IP/05/680
Brussell, is-7 ta' Ġunju 2005
Il-prinċipji li se jmexxu r-riforma wiesgħa tar-regoli u l-proċeduri ta’ l-għajnuna mill-istat għall-ħames snin li ġejjin ġew deskritti b’mod ġenerali fi Pjan ta’ Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat li għadu kif ġie adottat mill-Kummissjoni Ewropea. B’mod partikolari, il-Kummissjoni beħsiebha tuża r-regoli ta’ l-għajnuna mill-istat tat-Trattat tal-KE biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħtu kontribut lill-Istrateġija ta’ Liżbona billi jiffukaw l-għajnuna fuq it-titjib tal-kompetittività ta’ l-industrija ta’ l-UE u l-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli (aktar għajnuna għar-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D), l-innovazzjoni u l-kapital għar-riskju għal kumpaniji żgħar), biex tiżgura koeżjoni soċjali u reġjonali u biex ittejjeb is-servizzi pubbliċi. Il-Kummissjoni qed timmira wkoll li tirrazzjonalizza u tissemplifika l-proċeduri biex ir-regoli jkunu aktar ċari u inqas għajnuna jkollha tiġi notifikata, u biex jitgħaġġel it-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu kummenti dwar il-Pjan ta’ Azzjoni sal-15 ta’ Settembru, u wara dan jiġu ppreżentati d-dettalji tal-proposti għar-riforma.
Il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes ikkummentat: ”Ir-riformi ta' l-għajnuna ta’ l-istat imniżżla fil-Pjan ta’ Azzjoni għandhom l-għan li jiżguraw li l-Istati Membri jkollhom qafas ċar, wiesa’ u li jista' jitbassar, biex dawn ikunu jistgħu jipprovdu għajnuna mill-istat li tagħti kontribut għall-koeżjoni, il-kompetittività u l-kwalità għolja tas-servizzi pubbliċi. Iżda qabel ma nagħmel proposti konkreti għall-bidla, irrid nara r-riżultati tal-konsultazzjoni vasta – inklużi ma’ l-intrapriżi, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew – li qed inniedu dwar dan il-Pjan ta’ Azzjoni.”
Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat huwa msejjes fuq dawn l-elementi:
Kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea bir-referenza “riforma ta’ l-għajnuna ta’ l-istat” permezz ta’ l-email lil STATEAIDGREFFE@CEC.EU.INT
It-test tal-Komunikazzjoni jinsab fuq:
http://ec.europa.eu/competition/state_aid/others/action_plan/