Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni taħdem biex tagħti spinta ġdida lill-produzzjoni tal-bijofjuwils

European Commission - IP/06/135   08/02/2006

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL

IP/06/135

Brussell, 8 ta’ Frar 2006

Il-Kummissjoni taħdem biex tagħti spinta ġdida lill-produzzjoni tal-bijofjuwils

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat Strateġija UE ambizzjuża għall-Bijofjuwils, b’firxa ta’ miżuri potenzjali bbażati fuq is-suq, leġiżlattivi u ta’ riċerka, biex tagħti spinta lill-produzzjoni tal-fjuwils minn materja prima agrikola. Dan id-dokument, li jibni fuq il-pjan ta’ azzjoni dwar il-bijomassa adottat f’Diċembru 2005, jiddeskrivi tliet għanijiet prinċipali: il-promozzjoni tal-bijofjuwils kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; it-tħejjija għall-użu fuq skala kbira tal-bijofjuwils permezz tat-titjib tal-kompetittività tal-prezz tagħhom u ż-żieda fir-riċerka dwar il-fjuwils ‘tat-tieni ġenerazzjoni’; appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fejn il-produzzjoni tal-bijofjuwils tista' tistimola t-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Żieda fl-użu tal-bijofjuwils twassal għal bosta benefiċċji billi tnaqqas id-dipendenza ta’ l-Ewropa fuq l-importazzjoni ta’ l-idrokarboni, tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, tipprovdi opportunitajiet ġodda għall-bdiewa u toffri possibilitajiet ekonomiċi ġodda f’bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw.

“Qatt ma kien hemm mument aħjar minn dan biex nippromwovu l-bijofjuwils,” qalet Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. “Il-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat għadhom għoljin. Qed inħabbtu wiċċna mal-miri stretti tal-Protokoll ta' Kyoto. U, dan l-aħħar, il-kontroversja dwar l-importazzjoni tal-gass Russu enfasizzat l-importanza li nżidu l-awtosuffiċjenza ta’ l-Ewropa fir-rigward ta’ l-enerġija. Il-materja prima għall-produzzjoni tal-bijofjuwils toffri wkoll potenzjal ta’ opportunità ġdida għall-bdiewa ta’ l-Ewropa, li, permezz tar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), inħelsu biex saru intraprendituri tassew.

Il-Kummissarju għall-Iżvilupp Louis Michel enfasizza l-opportunitajiet potenzjali li l-produzzjoni tal-bijofjuwils toffri lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment dawk li huma affettwati mir-riforma taz-zokkor. “Ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw jinsabu f’pożizzjoni tajba ħafna biex jipproduċu l-materja prima għall-bijofjuwils, partikolarment dawk li tradizzjonalment huwa qawwija fil-produzzjoni taz-zokkor. Is-suq ta' l-UE għall-bijofjuwils li kull ma jmur qed jespandi jipprovdihom b’possibilitajiet ġodda għall-esportazzjoni. L-UE tgħinhom japprofittaw kemm jistgħu minn din l-opportunità bis-saħħa ta’ l-appoġġ għat-trasferiment ta’ l-għarfien u l-iżvilupp tal-potenzjal tas-suq tagħhom.

L-Istrateġija tagħżel seba’ assi ta’ politika ewlenin, billi tgħaqqad flimkien il-miżuri li l-Kummissjoni se tieħu biex tippromwovi l-produzzjoni u l-użu tal-bijofjuwils.

1) Spinta lid-domanda għall-bijofjuwils.

Fl-2006 se jiġi ppubblikat rapport dwar ir-reviżjoni possibbli tad-direttiva dwar il-bijofjuwils; l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jiffavorixxu l-bijofjuwils (inklużi l-prodotti tat-tieni ġenerazzjoni), u se jitqiesu l-obbligi fir-rigward tal-bijofjuwils; il-Kummissjoni ressqet proposta għall-promozzjoni ta’ vetturi nodfa u effiċjenti.

2) Napprofittaw mill-benefiċċji ambjentali.

Il-Kummissjoni se teżamina kif il-bijofjuwils jistgħu jikkontribwixxu bl-aħjar mod lejn l-ilħuq tal-miri għall-emissjonijiet; se taħdem biex tiżgura s-sostenibbiltà tal-koltivazzjoni tal-materja prima għall-bijofjuwil; u se tistudja mill-ġdid il-limiti tal-kontenut tal-bijofjuwil fil-petrol u fid-diżil.

3) L-iżvilupp tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-bijofjuwils.

Il-Kummissjoni se tipproponi grupp speċifiku biex tikkunsidra l-opportunitajiet għall-bijofjuwils fi programmi ta’ żvilupp rurali; u żżid il-monitoraġġ sabiex tiżgura li m’hemm l-ebda diskriminazzjoni kontra l-bijofjuwils.

4) Inżidu l-provvista tal-materja prima.

Il-Kummissjoni se tagħmel il-produzzjoni taz-zokkor għall-bijo-etanol eliġibbli għall-iskemi ta' appoġġ taħt il-PAK; se tivvaluta l-possibilitajiet li jiġu pproċessati l-istokks ta’ intervenzjoni taċ-ċereali; se tiffinanzja kampanja ta’ għarfien għall-bdiewa u s-sidien tal-foresti; se tmexxi 'l quddiem pjan ta' azzjoni għall-koltivazzjoni tal-foresti; u se tħares lejn il-possibbiltajiet għall-użu ta’ prodotti sekondarji ta’ l-annimali u ta’ l-iskart nadif.

5) Intejbu l-opportunitajiet ta’ kummerċ.

Il-Kummissjoni se tivvaluta l-possibbiltà li tressaq proposta għal kodiċi separati għall-bijofjuwils; se ssegwi strateġija bbilanċjata f’taħditiet kummerċjali ma’ pajjiżi li jipproduċu l-etanol; u se tipproponi emendi lill-‘istandard tal-bijodiżil”.

6) Appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Il-Kummissjoni se tiżgura li l-miżuri għall-pajjiżi ta’ l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku affettwati mir-riforma ta’ l-UE fil-qasam taz-zokkor jistgħu jintużaw biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-bijo-etanol; se tiżviluppa Pakkett koerenti ta’ Għajnuna għall-Bijofjuwils għal pajjiżi li qed jiżviluppaw; u se se teżamina kif se tgħin bl-aħjar mod il-pjattaformi nazzjonali u reġjonali tal-bijofjuwils.

7) Ir-riċerka u l-iżvilupp.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-iżvilupp ta’ ‘Pjattaforma tat-Teknoloġija għall-Bijofjuwils’ immexxija mill-industrija li se tagħmel rakkomandazzjonijiet għar-riċerka f’dan is-settur. Il-bijofjuwils se jkunu ta’ prijorità għolja fis-7 Programm ta’ Qafas, partikolarment, il-kunċett tal-‘bijo-raffinerija’ – fejn jinstabu użi utli għall-partijiet kollha ta’ l-impjant – u l-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni. Permezz tar-riċerka, l-ispejjeż jistgħu jonqsu sostanzjalment wara l-2010. Permezz tal-Programm tagħha Enerġija Intelliġenti – Ewropa, il-Kummissjoni se tappoġġa l-introduzzjoni fis-suq u t-tixrid ta’ teknoloġiji ppruvati.

Sfond

Fl-UE, it-trasport huwa l-kawża ta’ kważi kwart ta’ l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Għalhekk, huwa essenzjali li jinstabu modi kif jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport.

Kważi l-enerġija kollha użata għat-trasport ġejja miż-żejt u l-UE tiddependi ħafna fuq l-importazzjonijiet għall-provvisti tagħħa.

Il-bijofjuwils, li huma pproċessati mill-bijomassa – riżorsa li tiġġedded - huma sostitut dirett għall-idrokarboni fit-trasport u jistgħu jiġu integrati faċilment fis-sistemi ta' provvista tal-fjuwil.

L-appoġġ lis-settur tal-bijofjuwils joffri wkoll possibilitajiet ġodda ta’ dħul finanzjarju fir-reġjuni rurali u jikkontribwixxi lejn l-Aġenda ta’ Liżbona billi jiżviluppa sostituti għall-idrokarboni għall-medda t-twila taż-żmien.

F’għadd ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-produzzjoni ta’ bijofjuwils tista’ twassal għal benefiċċji ekonomiċi u ambjentali, toħloq l-impjiegi, tnaqqas l-ispiża għall-importazzjoni ta' l-enerġija u tiftaħ swieq potenzjali għall-esportazzjoni. Per eżempju, il-bijo-etanol jista' jkun alternattiva fattibli għall-pajjiżi li jipproduċu z-zokkor u li huma affettwati mir-riformi riċenti ta' l-UE fil-qasam taz-zokkor.

L-UE għandha wkoll tkompli tappoġġa r-riċerka fil-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni, bħall-etanol ligno-cellulosic, il-bijodiżil Fischer-Tropsch u l-bio-dimethyl ether (bio-DME).

http://ec.europa.eu/agriculture/biomass/biofuel/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website