Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-ħarsien tal-minorenni li jużaw il-mowbajls

European Commission - IP/06/1059   25/07/2006

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL

IP/06/1059

Brussell, l-25 ta’ Lulju 2006

Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-ħarsien tal-minorenni li jużaw il-mowbajls

Il-Kummissjoni Ewropea illum nidiet konsultazzjoni pubblika dwar ir-riskji potenzjali għat-tfal, minħabba l-użu tal-mowbajls. Dawk kollha interessati, inkluż organizzazzjonijiet tas-sikurezza tat-tfal, tal-ġenituri u tal-konsumaturi , operaturi tan-netwerk tal-mobajl, fornituri tal-kontenut, produtturi tat-telefowns u tan-netwerks, u regolaturi, huma mistiedna jikkontribwixxu. Il-konsultazzjoni se tibqa' miftuħa sas-16 ta' Ottubru 2006.

“Il-mowbajls huma parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, mhux biss għall-adulti imma wkoll għaż-żgħażagħ taħt id-dsatax-il sena u, aktar ma jmur, għal tfal iżgħar. Il-komunikazzjoni mobbli hija opportunità kbira għall-iżvilupp ta’ l-ekonomiji u tas-soċjetajiet fl-Ewropa. Iżda, fl-istess waqt, hu meħtieġ li l-ħarsien tal-minorenni jiġi garantit,” qalet Vivianne Reding, il-Kummissarju responsabbli mis-Soċjetà ta' l-Informatika u l-Midja. “Fl-opinjoni tiegħi, il-ħarsien tal-minorenni fil-komunikazzjoni mobbli hija r-responsabbiltà tal-partijiet kollha: l-industrija, l-għaqdiet għas-sikurezza tat-tfal u l-entitajiet pubbliċi. Aktar ma’ l-awto-regolamentazzjoni ssir effiċjenti, anqas jkun meħtieġ l-intervent ta’ l-Istat.”

Il-konsultazzjoni ġdida li nidiet il-Kummissjoni illum, tindirizza kwistjonijiet marbuta mal-kontenut u l-imġieba, bħall-aċċess għall-kontenut illegali u ta’ ħsara, l-ibbulijar (eż. it-tixrid ta’ messaġġi u ritratti abbusivi u kompromettenti fost it-tfal), il-kunfidenzi żejda (eż. barranin “jagħmlu ħbiberija” ma’ tfal bl-intenzjoni li jiltaqgħu magħhom), ir-riskju fuq il-privatezza tat-tfal, u r-riskju ta’ spiża kbira mhix mistennija.

Fl-aħħar ftit tas-snin, l-użu tal-mowbajls mit-tfal u ż-żgħażagħ żdied drastikament, l-istess kif żdiedu l-kapaċitajiet tal-mowbajls. Skond stħarriġ ta’ l-Eurobarometer f’Mejju 2006, 70% taż-żgħażagħ ta’ bejn 12 u 13-il sena, u 23% tat-tfal ta’ bejn it-8 u 9 snin għandhom mowbajl. Il-mowbajl illum il-ġurnata jista’ jintuża għall-messaġġi bil-vidjow, servizzi tad-divertiment (tniżżil ta’ logħob, mużika u vidjows), aċċess għall-internet u servizzi aċċessibli mill-post partikolari.

Iż-żieda fl-użu tal-mowbajl bla dubju tiffaċilita l-kuntatt bejn in-nies f’Soċjetà ta’ l-Informatika. Iżda tqajjem ukoll tħassib dwar is-sikurezza tat-tfal. L-għan tal-konsultazzjoni huwa li tiġbor tagħrif fattwali u opinjonijiet minn diversi partijiet interessati, dwar it-tip ta' riskji li jiltaqgħu magħhom it-tfal fl-użu li jagħmlu mis-servizzi tal-kontenut tal-mowbajl, is- soluzzjonijiet tekniċi u regolatorji li jeżistu u l-iskop għal aktar azzjoni, partikolarment fuq livell Ewropew.

Il-konsultazzjoni mnedija llum hija parti minn proċess li beda f'Ġunju 2005, waqt sessjoni plenarja tal-Forum għall-Internet Aktar Sikur li ġibdet l-attendenza ta’ 200 rappreżentant mill-industrija u organizzazzjonijiet li jaħdmu għall-ġid tat-tfal. Il-Kummissjoni tixtieq li dibattitu bħal dan fuq livell Ewropew iwassal għal tip ta’ awto-regolamentazzjoni li diġà qed tiżviluppa f’xi Stati Membri. Għalhekk, qed tappoġġa diversi inizjattivi relatati ta’ l-operaturi tal-mobajl, ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (OMG) u partijiet interessati oħra.

Il-Forum għall-Internet Aktar Sikur huwa parti mill-Programm tal-Kummissjoni għall-Internet Aktar Sikur li ilu jaħdem mill-1999, u jara kif iħejji lill-ġenituri u għalliema bl-għarfien u l-għodod meħtieġa biex jassiguraw sikurezza fl-internet. Il-programm kurrenti ta’ 4 snin (2005-8) għandu baġit ta’ €45 miljun biex jiġġieled kontra kontenut ta' l-internet li jkun illegali u ta’ ħsara. Ikopri wkoll midja oħra bħal vidjows, u jindirizza bla tlaqlieq il-ġlieda kontra r-razziżmu, u l-ittri-e b’materjal pubbliċitarju mhux mitlub.
Għal aktar tagħrif żur:

http://ec.europa.eu/saferinternet


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website