Navigation path

Left navigation

Additional tools

Is-Slovenja hija ppreparata tajjeb għall-ewro, iżda għandha bżonn isserraħ l-imħuħ tal-konsumaturi dwar il-prezzijiet, skond kif juri rapport ġdid dwar it-tħejjijiet prattiċi għall-ewro

European Commission - IP/06/1542   10/11/2006

Other available languages: EN FR DE EL SL

IP/06/1542

Brussell, l-10 ta’ Novembru 2006

Is-Slovenja hija ppreparata tajjeb għall-ewro, iżda għandha bżonn isserraħ l-imħuħ tal-konsumaturi dwar il-prezzijiet, skond kif juri rapport ġdid dwar it-tħejjijiet prattiċi għall-ewro

Is-Slovenja tidher li hija mħejjia pjuttost tajjeb għall-introduzzjoni tal-ewro fl-1 ta' Jannar iżda kieku tiggwadanja aktar billi tadotta miżuri oħrajn li jsaħħu il-kunfidenza tal-konsumaturi fir-rigward ta' l-istabilità tal-prezzijiet waqt it-tranżizzjoni. Din hija waħda mill-konklużjonijiet li jasal għalihom ir-raba' rapport dwar it-tħejjijiet prattiċi għat-tkabbir taż-żona ta' l-ewro. Dan ir-rapport jiffoka b'mod partikolari fuq is-Slovenja, issa li l-adozzjoni tal-ewro għaliha qiegħda wara l-bieb, iżda jagħti ħarsa mill-qrib lejn il-pjanijiet għat-tranżizzjoni li adottaw Ċipru u Malta, li biħsiebhom jagħmlu l-istess fl-2008. Għalkemm il-pjan ta' Ċipru jkopri l-aspetti kollha tat-tranżizzjoni, id-dettalji li hemm fih huma dgħajfin, filwaqt li l-pjan ta' Malta jidher kemm komprensiv kif ukoll dettaljat. Stħarriġ tal-Eurobarometer wera wkoll li fl-Istati Membri ġodda l-opinjoni pubblika dwar il-valuta unika baqgħet pożittiva, speċjalment fl-2004 u fl-2005, għalkemm ir-riżultati bejn pajjiż u ieħor ivarjaw.

Il-Kapijiet ta' l-Istati jew tal-Gvernijiet Ewropej u l-Ministri tal-Finanzi ta' l-Unjoni Ewropea kkonkludew f'Ġunju li s-Slovenja laħqet il-kriterji ekonomiċi u legali kif stabbiliti fit-Trattat ta' l-UE sabiex l-ewro jiġi adottat f'Jannar 2007, u ffissaw ir-rata ta' konverżjoni bħala 239.640 tolars għal kull ewro.

Mill-aħħar rapport tal-Kummissjoni dwar it-thejjijiet prattiċi għall-ewro f'Ġunju ta' l-2006, is-Slovenja għamlet aktar progress[1], notevolment fir-rigward tal-bdil tal-flus kontanti: aktar dettalji dwar il-provvista ta' l-ewro lil banek u kummerċjanti qabel il-ġurnata ta' l-€ (l-hekk imsejħa frontloading u sub-frontloading) ġew disposti b'mod sodisfaċenti, filwaqt li l-konverżjoni tal-magni awtomatiċi tal-flus issa ġiet imħejjija fid-dettal. L-istituzzjonijiet ta' kreditu wkoll aċċettaw li fl-1 u fit-2 ta' Jannar jinfetħu 42 fergħa madwar il-pajjiż kollu sabiex jiffaċilitaw l-iskambju minn tolar għal ewro.

Madankollu l-Kummissjoni tilqa' miżuri li jiżguraw lill-konsumaturi li r-rata tal-konverżjoni għandha tiġi rispettata u li l-perjodu tal-bidla ma jintużax b'intenzjoni li l-prezzijiet jitilgħu b'mod abbużiv, dan kien il-ħsieb ta' 66% tal-konsumaturi, skond l-istħarriġ tal-Eurobarometer ta' Settembru. Miżuri bħal dawn jistgħu jinkludu ftehimiet dwar prezzijiet ġusti bejn il-kummerċjanti u l-konsumaturi (eż. kodiċi ta' kondotta ffirmat minn organizzazzjonijiet rappreżentattivi miż-żewġ naħat).

Il-Kummissjoni tevalwa l-progress ta' tħejjijiet prattiċi fil-pajjiżi 'li għandhom deroga'[2] darba fis-sena (jew aktar spiss skond meta l-pajjiż ikun se jadotta l-ewro). Dawk it-tħejjijiet jinkludu l-adozzjoni ta' pjan għall-bidla flimkien ma' dettalji dwar it-tul ta' żmien li fih kemm il-flus nazzjonali kif ukoll il-kontanti ewro jkunu valuta legali jew il-preparazzjoni ta' settijiet introduttorji tal-flus ewro għall-bidu sabiex il-konsumaturi jidraw il-valuta l-ġdida.

Dawn l-evalwazzjonijiet huma separati u differenti mir-Rapporti dwar il-Konverġenza, li jevalwaw jekk il-pajjiżi humiex qegħdin konformi mal-kriterji ta' Maastricht, inkluż il-limiti dwar id-defiċit u l-livelli ta' inflazzjoni, u għalhekk jekk fil-fatt jikkwalifikawx għall-adozzjoni ta' l-ewro. Ir-Rapport li jmiss dwar il-Konverġenza għandu joħroġ f'Diċembru.

Ċipru u Malta

Ċipru u Malta wkoll għamlu progress fir-rigward tat-tħejjijiet prattiċi tagħhom, u Malta hija l-aktar waħda avvanzata minnhom it-tnejn.

Il-pjan nazzjonali ta' bidla ta' Ċipru jindirizza l-kwistjonijiet prattiċi kollha differenti, iżda huwa dgħajjef f'dak li hu dettal, per eżempju fir-rigward ta' l-operazzjoni ta' frontloading, ir-ritorn tal-flus kontanti nazzjonali lill-bank ċentrali u l-perjodu ta' wiri doppju ta' prezzijiet. Barra minn hekk, aktar miżuri huma meħtieġa sabiex jagħtu spinta lis-serħan tal-moħħ tal-konsumatur li l-bidla ma tirriżultax fi prezzijiet ogħla.

Il-pjan ta' Malta hu aktar iddettaljat, għalkemm hemm xi aspetti li jirrikjedu aktar speċifikazzjoni, notevolment fir-rigward taż-żmien meta jsir il-frontloading u s-subfrontloading, il-konverżjoni aċċellerata tal-magni awtomatiċi tal-flus u l-kontenut tas-settijiet introduttorji tal-flus. Minħabba l-ammont partikolarment għoli ta' flus kontanti nazzjonali li qegħdin f'ċirkulazzjoni f'Malta (madwar l-ekwivalenti ta' €2,789 per capita), aktar mid-doppju tal-medja fiż-żona ta' l-ewro, il-fluss lura tal-valuta nazzjonali u l-iskambju tal-flus kontanti nazzjonali f'ewro jirrikjedi arranġamenti speċjali. Fuq in-naħa l-oħra, Malta tidher li qed tqis sew il-ħsibijiet tal-konsumatur billi tħajjar il-kummerċjanti biex jiffirmaw ftehimiet dwar prezzijiet ġusti u billi toħloq 'Osservatorju għall-Ewro' li jissorvelja l-prezzijiet.

F'ħafna mill-Istati Membri oħrajn ikkonċernati, ma kien hemm ebda żviluppi kbar minn mindu ħareġ ir-rapport ta' Ġunju.

L-istħarriġ il-ġdid ta' l-Eurobarometer juri li l-opinjoni pubblika rigward l-ewro fl-istati Membri ġodda għadha waħda pożittiva ħafna, għalkemm hemm differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi. Kollox ma kollox, 50% tar-rispondenti jemmnu li l-ewro se jkollu konsegwenzi pożittivi ħafna għal pajjiżhom, riżultat aħjar minn dak li ħareġ fl-2004 u fl-2005, iżda ftit anqas (2 punti perċentwali) mill-aħħar stħarriġ, f'April 2006.

Fuq il-lat negattiv, aktar min-nofs ir-rispondenti kollha (58%) għadhom jgħidu li m'humiex infurmati sew, jew li m'huma infurmati xejn dwar l-ewro, inkluż dawk f'Ċipru (60%) u f'Malta (62%). Dan juri li l-komunikazzjoni tibqa' sfida importanti għall-istati Membri ġodda – sfida li l-Kummissjoni hija lesta tgħinhom jilqgħuha. Madankollu, 83% tas-Sloveni jħossuhom pjuttost infurmati jew inkella infurmati sew u 61% – l-akbar perċentwali f'kwalunkwe pajjiż – ihossuhom ukoll kunfidenti dwar il-benefiċċji ta' l-ewro.
Għar-rapport ikkonsulta:

http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/eurorelated_en.htm
Għall-Eurobarometer ikkonsulta:

http://ec.europa.eu/public_opinion/euro_en.htm


[1] Ara IP/06/817 u t-3 Rapport dwar it-Tħejjijiet Prattiċi għall-ewro

[2] L-għaxar pajjiżi li ssieħbu fl-UE fl-2004 u l-Iżvezja


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website