Navigation path

Left navigation

Additional tools

Is-settur finanzjarju - il-Kummissjoni tieħu azzjoni biex ittejjeb il-proċess ta’ l-approvazzjoni superviżorja għall-merġers u l-akwiżizzjonijiet

European Commission - IP/06/1174   12/09/2006

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL

IP/06/1174

Brussell, it-12 ta’ Settembru 2006

Is-settur finanzjarju - il-Kummissjoni tieħu azzjoni biex ittejjeb il-proċess ta’ l-approvazzjoni superviżorja għall-merġers u l-akwiżizzjonijiet

Il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta li sejra tissikka l-proċeduri li jkollhom isewgu l-awtoritajiet superviżorji ta’ l-Istati Membri meta jkunu qed jivvalutaw merġers u akwiżizzjonijiet proposti (M&A) fis-setturi bankarji, ta’ l-assigurazzjoni u tat-titoli ta’ kreditu. Ir-regoli kurrenti ta’ l-UE jippermettu lill-awtoritajiet superviżorji jwaqqfu M&A proposti milli jseħħu jekk iqisu li ‘l-ġestjoni soda u prudenti’ tal-kumpanija fil-mira tkun tista’ titqiegħed f’riskju. Id-Direttiva l-ġdida proposta, li temenda Direttivi eżistenti varji f’dawn is-setturi, sejra b’mod partikolari tiċċara l-kriterji li bihom is-superviżuri għandhom jivvalutaw operazzjonijiet possibbli ta’ M&A. Dan se jtejjeb iċ-ċarezza u t-trasparenza fil-valutazzjoni superviżorja u se jgħin biex ikun żgurata trattament konsistenti tat-talbiet M&A madwar l-UE.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi Charlie McCreevy qal: “Dawn ir-regoli ġodda jfissru li l-awtoritajiet superviżorji se jkollhom ikunu ċari, trasparenti u konsistenti meta jivvalutaw merġers u akwiżizzjonijiet bejn fruntiera u oħra”. Ma jħallu l-ebda lok għall-indħil politiku jew għall-protezzjoniżmu. Din għandha tkun it-triq li għandna nieħdu jekk tassew irridu jkollna Suq Intern li jaħdew sew u l-kumpaniji finanzjarji tagħna jkunu f'qagħda aħjar li jikkompetu globalment."

X’se tintroduċi d-Direttiva l-ġdida?

Id-Direttiva proposta tipprovdi lill-awtoritajiet superviżorji bi proċess ċar u trasparenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet u n-notifika. B’mod partikolari, issa se jkun hemm lista magħluqa ta’ kriterji li biha se tiġi vvalutata l-kumpanija akwirenti, bħar-reputazzjoni ta' l-akwirent propost, ir-reputazzjoni u l-esperjenza ta' kwalunkwe persuna li tkun se tmexxi l-istituzzjoni jew id-ditta li tirriżulta, is-saħħa u l-istabilità finanzjarja ta’ l-akwirent propost, il-konformità ma' Direttivi rilevanti ta’ l-UE, u r-riskju tal-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Id-Direttiva wkoll tqassar il-perjodu ta’ valutazzjoni minn tliet xhur għal 30 jum u tippermetti lill-awtorità superviżorja ‘twaqqaf l-arloġġ’ darba biss, taħt kundizzjonijiet ċari.

Temenda dawn id-Direttivi eżistenti: id-Direttiva Bankarja (2006/48/KE), it-Tielet Direttiva dwar Assigurazzjoni mhux tal-Ħajja (92/49/KEE), id-Direttiva Riformulata dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja (2002/83/KE), id-Direttiva dwar ir-Riassigurazzjoni (2005/88/KE), u d-Direttiva dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (2004/39/KE).

L-isfond

Il-kwistjoni tal-konsolidazzjoni limitata bejn fruntiera u oħra fis-settur finanzjarju ġiet diskussa fil-laqgħa informali tal-Ministri ta' l-Ekonomija u l-Finanzi (ECOFIN) f'Settembru 2004. Il-ministri talbu lill-Kummissjoni tistudja l-ostakli possibbli għall-merġers u l-akwiżizzjonijiet minn fruntiera għall-oħra, li jinbtu minn prattiki superviżorji li jvarjaw u minn fatturi usa’ oħra. B’hekk, il-Kummissjoni bdiet reviżjoni tar-regoli eżistenti fis-settur bankarju dwar il-valutazzjonijiet superviżorji tal-pussess ta’ ishma li jippermetti lill-Istati Membri jżommu, fuq bażi prudenzjali, milli jiġu akkwistati ammonti ta’ ishma lil hinn minn ċertu limitu. Billi din il-leġiżlazzjoni hija simili ħafna għal-leġiżlazzjoni korrispondenti fis-settur tat-titoli u ta’ l-assigurazzjoni, tqis xieraq li r-reviżjoni tiġi estiża biex tinkludi dawn is-setturi kif ukoll sabiex tiġi sostnuta u mtejba aktar konsistenza bejn settur u ieħor.

Sabiex jinġabru l-fehmiet tal-partijiet interessati dwar is-suġġett, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni online fir-Rebbiegħa ta' l-2006 (IP/06/320). Ir-riżultati indikaw li l-kumpaniji ta’ l-UE kienu konxji mill-problemi bil-proċess ta’ l-appell superviżorju, u kienu qed jappoġġjaw il-ħtieġa li jiġu introdotti proċeduri u kriterji ċari u biex tittejjeb il-konsistenza.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/internal_market/finances/cross-sector/index_en.htm#obstacles


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website