Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/06/1419

Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2006

Is-Servizzi Postali: Il-Kummissjoni tipproponi l-ftuħ sħiħ tas-suq sa l-2009

Il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta biex is-swieq tas-servizzi postali ta' l-UE jinfetħu totalment għall-kompetizzjoni sa l-2009, bi qbil mad-data miftiehma stabbilita fid-Direttiva tal-Posta attwali. Fuq il-bażi ta' riċerka estensiva, il-Kummissjoni temmen li dan huwa l-aħjar mod biex jinżamm is-servizz universali filwaqt li tkompli tittejjeb il-kwalità u titwessa' l-għażla għall-konsumaturi u n-negozji ta' l-UE. Il-ftuħ sħiħ tas-suq ifisser li l-operaturi nazzjonali ma jibqax ikollhom monopolju fuq il-posta li tkun taħt ċertu piż (bħalissa massimu ta' 50 gramma), kategorija magħrufa bħala ż-'żona riżervata'. L-Istati Membri se jkollhom għażla flessibbli ta' mezzi biex jiffinanzjaw il-provvista tas-servizz universali, kif ukoll il-possibbiltà li l-obbligu tas-servizz universali jinqasam bejn diversi operaturi. Il-proposta tagħti aktar dettalji dwar kif dan jista' jinkiseb. Id-Direttiva l-ġdida ta' emenda proposta hija l-aħħar pass fi proċess twil ta' riforma li diġà ra oqsma kbar tas-swieq postali ta' l-UE jinfetħu għall-kompetizzjoni, b'riżultati tassew pożittivi.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Charlie McCreevy, qal: "Nemmen bis-sħiħ li t-tlestija tas-Suq Intern għas-servizzi postali hija fundamentali biex tiżgura titjib ulterjuri u biex issostni l-progress u r-riżultati li ksibna sal-lum. Fit-tfassil tal-proposta, tajna prijorità lill-bżonnijiet tal-konsumaturi u ta’ dawk li jużaw is-servizz. Bil-ftuħ sħiħ tas-suq fl-2009, nistgħu nistennew bil-ħerqa aktar innovazzjoni, servizzi aħjar u titjib fl-effiċjenza fl-infiq. Iżda mingħajru, is-swieq postali ta' l-UE jkunu dejjem inqas kapaċi li jilqgħu għall-isfidi tar-revoluzzjoni fil-komunikazzjonijiet. Il-ftuħ tas-suq għandu rwol fondamentali fil-vjabbiltà fit-tul tas-settur kif ukoll fl-impjieg li joħloq."

Iż-żamma tas-servizz universali

Il-proposta żżomm id-dmirijiet attwali ta' l-Istati Membri li jiżguraw servizz univerali ta' kwalità għolja li jikkonsisti minn ta' l-inqas kunsinna waħda u ġbir wieħed, ħamest ijiem fil-ġimgħa għal kull ċittadin ta' l-UE. Barra minn dan, il-proposta se tkompli ssaħħaħ il-ħarsien tal-konsumatur u twessa' r-rwol ta' l-awtoritajiet regulatorji nazzjonali. Fil-proposta jinżamm l-obbligu li jkunu żgurati prezzijiet raġunevoli għas-servizzi postali, u tinżamm ukoll il-possibbiltà li l-Istati Membri jimponu tariffa uniformi fuq posta b’tarifffa applikabli għal oġġetti singoli, bħal fil-każ tal-posta tal-konsumaturi. Fil-każ li jeħtieġu jkunu koperti l-ispejjeż netti li jifdal tal-forniment tas-servizz universali, l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu minn firxa ta' alternattivi, inklużi, ngħidu aħna, għajnuniet mill-istat, akkwist pubbliku, fondi ta' kumpens u qsim ta' l-ispejjeż. F'idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu liema mudell huwa l-aktar li jaqbel mal-bżonnijiet tagħhom.

Il-benefiċċji tal-ftuħ sħiħ tas-suq

Bit-tneħħija ta' dawn iż-żoni riżervati, kull min juża s-servizzi postali jista' jistenna li s-servizzi disponibbli għalihom jiżviluppaw u jkomplu jitjiebu. Il-fornituri tas-servizz universali se jkunu mħeġġa biex isiru aktar affidabbli u aktar effiċjenti, kif ukoll biex jiffokaw aktar fuq il-klijent fid-dawl tal-kompetizzjoni potenzjali minn kumpaniji li jidħlu fis-suq. Barra minn hekk, il-ftuħ sħiħ tas-suq se jħajjar direttament il-ħolqien ta' impjiegi f'kumpaniji postali ġodda, u indirettament fl-industriji li jiddependu mis-settur postali.

L-Isfond

Is-Servizzi Postali fl-UE huma koperti mid-Direttiva Postali ta' l-1997 (97/67/KE). Din id-direttiva ħolqot qafas regolatorju li jiggarantixxi servizz universali għaċ-ċittadini, filwaqt li jillimita gradwalment il-firxa taż-żona riżervata (li fil-bidu kienet għall-posta ta' taħt it-350 gramma, fl-2002 tbiddlet għal 100 gramma, u fl-1 ta' Jannar 2006 tnaqqset għall-posta ta' taħt il-50 gramma). Id-Direttiva mmirat li tiżgura l-aqwa servizz possibbli permezz ta' ftuħ gradwali tas-suq, bis-sena 2009 stabbilita bħala s-sena aħħarija għall-ftuħ totali. Inkludiet il-ħtieġa li l-Kummissjoni tipprovdi rapporti regolari dwar l-implementazzjoni tagħha, u li tikkonferma sa l-aħħar ta' l-2006 jekk id-data ta' l-2009 għadhiex xierqa. Il-Kummissjoni issa qiegħda tipproponi li d-data tkun ikkonfermata permezz ta' Direttiva oħra ta' emenda. Għadd ta' Stati Membri diġà fetħu s-suq tagħhom għall-kompetizzjoni sħiħa, jew beħsiebhom jagħmlu dan qabel id-data mmirata ta' l-2009.

Mistoqsijiet u tweġibiet aktar dettaljati jinsabu fl-FAQs relatati (MEMO/06/383).

Il-proposta, ir-riċerka ta' appoġġ u l-aħħar rapport ta' implimentazzjoni jinsabu fi:

http://ec.europa.eu/internal_market/post/index_en.htm


Side Bar