Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/05/901

Brussell, il-11 ta' Lulju 2005

Il-Kummissjoni twissi lill-konsumaturi dwar l-ispejjeż marbuta ma' l-użu tal-mowbajls barra mill-pajjiż, u tiffoka fuq in-nuqqas ta' trasparenza tal-prezzijiet

Hekk kif joqrob l-istaġun tal-vaganzi ma' l-Ewropa kollha, l-Kummissjoni Ewropea qiegħda twissi lill-konsumaturi dwar l-ispejjeż għoljin għall-użu tal-mowbajls tagħhom meta jkunu barra minn pajjiżhom. Magħrufa bħala "international roaming charges", dawn il-prezzijiet għal ċertu żmien diġà kienu ta' tħassib, kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għar-regolaturi nazzjonali. Minkejja l-ewwel sinjali ta' ċaqliq fis-swieq, il-Kummissjoni mhix sodisfatta li l-prezzijiet li għandhom iħallsu l-konsumaturi diġà jirriflettu r-riżultat ta' kompetizzjoni effettiva. Il-Kummissjoni għalhekk se tieħu l-miżuri sabiex ittejjeb it-trasparenza ta' l-"international roaming charges" tal-mowbajl sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu l-aħjar offerta.

"L-użu tal-mowbajl meta tkun fuq btala barra minn pajjiżek għadu jista' jwassal għal sorpriżi koroh", twissi Viviane Reding, il-Kummissarju għas-Soċjetà Informatika u l-Mezzi tal-Komunikazzjoni tal-Massa "Jiena konvinta li ferm aktar progress mill-industrija huwa sew meħtieġ kif ukoll possibbli. Neħtieġu naslu fi stadju fejn il-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw minn offerti aħjar minn dawk li qed isirulhom bħalissa."

"International roaming" hija l-possibiltà li abbonati ta' servizzi tal-mowbajl ikunu jistgħu jużaw il-mowbajl tagħhom meta jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom. L-utenti jistgħu jċemplu u jirċievu telefonati billi jużaw l-istess numru li jużaw meta jkunu f'pajjiżhom. Sabiex isir dan, operatur ta' netwerk tal-mowbajls jeħtieġ jikkonkludi ftehimiet ta' international roaming ma' operaturi f' pajjiżi oħra.

Il-prezzijiet għal telfonata lejn pajjiżek minn barra jvarjaw mhux ftit fl-Unjoni Ewropea, b'rati ta' bejn € 0.58/minuta (minn Ċipru għall-Finlandja b'abbonament Finlandiż) sa € 5.01/minuta (minn Malta għall-Polonja b'abbonament Pollakk). Dan jinħass partikolarment mit-turisti u min jivjaġġa fuq xogħol.

Sabiex tittejjeb il-kompetizzjoni fis-swieq ta' l-international roaming tal-mowbajl u sabiex tiżdied it-trasparenza tal-prezzijiet għall-konsumaturi, mill-Ħarifa ta' l-2005 'il quddiem, il-Kummissjoni se tibda tippubblika websajt speċjali li telenka kampjuni ta' tariffi.

L-inizjattiva tal-Kummissjoni se tkun appoġġjata mir-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni li se jikkoordinaw l-azzjoni fuq it-trasparenza tat-tariffi għall-international roaming taħt l-awspiċji tal-Grupp ta' Regolaturi Ewropej (GRE). "Nilqa' din l-inizjattiva kkoordinata ta' regolaturi nazzjonali, li hija prova tal-kooperazzjoni effiċjenti bejn regolaturi nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea", qalet il-Kummissarju Reding.

Il-Kummissjoni tistenna li miżuri ta' trasparenza bħal dawn jinkoraġġixxu lill-operaturi sabiex joffru prezzijiet aħjar u aktar ġusti lill-konsumaturi tagħhom.

Sfond:

Il-Kummissarju Reding ilha tieħu ħsieb il-kwistjoni ta' l-international roaming tal-mowbajl minn Diċembru ta' l-2004, meta l-GRE - il-grupp ta' regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni li twaqqaf mill-Kummissjoni sabiex jgħin fil-koordinazzjoni tar-regolazzjoni tal-komunikazzjoni ma' l-UE kollha – bdiet investigazzjoni koordinata fir-rigward tal-prezzijiet bl-ingrossa ta' l-international roaming li jitolbu mingħand xulxin l-operaturi tas-servizzi tal-mowbajl (ara IP/04/1458).

Dawn l-investigazzjoni għadhom għaddejjin u, minn Mejju 'l hawn waslu f'fażi ġdida, hekk kif regolaturi nazzjonali, huma u jsegwu strateġija komuni li ntlaħaq qbil dwarha f'laqgħa tal-GRE f'Mejju, issa qed jipproċedu bl-analiżi tas-swieq nazzjonali tagħhom. Se jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet ippjanati tagħhom meta jsir il-waqt. "Il-prezzijit bl-imnut bħalissa huma għoljin ħafna, mingħajr ġustifikazzjoni ċara", hija waħda mill-konklużjonijiet tal-GRE, ara

http://erg.eu.int/doc/whatsnew/reg_intens_wrk_intl_roaming_mtg.pdf + MEMO/05/247


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website