Navigation path

Left navigation

Additional tools

Flimkien imsaħħa fl-ICT: L-Ewropa se tiġma' flimkien l-isforzi privati, nazzjonali u ta' l-UE fir-riċerka sabiex issir aktar kompetittiva

European Commission - IP/06/1589   21/11/2006

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL

IP/06/1589

Brussell, il-21 ta’ Novembru 2006

Flimkien imsaħħa fl-ICT: L-Ewropa se tiġma' flimkien l-isforzi privati, nazzjonali u ta' l-UE fir-riċerka sabiex issir aktar kompetittiva

Għall-ewwel darba, l-Unjoni Ewropea qed tbiddel il-metodu tal-finanzjament tar-riċerka teknoloġika ewlenija billi tvara Inizjattivi Konġunti tat-Teknoloġija (JTIs). L-idea tal-JTIs ħarġet mill-Kummissjoni Ewropea, u fis-samit informali tagħhom ta' dan l-aħħar ġewwa Lahti (il-Finlandja), il-Kapijiet ta' l-Istati u tal-Gvernijiet ta' l-UE tawha l-appoġġ tagħhom. Il-JTIs sejrin jiġmgħu flimkien ir-riżorsi mill-industrija privata, mill-programmi ta' l-UE u dawk nazzjonali, biex isir it-tiftix fuq miri ambizzjużi ta' riċerka. L-ewwel JTI li se tiġi varata fl-ewwel parti ta' l-2007 se tkun ARTEMIS. Il-JTI ARTEMIS sejra tmexxi r-riċerka ta' l-Ewropa fis-sistemi ta' kompjuters inkorporati, li kulma jmur dejjem aktar huma essenzjali għal bosta setturi industrijali ewlenin. Din l-inizjattiva sejra sservi ta' riferiment għal inizjattivi simili fil-ġejjieni. Mexxejja industrijali u nazzjonali, kif ukoll esperti ta' l-UE fir-riċerka, qed jiltaqgħu llum f'Ħelsinki biex ikomplu jiddiskutu dan il-metodu l-ġdid tal-finanzjament tar-riċerka.

"Kemm-il darba għidt li l-Ewropa jeħtiġilha tiġma' flimkien ir-riżorsi u tqawwi l-investiment tagħha fir-riċerka dwar it-teknoloġiji ta' l-informatika u l-komunikazzjoni," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju ta' l-UE għas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni u l-Media. "ARTEMIS diġà hija prova ħajja ta' kif il-persuni interessati ewlenin fl-Ewropa jistgħu jaħdmu flimkien, huma u jixħtu l-pedamenti għal futur kompetittiv u ta' prosperità. La ftaħna t-triq fil-qasam tas-sistemi inkorporati, jeħtieġ li dan dalwaqt isegwuh inizjattivi simili oħra jekk irridu l-Ewropa tilħaq lin-nazzjonijiet kompetituri oħra u tassew tibni s-soċjetà ta' l-informazzjoni tagħha tat-tkabbir ekonomiku u ta' l-impjiegi."

Fis-snin li ġejjin, il-JTIs mistennija jsiru mezz importanti biex il-kapaċità Ewropea għall-innovazzjoni tingħata spinta. Lis-sħab industrijali l-aktar interessati u lill-Istati Membri sejrin jippermettulhom iġibu l-investimenti tagħhom jaqblu ma' dawk ta' l-Unjoni Ewropea, madwar miri u aġendi komuni. Skond l-Artikolu 171 tat-Trattat, il-JTIs jistgħu jiġu stabbiliti bħala entitajiet ġuridiċi indipendenti li jaħdmu fuq aġendi tar-riċerka mmexxija mill-industrija. Jistgħu jirċievu u jimmaniġġaw finanzjament minn kwalunkwe sors, inkluż il-finanzjament nazzjonali u Komunitarju, u jibqgħu miftuħin għall-parteċipazzjoni ta' sieħba oħra, pubbliċi jew privati.

Bħala mudell miftuħ u innovattiv għas-sħubija bejn il-pubbliku u l-privat, il-JTIs sejrin jistimulaw l-investiment Ewropew fir-riċerka, jibnu massa kritika billi jgħaqqdu flimkien l-isforzi li bħalissa huma sparpaljati, filwaqt li jiżguraw ġestjoni effettiva u effiċjenti tal-programmi.

L-inizjattiva ARTEMIS sejra ssostni l-post ta' quddiemnett ta' l-Ewropa fis-sistemi inkorporati. L-investiment ta' l-industrija Ewropea f'dan il-qasam stmat li jlaħħaq madwar €15-20 biljun fis-sena. Illum kważi 50% ta' l-akbar 100 kumanija Ewropea jinvestu fir-riċerka fis-sistemi inkorporati, u l-maġġoranza tal-25 entità Ewropea li l-aktar jonfqu fir-riċerka għall-prodotti u s-servizzi tagħhom jiddependu fuq is-sistemi inkorporati. Bħala l-komponenti essenzjali għall-applikazzjonijiet tal-ġejjieni fl-industriji kollha, iż-żamma ta' dan il-vantaġġ se tkun vitali għat-tkabbir tal-produttività u l-impjiegi, u se jkollha wkoll benefiċċji soċjali qawwija.

Il-baġit ta' l-inizjattiva ARTEMIS mistenni li jkun madwar 3 biljun fuq perjodu ta' seba' snin, li minnhom aktar minn 50% jkunu ġejjin mill-industrija, waqt li l-bqija jkun iffinanzjat mill-Istati Membri ta' l-UE u mill-Istati Assoċjati involuti, kif ukoll mill-Kummissjoni. Mistenni li l-mekkaniżmu propost sejjer jiġġenera globali fir-riċerka u l-iżvilupp għal mill-Komunità

ARTEMIS twaqqfet f'Ġunju 2004 bħala Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija (ara IP/04/804 u MEMO/06/331) li sallum tikkonsisti minn 17-il kumpanija kbira Ewropea, fosthom Philips, Nokia, Thales, Daimler Chrysler u ST Microelectronics. Madwar 14-il gvern Ewropew ukoll esprimew li huma lesti jingħaqdu ma' l-inizjattiva teknoloġika konġunta ppjanata ta' l-ARTEMIS. Din se tibqa' miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri ta' l-UE, u għal sieħba oħra li jkunu jixtiequ jingħaqdu fiha aktar 'il quddiem. F'laqgħa f'Ħelsinki llum, industriji Ewropej u oħrajn attivi fir-riċerka u l-iżvilupp f'dan il-qasam issuktaw bl-isforzi tagħhom biex iwaqqfu assoċjazzjoni formali ta' l-industrija għall-parteċipazzjoni fl-inizjattiva konġunta, li mistennija tkun operattiva fl-2008.

Qed titħejja JTI oħra fin-nanoelettronika (ENIAC).

L-Isfond:

Id-diġitizzazzjoni u t-tixbik f'netwerks ta' tagħmir elettroniku tal-konsum, tagħmir tad-dar u tad-divertiment, kif ukoll il-konverġenza bejn il-kompjuters personali u l-komunikazzjoni, diġà qed iwelldu tip ġdid ta' apparati elettroniċi tal-konsum intelliġenti. Pereżempju, it-televiżjonijiet diġitali tal-ġejjieni sejrin iħallu lil dak li jkun jaċċessa kull tip ta' kontenut, bħalma huma r-ritratti diġitali jew films maħżuna, kif ukoll l-internet u l-logħob. It-tixbik flimkien ta' sistemi inkorporati jagħti lok għall-bini ta' "intelliġenza kollettiva", li mbagħad tista' tilħaq livelli ġodda ta' kumdità, sikurezza u produttività fl-oqsma kollha, mill-kuntesti individwali għal dawk industrijali.

L-Inizjattivi Konġunti tat-Teknoloġija sejrin jgħinu fl-ilħiq ta' massa kritika u sinerġiji fir-riċerka, u jgħinu biex nevitaw id-dupplikazzjoni u l-ħela li, mod ieħor, jista' jkun hemm permezz ta' ħafna inizjattivi separati li jkunu għaddejjin parallellament fi Stati Membri u konsorzji differenti. Dawn l-inizjattivi jistgħu jiġu stabbiliti abbażi ta' l-Artikolu 171 tat-Trattat tal-KE. Dan iħalli lill-Kummissjoni twaqqaf impriżi konġunti – entitajiet ġuridiċi indipendenti li jistgħu jirċievu l-finanzjament minn kwalunkwe sors u huma miftuħa għal kulħadd, għat-twettiq effiċjenti ta' programmi Komunitarji tar-riċerka u l-iżvilupp.

Għal aktar tagħrif dwar id-€9 biljun li se jiġu investit fir-riċerka Ewropea dwar l-ICT, ara IP/06/1590


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website