Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-epidemija ta’ l-obeżità: Markos Kyprianou jwiegħed azzjoni wara li ċ-ċifri juru li hemm aktar tfal li għandhom piż żejjed

European Commission - IP/05/292   15/03/2005

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL

IP/05/292

Brussell, il-15 ta' Marzu 2005

L-epidemija ta’ l-obeżità: Markos Kyprianou jwiegħed azzjoni wara li ċ-ċifri juru li hemm aktar tfal li għandhom piż żejjed

Markos Kyprianou, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur, wiegħed li se jaħdem ma’ l-industrija u l-gruppi tal-konsumaturi, l-esperti tas-saħħa u l-mexxejja politiċi sabiex flimkien jikkumbattu l-epidemija ta’ l-obeżità fl-Ewropa, wara li ċifri ppubblikati llum juru li, fl-UE, l-għadd ta’ tfal ta’ l-iskola li għandhom piż żejjeed qed jikber b’madwar 400,000 fis-sena. It-tagħrif mill-Grupp Internazzjonali ta' Ħidma dwar l-Obeżità (IOTF) jgħid li l-gravità tal-problema ta’ l-obeżità fl-Ewropa x'aktarx li baqgħet ma ntgħarfetx għal kollox minħabba li f'xi pajjiżi ma nġabritx statistika adegwata u għalhekk ġew irrapurtati inqas każi milli tassew kien hemm. Jidher ukoll li hemm aktar minn 200 miljun adult madwar l-UE li jistgħu jkollhom piż żejjed jew inkella saħansitra jkunu obeżi. "L-obeżità qed tiżdied b’rata mgħaġġla, u l-ħxuna dejjem tikber ta’ l-Ewropa ġġib magħha konsegwenzi devastanti għas-saħħa pubblika flimkien ma’ spejjeż ekonomiċi enormi. Il-kontinent tagħna qed iħabbat wiċċu ma’ epidemija ta’ l-obeżità li, minn kull lat, hija gravi daqs dik ta’ l-Amerika ta’ Fuq. Ninsab inkwetat u maħsud b’din ir-rata dejjem tikber ta’ piż żejjed u obeżità fost it-tfal ta’ l-iskola”, żied jgħid il-Kummissarju Kyprianou. “Il-Pjattaforma għall-Azzjoni ta’ l-UE li qed inniedu llum hija l-kontribut ta’ l-Ewropa sabiex naffrontaw din l-isfida. Il-kummerċ u n-negozju, is-soċjetà ċivili u l-gvern għandhom jaħdmu flimkien sabiex iwaqqfu ż-żieda ta’ l-obeżità fost it-tfal tagħna.”

Il-Kummissarju Kyprianou kompla jgħid: “Il-Pjattaforma sejra tikkunsidra l-azzjoni volontarja fl-oqsma ta' l-għoti ta' tagħrif u l-edukazzjoni lill-konsumatur, it-tqegħid fis-suq u r-riklamar ta' prodotti, il-promozzjoni ta' l-attività fiżika, l-ingredjenti ta' l-ikel u d-daqs tal-porzjonijiet" Nittama li nara l-ewwel inizjattivi jiġu adottati fl-2006,u dawn għandhom ikollhom benefiċċji prattiċi. Il-prova vera qiegħda f'jekk il-proċess ta' kooperazzjoni li qed inniedu llum huwiex se jagħti riżultat”.

Iż-żieda fir-rata li biha qed tinfirex l-obeżità, l-aktar fost iż-żgħar u ż-żgħażagħ, inkwetat sew lill-esperti tas-saħħa. L-obeżità hija fattur ta’ riskju għal ħafna mard serju, bħall-mard tal-qalb, il-pressjoni għolja, il-puplesija, il-mard fl-apparat tan-nifs, l-artrite u ċerti tipi ta' kanser. L-epidemija ta’ l-obeżità fl-Ewropa diġà qed titqies bħala l-kawża taż-żieda fl-għadd ta’ persuni li jiżviluppaw id-dijabete tat-tip 2. Id-dieta ħażina u n-nuqqas ta’ eżerċizzju fl-Ewropa huma fost il-kawżi ewlenin ta' mewt li tista' tiġi evitata, u huwa stmat li bejn 2% sa 8% ta' l-ispejjeż għall-kura tas-saħħa jintefqu fuq l-obeżità.

Il-Pjattaforma Ewropea għall-Azzjoni fuq id-Dieta u l-Attività Fiżika tgħaqqad ir-rappreżentanti ewlenin fuq il-livell ta’ l-UE ta’ l-industriji ta’ l-ikel, il-bejgħ, il-catering u r-riklamar, flimkien ma' l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-NGOs tas-saħħa.

Il-Pjattaforma kellha l-ewwel laqgħa tagħha llum, u fiha ħadu sehem il-membri fundaturi tagħha, jiġifieri l-Kummissarju Markos Kyprianou, Mars Di Bartolomeo, il-Ministru tas-Saħħa tal-Lussemburgu u Karl-Heinz Florenz MEP, President tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sigurtà ta’ l-Ikel, flimkien ma’ rappreżentanti mill-organizzazzjonijiet tal-kummerċ, is-soċjetà ċivili u s-settur pubbliku.

Fix-xhur li ġejjin, il-membri tal-Pjattaforma se jressqu pjani ta’ azzjoni li jispjegaw l-attivitajiet li sejrin jiżvolġu sabiex jippromwovu dieti aħjar jew iħeġġu lin-nies jagħmlu aktar eżerċizzju.

Il-Pjattaforma ta’ l-UE se jkollha l-għan li tappoġġja inizjattivi nazzjonali u lokali bis-saħħa ta’ l-azzjonijiet tal-membri tagħha u tgħin sabiex jitħeġġu inizjattivi ġodda madwar l-UE. Il-Pjattaforma se tkun ukoll forum li fih il-partijiet interessati jistgħu jivvalutaw l-azzjonijiet ta’ xulxin għall-ġlieda kontra l-obeżità u jaraw jekk l-impenji meħuda humiex tassew qed jitwettqu.

Aktar tagħrif:
L-informazzjoni ta’ l-IOTF, flimkien ma’ aktar tagħrif dwar il-Pjattaforma li tnediet illum, tinsab fuq :

http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/nutrition/platform/launch_en.htm

Ara wkoll MEMO/05/91 għal aktar tagħrif dwar il-Pjattaforma.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website