IP/06/1257
Brussell, is-26 ta’ Settembru 2006
F’Mejju ta’ l-2006 il-Kummissjoni qieset li “l-Bulgarija u r-Rumanija għandhom ikunu lesti għal sħubija fl-UE fl-1 ta' Jannar 2007, sakemm huma jindirizzaw għadd ta' kwistjonijiet li għadhom miftuħa." Minn dak iż-żmien lil hawn, iż-żewġ pajjiżi għamlu sforzi kbar u indirizzaw ħafna mill-isfidi. Dan kollu ġabhom konformi kemm hemm bżonn mal-livelli u mal-prattiċi prelevanti fl-Unjoni. Għal dak li hu l-għadd limitat ta’ kwistjonijiet li għadhom miftuħa, ir-rapport tal-Kummissjoni juri li l-UE għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed rimedji biex tiżgura li l-interessi ta’ l-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha jkunu mħarsa.
Meta kien qiegħed jitkellem dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-President José Manuel Barroso qal: “Nagħti l-isbaħ xewqat tiegħi lill-popli u lill-mexxejja tal-Bulgarija u tar-Rumanija għal din il-kisba storika. L-evalwazzjoni oġġettiva tagħna turi li l-adeżjoni ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi, fiż-żmien previst, flimkien mal-miżuri relevanti li qed nipproponu, m’hi ta’ l-ebda riskju għall-Unjoni. Għall-kuntrarju, hija okkażjoni biex jitlesta l-ħames tkabbir ta’ l-UE. Dan it-tkabbir saħħaħ il-paċi u ġab aktar ġid lill-Ewropa. Din hija l-aħjar deċiżjoni għall-Bulgarija u r-Rumanija u din hija d-deċiżjoni t-tajba għal-Ewropa.”
Fil-fatt, minn Mejju lil hawn, iż-żewġ pajjiżi indirizzaw b’suċċess madwar nofs l-oqsma miftuħa li ġew identifikati. Bil-pass li mexjin bih bħalissa, wieħed għandu għax jistenna li l-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet li għad fadal ikunu solvuti matul ix-xhur li ġejjin[1].
Biex jiġu evitati xi riskji li jistgħu jinqalgħu, il-Kummissjoni ddeċidiet li għandu jkun hemm għadd ta’ miżuri li jakkumpanjaw l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija. Il-Kummissjoni se twaqqaf mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progess fil-qasam tar-riforma ġuridika, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u tal-kriminalità organizzata. Għall-ħarsien ta’ l-interessi finanzjarji ta’ l-UE, ġie adottat illum regolament speċjali dwar in-nefqa agrikola. Ir-regoli ta’ l-UE jistipulaw li għandu jkun hemm miżuri komprensivi kontra r-riskji, bħal fil-każ tas-sigurtà fl-ikel[2].
Il-Kummissarju għat-Tkabbir, Olli Rehn, qal ukoll: “Il-metodu tagħna huwa ġust u rigoruż. Huwa ġust peress li għarafna l-progress li sar u tajna l-prosit fejn dan hu mistħoqq. Huwa rigoruż għaliex aħna stabbilejna l-mekkaniżmu neċessaarju biex ngħinu lill-Bulgarija u lir-Rumanija tul it-triq tagħhom ta’ riforma, fl-interess taż-żewġ pajjiżi u ta’ l-UE kollha kemm hi.”
Skond il-proċessi ta’ ratfika li għadhom għaddejjin f'4
Stati Membri ta' l-UE[3],
l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija se ddaħħal 30 miljun
persuna fl-UE, biex b’hekk jitlesta l-ħames tkabbir storiku ta’
l-UE u tinħoloq Unjoni ta’ kważi nofs biljun ċittadin.
Għal aktar tagħrif ara:
http://ec.europa.eu/enlargement/key_documents/reports_sept_2006_en.htm
[1] Għal aktar dettalji dwar ir-riżultati miksuba u n-nuqqasijiet li fadal, ara MEMO/06/345 u MEMO/06/346
[2] Għal aktar dettalji dwar il-miżuri relevanti, ara MEMO/06/347
[3] Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja u Franza.