall-20 anniversarju tal-programm illum fi Brussell. Il-programm ERASMUS jħeġġeġ il-mobilta' ta' l-istudenti u l-għalliema, u jġib 'il quddiem proġetti ta' kooperazzjoni transnazzjonali fost l-universitajiet ma' l-Ewropa kollha. L-iskema bħalissa tkopri disgħa minn kull għaxar stabbilimenti ta' edukazzjoni ogħla ta' l-Ewropa.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, qal: "ERASMUS żviluppa lilhinn minn sempliċi programm edukattiv. Huwa jagħti lil ħafna studenti universitarji Ewropej l-opportunità li jgħixu għall-ewwel darba f'pajjiż barrani, u laħaq l-istatus ta' fenomenu soċjali u kulturali. Huwa eżempju eċċellenti ta' dak li l-azzjoni Ewropea kkoordinata tista' tikseb fil-qasam ta' l-edukazzjoni, u jawgura tajjeb għas-suċċess ta' l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija li ġie propost dan l-aħħar, li – bħall-Erasmus 20 sena ilu – huwa kunċett ġdid fjamant li jirrappreżenta viżjoni u konvinzjoni li l-azzjoni Ewropea kkonċertata għandha valur miżjud akbar mill-għadd ta' inizjattivi indipendenti kollha eċċellenti."

Jan Figel’, Il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, il-Kultura, u l-Multilingwiżmu qal: "Erasmus ilu u jibqa' fattur ewlieni fl-internazzjonalizzazzjoni u b'xi mod "l-Ewropeizzazzjoni" tas-sistemi ta' edukazzjoni ogħla ta' l-UE. Dawk ix-xhur barra mill-pajjiż huma wkoll żvolta fil-ħajja ta' eluf ta' individwi: 80% tal-parteċipanti jkunu l-ewwel nies fil-familja tagħhom li jqattgħu perjodu ta' studju barra". Bħala konklużjoni: "Fost l-isfidi li baqa', l-għotja ERASMUS għada baxxa wisq biex tippermetti studenti minn familja b'finanzi anqas vantaġġużi li jgawdu l-benefiċċji tal-Programm. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda tagħmel sejħa lill-Istati Membri biex iżidu l-appoġġ tagħhom għall-ERASMUS, jiftħuh iżjed għal aktar studenti, speċjalment dawk minn familji anqas ixxurtjati."

Il-Programm Erasmus ġie adottat f'Ġunju 1987 u 3 244 student ħadu sehem fih fl-ewwel sena tiegħu. Fl-2005, in-numru tela' għal 144 032 student, jew madwar 1% tal-popolazzjoni Ewropea ta' l-istudenti. Il-proporzjon huwa ogħla fost l-għalliema ta' l-università, fejn il-mobilità ta' l-għalliema ta' l-Erasmus hija 1.9% tal-popolazzjoni ta' l-għalliema fl-Ewropa, jew 20 877 ruħ.

F'dawn l-aħħar għoxrin sena, 'il fuq sewwa minn miljun u nofs student – 60% ta' l-ERASMUS huma nisa – ibbenefika mill-għoti ta' l-ERASMUS u l-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tilħaq total ta' 3 miljuni sa l-2012.

Żewġ karatteristiċi ewlenin jiddistingwu l-programm ERASMUS minn programmi edukattivi oħra ta' l-UE:

  • L-istħarriġ jikkonferma li l-parteċipazzjoni fl-ERASMUS tista' tkun vantaġġ ewlieni fit-tfittxija ta' impjieg – perjodu ta' studju barra mill-pajjiż illum jitqies bħala esperjenza ta' valur minn min iħaddem.

• ERASMUS ilu, u għadu, mutur ta' bidla fl-edukazzjoni ogħla Ewropea. Huwa għen fit-tfassil mill-ġdid tas-sistemi ta' Edukazzjoni Ogħla fl-Ewropa billi nebbaħ il-Proċess ta' Bolonja, inizjattiva ewlenija fis-simplifikazzjoni tas-sistemi diversi ta' edukazzjoni ogħla ta' l-Ewropa, li bħalissa tkopri 45 pajjiż. Ta' min jinnota f'dan ir-rigward li l-universitajiet kollha ta' l-UE elenkati fil-klassifikazzjoni ta' Xangaj jieħdu sehem fl-ERASMUS.

Iċ-ċelebrazzjonijiet għall-programm ta' l-ERASMUS fl-2007 jaħbtu ma' dawk tal-50 anniversarju tat-Trattati ta' Ruma. Il-programm ERASMUS jispikka bħala wieħed mill-eżempji l-aktar konkreti u popolari ta' progress miksub tul ħamsin sena ta' integrazzjoni Ewropea.
Ara wkoll : MEMO/06/466 & MEMO/06/467

http://ec.europa.eu/education/erasmus20_en.html


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site