Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni se tikkonsulta fuq politika marittima futura ta’ l-Unjoni

European Commission - IP/05/231   02/03/2005

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL

IP/05/231

Brussell, it-2 ta’ Marzu 2005

Il-Kummissjoni se tikkonsulta fuq politika marittima futura ta’ l-Unjoni

Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret illum id-deċiżjoni tagħha li tniedi proċess ta’ konsultazzjoni fuq politika marittima futura għall-Unjoni. F’komunikazzjoni ppreżentata flimkien mill-President José Manuel Barroso u l-Kummissarju Joe Borg, il-Kummissjoni tfiehem ir-raġunijiet għal din l-inizjattiva. Il-komunikazzjoni tgħid li l-kontribuzzjoni li l-baħar jagħti għall-għajxien u l-benessri tagħna hija konsiderevoli, kif huwa wkoll il-potenzjal li joffri għat-tkabbir ekonomiku. L-isfida hija li nkunu żguri li nagħmlu l-aħjar użu minn dan il-potenzjal b’mod sostenibbli. Strateġija integrata tgħin biex jiġu evitati konflitti u biex tisfrutta bl-aħjar mod is-sinerġiji bejn l-attivitajiet tal-baħar ħalli jitkabbar il-potenzjal ekonomiku tagħhom u jiġi mħares l-ambjent. Tinkoraġġixxi wkoll aktar parteċipazzjoni ta’ dawk interessati, u l-partijiet kollha kkonċernati jkunu jistgħu jikkunsidraw il-baħar bħala entità waħda kif ukoll jifhmu l-implikazzjonijiet fuqu ta’ kull sett ta’ attivitajiet. Grupp ta Ħidma, li jiġbor fi ħdanu l-Kummissarji responsabbli mill-politika rrelatata mal-baħar u li huwa ppresedut mill-Kummissarju Borg, se jipprepara karta ta’ konsultazzjoni fuq politika marittima futura għall-Unjoni. Il-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument, li hija prevista għall-ewwel nofs tas-sena d-dieħla, se tniedi eżerċizzju wiesa' ta’ konsultazzjoni dwar għażliet possibbli għal politika marittima għall-Unjoni. Il-Kummissjoni imbagħad se teżamina l-kontribuzzjonijiet kollha u tiddeċiedi liema għamla u forma għandha tieħu l-politika l-ġdida qabel ma jiġu ppreparati proposti f’din id-direzzjoni

Il-President Barroso stqarr: "L-imgħoddi, il-preżent u l-ġejjieni ta' l-Ewropa huma ankrati fl-oċeani u l-ibħra. Ikun biss jekk aħna nieħdu ħsiebhom li l-oċeani u l-ibħra jkunu jistgħu jaqdu lilna u lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Politika marittima ta' l-UE tista' tgħinna nilliberaw il-potenzjal enormi ta' tkabbir li għandha l-Ewropa, filwaqt li nħarsu l-ambjent ta' l-ibħra tagħna. Permezz tal-ġestjoni responsabbli tar-riżorsi marittimi komuni tagħna, l-oċeani u l-ibħra jistgħu jibqgħu għajn ta' prosperità u ta' pjaċir għal kulħadd fl-Ewropa għal snin twal fil-ġejjieni."

“B’politika marittima nkunu nistgħu nidentifikaw, nikkoordinaw u nimplimentaw fl-Unjoni miżuri rrelatati mal-baħar hekk li jkabbru bl-aħjar mod ir-riżultati ekonomiċi u rikreattivi mogħtija mill-baħar, b’mod aktar parteċipattiv u sostenibbli. Jiena ħerqan biex naħdem mal-kollegi tiegħi u mal-partijiet interessati, pubbliċi u privati, fuq dan il-proġett eċċitanti.” qal il-Kummissarju Joe Borg, li huwa responsabbli għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi .

Il-President Barroso talab lis-Sur Borg biex “jidderiġi Grupp ta' Ħidma fuq Politka ġdida Marittima bil-għan li titnieda konsultazzjoni wiesgħa fuq Politika Marittima futura għall-Unjoni”. Il-Kummissarji kkonċernati huma s-Sur Verheugen, li huwa responsabbli mill-Intrapriża u l-Industrija, is-Sur Barrot: it-Trasport, is-Sur Dimas: l-Ambjent, is-Sinjura Hübner: il-Politika Reġjonali, is-Sur Potocnik: ir-Riċerka u s-Sur Pieblags, l-Enerġija. Kummissarji oħra jistgħu wkoll jintalbu biex jipparteċipaw meta d-diskussjonijiet ikollhom x’jaqsmu ma’ suġġetti rrelatati mal-portafolli tagħhom. Biex tiġi mfassla l-karta ta’ konsultazzjoni, se jinkiseb l-għarfien minn firxa ta’ oqsma tekniċi u ta’ politika.

Il-baħar huwa importanti ħafna għall-Unjoni. Għoxrin Stat Membru għandhom kosta li bejniethom tinfirex sa kważi 70,000 km. Kważi nofs il-popolazzjoni ta’ l-UE tgħix inqas minn 50 km 'l bogħod mill-kosta. Ir-reġjuni marittimi tal-15-il Stat Membru ta’ l-UE digà kienu jagħmlu aktar minn 40% tal- PGD. Il-bini ta’ vapuri, il-portijiet, is-sajd u l-industriji ta’ servizzi rrelatati bejniethom jimpjegaw 2.5 miljun ħaddiem (Ara l-Fact sheets u l-Memo/05/72 mehmuża)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website