Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea trid tippromwovi l-vetturi li ma jniġġsux

European Commission - IP/05/1672   21/12/2005

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL

IP/05/1672

Brussell, il-21 ta' Diċembru 2005

Il-Kummissjoni Ewropea trid tippromwovi l-vetturi li ma jniġġsux

Illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet leġiżlazzjoni ġdida li l-għan tagħha huwa li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' suq għall-vetturi li ma jniġġsux sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet li jniġġsu tas-settur tat-trasport. Ir-regoli Ewropej il-ġodda, billi jobbligaw lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jħallu kwart tax-xiri annwali tagħhom għal vetturi li ma jniġġsux, se jippermettu l-għoti lil dawk li jibnuhom tal-garanziji li jeħtieġu biex jiżviluppaw dawn il-vetturi għal suq usa'.

"Quddiem il-problemi li dejjem qegħdin jikbru ta' tniġġis ta' l-ibliet u ż-żieda kontinwa tal-prezzijiet taż-żejt, jeħtieġ li jinstabu l-mezzi li jgħinu l-industrija tal-karozzi biex tipproduċi vetturi li jniġġsu anqas", stqarr il-Viċi-President Jacques Barrot, li huwa inkarigat mit-trasport. Andris Pielbalgs, il-Kummissarju responsabbli għall-enerġija li assoċja ruħu ma' l-abbozz tad-direttiva, żied jgħid: "Dawn il-miżuri se jippermettu fl-aħħar iż-żieda fl-effiċjenza enerġetika tas-settur tat-trasport, wieħed mill-aktar setturi li jniġġsu u mill-aktar wikkiela ta' l-enerġija".

Quddiem iż-żieda kostanti tas-settur tat-trasport u ta' l-effetti li jġib miegħu f'termini ta' tniġġis u ta' dipendenza fuq iż-żejt, il-Kummissjoni llum issostni l-ħtieġa li jiżviluppa suq ta' "vetturi li ma jniġġusx". Fl-Unjoni Ewropea, it-trasport bit-triq jirrappreżenta madwar kwart tal-konsum enerġetiku u ta' l-emissjonijiet tal-CO2. Il-potenzjal għal tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-vetturi u ta' l-ekonomija fl-enerġija huwa konsiderevoli. Iżda t-teknoloġiji meħtieġa jibqgħu jqumu iktar minn dawk użati fil-bini ta' vetturi tradizzjonali.

Huwa għalhekk li l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li taġixxi favur l-iżvilupp ta' ġenerazzjoni ġdida ta' vetturi li jikkunsmaw inqas enerġija u jagħmlu inqas emissjonijiet li jniġġsu. Id-direttiva tistabbilixxi li l-korpi pubbliċi (l-Istat, il-gvernijiet lokali, il-korpi pubbliċi, l-impriżi pubbliċi u l-ħaddiema impjegati b'kuntratt minn korpi pubbliċi biex jagħtu servizzi ta' trasport) għandhom jonoraw l-obbligu li jattribwixxu talanqas kwota ta' 25% tax-xiri annwali tagħhom (xiri jew leasing) ta' vetturi tqal (iktar minn 3.5 tunnellati) għal "vettura ambjentalment addizzjonalment kompatibbli", hekk kif imfissra fl-istandard ta' prestazzjoni (VAAK)[1]. Il-vetturi tqal jinkludu l-karozzi tal-linja u l-parti l-kbira tal-vetturi kummerċjali, bħalma huma t-trakkijiet li jiġbru l-iskart.

L-obbligi ta' xiri ta' vetturi li ma jniġġsux huma għall-ewwel limitati għall-kategoriji ta' vetturi li fis-suq tagħhom il-korpi pubbliċi għandhom sehem sinifikanti (madwar 6% għat-trakkijiet u terz għall-karozzi tal-linja). Id-domanda li dejjem qed tiżdied għal vetturi li ma jniġġsux għal din il-kategorija ta' vetturi tippermetti b'hekk is-sostenn ta' l-iżvilupp tagħhom min-naħa ta' dawk li jibnuhom: dan ifisser li l-prezzijiet jinżlu permezz tal-ħolqien ta' biżżejjed domanda biex jintlaħqu l-ekonomiji ta' l-iskala. Barra minn hekk, l-istudji mmexxija mill-Kummissjoni enfasizzaw l-impatt pożittiv fuq il-kompetittività ta' l-industrija Ewropea tal-karozzi.

L-offerta ta' vetturi li ma jniġġsux mill-produtturi se tkun vantaġġ importanti għall-kompetittività fir-rigward tal-problemi ta' tniġġis urban li qed iħabbtu wiċċhom magħhom bosta pajjiżi b'ekonomija li qed tikber malajr.

Il-Kummissjoni se teżamina l-opportunità li testendi, fit-tieni stadju, l-obbligu tal-kwota għal kategoriji oħra ta' vetturi. Wieħed mill-effetti tad-direttiva se jkun dak li jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' vetturi adattati għal taħlitiet għolja ta' bijofjuwils (ara IP/05/1546 għall-pjan ta' azzjoni dwar il-bijomassa). Xi eżempji oħra ta' teknoloġiji kkonċernati huma l-gass naturali, il-gass likwefatt tal-petrol (LPG), l-idroġenu u l-motorizzazzjoni elettrika jew ibrida li tgħaqqad magna b'kombustjoni ma' oħra elettrika.

Dawn it-teknoloġiji għandhom appoġġ permezz ta' fondi Ewropej li ġejjin minn programmi ta' riċerka u żvilupp u mill-Fondi Strutturali. Il-proposta tal-Kummissjoni issa ntbagħtet għand il-Kunsill u l-Parlament Ewropew fil-qafas tal-proċedura tal-kodeċiżjoni.

Please see also : MEMO/05/495


[1] Hekk kif imfissra fid-Direttiva 2005/55/EC, ĠU L 275/1, ta' l-20.10.2005


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website