IP/06/1569
Brussell, 16 ta’ Novembru 2006
Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Charlie McCreevy, qal: "It-tkabbir ta' l-industrija Ewropea tal-fondi għall-investiment kien spettakolari. Madankollu għad għandha potenzjal enormi mhux sfruttat. Dawn il-bidliet ser jiftħu dan il-potenzjal billi joħolqu suq mingħajr tfixkil għall-fondi għall-investiment fl-UE – jiġifieri għażla akbar u spejjeż anqas għal investituri."
Dwar il-White Paper
Il-White Paper tipproponi bidliet immirati lejn il-qafas attwali ta' l-UE tal-fondi għall-investiment (id-'Direttiva UCITS'[1]), li ma jirriflettix biżżejjed l-isfidi li għandha quddiema l-industrija llum u li jista' jagħti lok għal spejjeż żejda marbutin mal-konformità u opportunitajiet ta' investiment mitlufin. Il-bidliet: jissimplifikaw il-proċedura ta' notifikazzjoni; joħolqu qafas għal mergers transkonfinali ta' fondi; joħolqu qafas għall-ġbir flimkien ta' l-assi; jippermettu li dawk li jmexxu l-fondi jiġġestixxu il-fondi li jinsabu fi Stati Membri oħra; jtejbu l-kwalità u r-relevanza tad-dokumenti ta' żvelar ewlenin għall-investitur aħħari; u jsaħħu l-kooperazzjoni fis-sorveljanza għall-monitoraġġ u t-tnaqqis fir-riskju ta' abbuż transkonfinali ta' l-investitur. Il-White Paper tipproponi wkoll reviżjoni ta' l-għażliet sabiex tiġi stabbilita 'sistema Ewropea ta’ allokazzjoni privata', li tippermetti li l-istituzzjonijiet finanzjarji joffru opportunitajiet ta' investiment lil investituri kwalifikati madwar l-UE.
Il-Kummissjoni żvilluppat il-White Paper fuq il-bażi ta' konsultazzjoni u dibattitu wesgħin ma' konsumaturi, prattikanti fl-industrija u dawk li jfasslu l-politika matul perjodu ta' sentejn. Hija mibnija fuq ir-risposti għall-Green Paper ta' Lulju 2005 (IP/06/152), u fuq tliet rapporti ta' gruppi ta' esperti mwaqqfa apposta (IP/06/915).
Twieġeb direttament ukoll għall-kwistjonijiet importanti mqajma fir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-ġestjoni ta' assi ta' Marzu 2006. Saret evalwazzjoni ta' l-impatt bir-reqqa dwar il-punti proposti f'din il-White Paper.
L-Isfond
L-assi taħt it-tmexxija ta' l-Industrija ta' l-UE kkwadriplikaw f'dawn
l-aħħar għaxar snin. L-importanza ta' fondi
għall-investimenti għandha tikber hekk kif bosta investituri Ewopej
jużawhom bħala mezz ta' tfaddil biex jirtiraw fil-ġid. Is-suq
qiegħed dejjem iżjed jiġi organizzat fuq bażi pan-Ewropea.
Fl-2005, bejgħ transkonfinali ta' fondi kien jirrapreżenta mas-66%
tad-dħul totali nett ta' l-industrija. Is-sistema 'UCITS' hija kkonsidrata
bħala 'mudell ta' eċċellenza' kemm fi ħdan u barra l-UE.
B'€5500 biljun għat-tmexxija – ekwivalenti għal aktar
minn 50% tal-prodott gross domestiku ta' l-UE – 'UCITS' tirrapreżenta
75% tas-suq tal-fondi għall-investiment fl-Ewropa.
Il-White Paper
tinstab fis-sit:
http://ec.europa.eu/internal_market/securities/ucits/index_en.htm
[1] Impriżi ta' Investiment Kollettiv f'Titoli Trasferibbli