IP/06/1517
Brussell, is-7 ta’ Novembru 2006
Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Charlie McCreevy, qal: "Dan il-Kodiċi ta' Kondotta l-ġdid juri l-impenn sod ta' l-industrija tal-clearing u l-ħlas lejn it-trasparenza, l-interoperabilità u l-kompetizzjoni. Huwa pass tal-bidu importanti ħafna. L-industrija issa jeħtiġilha tiżgura l-implimentazzjoni tajba tal-Kodiċi u tneħħi l-ostakli li għad hemm fis-suq. U kulmin hu involut – il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-fornituri ta' l-infrastruttura u l-utenti – għandu jaħdem biex flimkien niżguraw suq tal-post-trading effiċjenti u sikur fl-UE."
Fil-11 ta' Lulju 2006, il-Kummissarju McCreevy ħabbar li jippreferi approċċ immexxi mill-industrija lejn suq tal-post-trading iktar effiċjenti u integrat fl-UE, minflok ma tiġi proposta Direttiva (ara SPEECH/06/450), u sejjaħ lill-industrija biex toffri soluzzjoni xierqa. Bi tweġiba għas-sejħa tal-Kummissarju, it-tliet assoċjazzjonijiet ewlenin ta' l-industrija – il-Federation of European Securities Exchanges (FESE), il-European Association of Central Counterparty Clearing Houses (EACH) u l-European Central Securities Depositories Association (ECSDA) – ħejjew Kodiċi ta' Kondotta li llum ġie ffirmat mill-membri kollha tagħhom.
Il-miżuri stipulati fil-Kodiċi jindirizzaw tliet kwistjonijiet ewlenin:
(i) It-trasparenza tal-prezzijiet u s-servizzi;
(ii) l-aċċess u l-interoperabbiltà;
(iii) Is-separazzjoni tas-servizzi u tal-kontijiet.
Għal kull grupp ta' miżuri il-Kodiċi jistabbilixxi data ta' skadenza speċifika għall-implimentazzjoni: xi wħud mill-miżuri se jkollhom jiġu implimentati ftit taż-żmien wara l-iffirmar tal-Kodiċi, iżda għall-miżuri iktar kumplessi, se jingħata iktar żmien. B'hekk, it-trasparenza tal-prezzijiet jeħtieġ tiġi implimentata sa tmiem l-2006, l-interoperabbiltà u l-aċċess sat-tmiem ta' Ġunju 2007, u s-separazzjoni tas-servizzi u l-kontabilità sa Jannar 2008.
Se jkun stabbilit mekkaniżmu strett ta' monitoraġġ li għandu jiżgura li l-miżuri kollha jiġu implimentati kif suppost u fil-ħin. Il-mekkaniżmu se jserraħ fuq awdituri esterni li jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni ta' l-impenni li ħadu l-firmatarji lil kumitat ad hoc ta' monitoraġġ ippresjedut mill-Kummissjoni.
Inizjalment, il-Kodiċi se japplika esklussivament għal valur proprjetarju fi flus. Waqt li tkun qed isseħħ l-implimentazzjoni tal-Kodiċi, il-Kummissjoni tistenna li l-ambitu tal-Kodiċi gradwalment jitwessa' sabiex jinkludi strumenti finanzjarji oħra, bħal bonds u derivattivi. Madankollu, il-firmatarji jistgħu – u l-Kummissjoni tħeġġiġhom biex jagħmlu dan - japplikaw xi wħud mid-dispożizzjonijiet, jew kollha, tal-Kodiċi lill-biċċa l-kbira ta' l-istrumenti finanzjarji, jew lil kollha, mill-bidu, jekk ikunu jixtiequ.
Kopja tal-Kodiċi hija disponibbli fi:
http://ec.europa.eu/internal_market/financial-markets/clearing/index_en.htm