Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/06/1015

Brussell, id-19 ta' Lulju 2006

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tadotta Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tappoġġja investimenti f’kapital tar-riskju fl-SMEs

Il-Kummissjoni Ewropea adottat Linji gwida biex tiddetermina l-każi fejn l-għajnuna mill-Istat li tappoġġja investiment ta’ kapital ta’ riskju f’intrapriżi żgħar jew ta’ daqs medju (SMEs) tkun kompatibbli mar-regoli ta’ l-għajnuna mill-Istat tat-Trattat KE (l-Artikolu 87). Ir-regoli għandhom jiffaċilitaw l-aċċess ta’ l-SMEs għall-finanzjament fl-istadji bikrin ta’ żvilupp tagħhom, partikolarment meta jkun hemm nuqqas ta’ mezzi alternattivi ta’ finanzjament mis-swieq finanzjarji (i.e. falliment tas-suq). Aċċess aħjar għall-kapital għandu jistimula t-tkabbir tagħhom u joħloq iktar impjiegi fl-UE. Il-Linji gwida jagħmlu parti mill-isforzi tal-Kummissjoni, imħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat (SAAP- ara IP/05/680 u MEMO/05/195), biex l-Istati Membri jkunu mħeġġa li jiffukaw l-għajnuna mill-Istat fuq it-titjib tal-kompetittività ta’ l-industrija ta’ l-UE, b’mod partikolari permezz ta’ l-innovazzjoni, u biex jinħolqu impjiegi sostenibbli, waqt li tkun minimizzata kull distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-Linji gwida jinkludu “kenn” ta’ €1.5 miljun f’investiment għal kull SME fuq 12-il xahar (livell inqas minn dan jirriżulta f’falliment tas-suq), proċedura sempliċi ta' valutazzjoni għal każijiet ċari li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet u kriterji ta’ valutazzjoni li jiżguraw li l-finanzjament mill-Istat jħeġġeġ l-investiment privat, jidentifika l-fallimenti tas-suq u jkun proporzjonat.

Il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes qalet: “Il-Linji gwida ġodda dwar il-kapital tar-riskju għandhom jippermettu lill-Istati Membri l-flessibbiltà meħtieġa biex jitjieb l-aċċess ta’ l-SMEs għall-kapital tar-riskju, li bħala kumpens, għandu jwitti t-triq għal kompetittività aħjar u għall-ħolqien ta’ l-impjiegi.”

Il-Linji gwida jkopru miżuri ta’ kapital tar-riskju għall-investiment fl-SMEs fl-istadji bikrin tagħhom (it-twaqqif, il-bidu u l-espansjoni) fejn is-sussidju huwa provdut b’mod konġunt mill-Istat u mill-investituri privati. Il-Linji gwida jieħdu post il-Komunikazzjoni ta’ l-2001 dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kapital tar-riskju. Dawn għandhom itejbu l-aċċess għall-kapital tar-riskju, partikolarment għal kumpaniji innovattivi. Iktar investimenti jistgħu wkoll iwasslu għal produzzjoni aktar ekoloġika per eżempju permezz ta’ l-iffrankar ta’ l-enerġija.

Bidla importanti fil-Linji gwida hija l-limitu ta’ l-investiment ta’ €1.5 miljun għal kull SME fuq perjodu ta’ 12-il xahar, żieda ta’ 50% fuq il-limitu preċedenti. Għal dawn il-każijiet, il-Kummissjoni taċċetta li hemm nuqqas fil-mezzi alternattivi ta’ finanzjament mis-swieq finanzjarji (i.e. falliment tas-suq). ’Il fuq minn dan il-limitu, minħabba potenzjal akbar li l-kompetizzjoni tkun imxekkla, il-Kummissjoni se tagħmel valutazzjoni dettaljata, u l-Istati Membri għandhom jipprovdu prova ta’ falliment tas-suq. L-applikazzjoni ta’ tipi differenti ta' valutazzjoni fuq il-bażi ta’ l-impatt ekonomiku hija bidla importanti, u timplimenta l-approċċ ekonomiku rfinut tal-SAAP. Valutazzjoni dettaljata ma timplikax neċessarjament li l-Kummissjoni se tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali taħt l-Artikolu 88 tat-Trattat KE.

Hija mbassra valutazzjoni sempliċi għall-miżuri li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet:

- investimenti taħt €1.5 miljun f’SME fuq perjodu ta’ 12-il xahar

- finanzjament sal-fażi ta' espansjoni għall-intrapriżi żgħar u l-intrapriżi ta' daqs medju f'żoni assistiti; u sal-fażi tal-bidu għall-intrapriżi ta' daqs medju f'żoni mhux assistiti;

- għall-inqas 70% tal-baġit għandu jintuża biex jipprovdi strumenti ta’ kapital jew kważi-kapitali għall-kuntrarju ta’ l-istrumenti ta’ dejn

- il-parteċipazzjoni minn investituri privati għandha tkun ta’ mill-inqas 50% f’żoni mhux assistiti u ta’ 30% f’żoni assistiti

- id-deċiżjonijiet għall-investiment għandhom ikunu mmexxija mill-qligħ – i.e. bl-involviment tal-parteċipazzjoni privata, bi pjanijiet vijabbli ta’ negozju u bi strateġija ċara ta’ ħruġ

- il-ġestjoni tas-sussidju għandha timxi fuq loġika kummerċjali – i.e. ir-remunerazzjoni tal-maniġers għandha tkun marbuta mal-profitti mis-sussidju, l-investituri privati għandhom ikunu rappreżentati, il-ġestjoni għandha timxi ma’ standards regolatorji xierqa

- attenzjoni settorjali hija possibbli għas-sussidji li jinvestu fit-teknoloġiji jew f’setturi innovattivi.

Għandha ssir valutazzjoni dettaljata għall-miżuri:

- li jipprovdu ammonti ta’ investiment ogħla minn €1.5 miljun f’SME fuq perjodu ta’ 12-il xahar

- li jipprovdu ffinanzjar għall-fażi ta’ espansjoni ta’ l-intrapriżi ta' daqs medju f'żoni mhux assistiti

- li jipprovdu investimenti ta’ prosegwiment fl-SMEs lil hinn minn €1.5 miljun u l-finanzjament tal-fażi tal-bidu

- li jipprovdu investiment b’parteċipazzjoni minn investituri privati ta’ inqas minn 50% f’żoni mhux assistiti jew ta’ 30% f’żoni assistiti

- li jiffukaw fuq kapital tat-twaqqif għall-intrapriżi ż-żgħar bla parteċipazzjoni jew b’parteċipazzjoni limitata tas-settur privat u/jew li jinvestu l-iktar permezz ta’ strumenti tad-dejn

- li jinvolvu vetturi ta’ investiment (i.e. postijiet alternattivi tas-swieq)

- li jkopru spejjeż marbutin ma’ l-għażla tal-kumpaniji fir-rigward tal-konklużjoni ta’ l-investimenti ( “l-ispejjeż tat-tfittxija”).

Il-Linji gwida jieħdu f’kunsiderazzjoni ta’ konsultazzjoni wiesgħa u ta’ studju estern dwar in-nuqqas azzjonarju ta’ l-UE, il-kummenti dwar il-SAAP u l-Komunikazzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Innovazzjoni, l-opinjonijiet ta’ l-Istati Membri u kummenti miktubin mill-partijiet interessati.

Il-Linji gwida jikkumplimentaw strumenti oħra ta’ għajnuna statali li jimmiraw l-SMEs:

- il-Linji gwida ġodda dwar l-Għajnuna Reġjonali (2007-2013 - ara IP/05/1653) jinkludu ‘għajnuna għall-intrapriżi’ għall-intrapriżi ż-żgħar f’żoni assistiti għall-fażi tal-bidu tagħhom u għall-fażi bikrija ta’ żvilupp

- qiegħda tiġi preparata eżenzjoni ta’ kategorija mill-Kummissjoni, biex l-Istati Membri ma jkollhomx jinnotifikaw ċerti miżuri rigward l-SMEs

- tfassil ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni.
Il-Linji gwida huma disponibbli:

http://ec.europa.eu/competition/state_aid/overview/sar.html

Ara MEMO/06/295


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website