Navigation path

Left navigation

Additional tools

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tadotta linji gwida ġodda dwar l-għajnuna reġjonali għall-2007-2013

European Commission - IP/05/1653   21/12/2005

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL

IP/05/1653

Brussell, il-21 ta' Diċembru 2005

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tadotta linji gwida ġodda dwar l-għajnuna reġjonali għall-2007-2013

Il-Kummissjoni Ewropea adottat linji gwida ġodda għall-għajnuna reġjonali taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tat-Trattat KE. Dawn il-linji gwida ser ikunu japplikaw mill-2007 sa l-2013, l-istess perjodu ta' programmar tal-fondi strutturali ta' l-UE. Il-linji gwida jistabbilixxu r-regoli biex tkun permessa għajnuna mill-Istat li tippromwovi l-iżvilupp ta’ reġjuni fqar. Dawn ikopru għajnuna bħal għotjiet għal investiment dirett u tnaqqis fiskali għall-kumpaniji. Il-linji gwida jispeċifikaw ir-regoli għall-għażla tar-reġjuni li huma eliġibbli għall-għajnuna reġjonali, u jiddefinixxu l-livelli massimi ta’ għajnuna permessi. B’mod konformi mal-politika ta’ koeżjoni ta’ l-UE u mat-talbiet tal-Kunsill Ewropew għal anqas għajnuna mill-Istat iżda għajnuna mmirata aħjar, il-linji gwida l-ġodda jiffukaw l-għajnuna reġjonali mill-ġdid fuq ir-reġjuni l-aktar żvantaġġati ta’ l-Unjoni mkabbra, filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li tittejjeb il-kompetittività u li jkun hemm tranżizzjoni bla xkiel.

Il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes qalet: “Il-linji gwida jsibu bilanċ ġust bejn l-interessi differenti kkonċernati, huma ta' appoġġ għall-għanijiet ta' koeżjoni li għandna, u jikkontribwixxu għall-intenzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat li l-għajnuna titnaqqas u tkun immirata aħjar. Ninsab kuntenta ħafna li lestejna r-reviżjoni fil-ħin biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jħejju l-istrateġiji ta’ żvilupp reġjonali tagħhom għall-2007-2013.”

Taħt il-linji gwida eżistenti, 52.2% tal-popolazzjoni ta’ l-UE-25 tgħix f’reġjuni eliġibbli għal għajnuna reġjonali mill-Istat, b’34.2% tal-popolazzjoni ta’ l-UE-25 tgħix f’reġjuni kkunsidrati bħala żvantaġġati meta mqabbla mal-medja ġenerali ta’ l-UE-25 (u għaldaqstant eliġibbli għal għajnuna taħt l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat[1]) eliġibbli għall-ogħla rati ta’ għajnuna (40% - 50%), u 18% jgħixu f’reġjuni li huma relattivament anqas żvantaġġati (eliġibbli għal għajnuna taħt l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat[2]) u għalhekk eliġibbli għal rati ta’ għajnuna aktar baxxi ta’ 10% - 20%.

Taħt il-linji gwida l-ġodda, il-kopertura ġenerali tal-popolazzjoni għall-għajnuna reġjonali mill-Istat hija stabbilita fuq 43.1% tal-popolazzjoni ta’ l-UE-25. Din tinkludi miżura li tiżgura li l-ebda Stat Membru ma jitlef aktar minn 50% ta' l-intitolament fil-preżent.

Reġjuni b’anqas minn 75% tal-medja tal-Prodott Gross Domestiku (PGD) per capita ta’ l-UE-25 (jiġifieri dawk żvantaġġati) jikkwalifikaw għall-ogħla rati ta’ għajnuna taħt l-Artikolu 87(3)(a), kif ukoll għal għajnuna fuq l-operat (għajnuna reġjonali maħsuba biex tnaqqas l-ispejjeż kurrenti ta' impriża). Dawn ir-reġjuni bejniethom jgħoddu 27.7% tal-popolazzjoni ta' l-UE-25. Minħabba d-disparità kbira fil-ġid bejn dawn ir-reġjuni, li jvarja minn 32.2% għal 74.9% tal-medja tal-Komunità, dawn huma mqassma fi tliet kategoriji. Dan ifisser li fejn l-għajnuna reġjonali tingħata lil kumpaniji kbar f’dawn ir-reġjuni, ir-rati ta’ għajnuna massimi jkunu kif ġej:

PGD Reġjonali bħala % tal-PGD ta’ l-UE-25
% tal-popolazzjoni ta’ l-UE-35
Rati ta’ għajnuna massimi għal kumpaniji kbar
<75%
14.05%
30%
<60%
6.30%
40%
<45%
7.37%
50%

Minħabba n-nuqqasijiet speċifiċi tagħhom, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda jikkwalifikaw bħala żvantaġġati taħt l-Artikolu 87(3)(a), irrispettivament mill-PGD relattiv tagħhom.

L-hekk imsejħa ‘reġjuni ta’ effett statistiku’ - li għandhom anqas minn 75% tal-PGD ta’ l-UE-15 iżda aktar minn 75% tal-PGD ta’ l-UE-25 (3.6% tal-popolazzjoni) - ser jibbenefikaw minn stat tranżitorju bħala ‘żvantaġġati’ u jikkwalifikaw għar-rati ta’ għajnuna l-aktar baxxi taħt l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat KE, b’rata ta’ għajnuna ta’ 30% għal kumpaniji kbar sal-31.12.2010. Is-sitwazzjoni ta’ dawn ir-reġjuni tiġi riveduta fl-2010. Jekk is-sitwazzjoni tagħhom tmur lura, dawn ikomplu jibbenefikaw mill-Artikolu 87(3)(a). Jekk le, huma jsiru eliġibbli taħt l-Artikolu 87(3)(c) b’rata ta’ għajnuna ta’ 20%, mill-1.1.2011.

Rigward reġjuni b’aktar minn 75% tal-medja ta’ PGD per capita ta’ l-UE-25, l-Istati Membri ser ikunu jistgħu jallokaw għajnuna reġjonali b’rati aktar baxxi (bejn 10% u 15%) taħt l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat KE għal żoni li huma stess jistgħu jiddefinixxu skond il-politika nazzjonali dwar l-iżvilupp reġjonali, suġġett għal kopertura ta’ popolazzjoni massima u xi kondizzjonijiet minimi biex jiġi evitat l-abbuż.

Sa l-2010 hemm maħsuba arranġamenti tranżitorji għal reġjuni li jbatu l-akbar tnaqqis fir-rati ta' għajnuna u, sa l-2008, għal reġjuni li jitilfu l-eliġibilità tagħhom taħt il-linji gwida l-ġodda.

Ir-rati ta’ għajnuna jistgħu jiżdiedu b’20% fiż-żoni megħjuna kollha fejn l-għajnuna tingħata lil impriżi żgħar u b’10% fejn din tingħata lil impriżi ta’ daqs medju.

Ser tkun permessa forma ġdida ta’ għajnuna sabiex tħeġġeġ negozji ġodda f’żoni assistiti li ser tkun tapplika għall-fażijiet ta’ twaqqif u espansjoni ta’ impriżi żgħar matul l-ewwel ħames snin tagħhom.

Ser tkun permessa wkoll forma ġdida ta’ għajnuna fuq l-operat sabiex tmur kontra t-tnaqqis fil-popolazzjoni fiż-żoni l-anqas popolati, u r-regoli dwar l-għoti ta’ din l-assistenza f’reġjuni imbiegħda ġew issimplifikati.

Il-linji gwida ġodda fihom ukoll numru ta’ bidliet oħra li jikkjarifikaw u jissimplifikaw ir-regoli eżistenti. B’mod partikolari, għall-ewwel darba ddaħlu fil-linji gwida r-regoli dwar proġetti ta’ investiment kbar ħafna ta’ aktar minn €50 miljun. Il-linji gwida l-ġodda jistgħu jinstabu fuq:

http://ec.europa.eu/competition/state_aid/regional/

Kopertura ta’ l-Għajnuna Reġjonali skond il-Popolazzjoni, 2007-2013

F’%
B
Dk
D
Gr
Esp
F
Irl
I
Lux
Nl
Ös
Port
SF
S
UK
UE-15*
Cz
Hu
Cy
Slk
UE-25*
UE-27*
Żoni
Żvantaġġati
(Art 87(3)(a))
0
0
12.5
36.6
36.2
2.9
0
29.2
0
0
0
70.1
0
0
4.0
15
88.6
72.2
0
88.9
27.7
32.2
Żoni ‘ta’ effett statistiku’
12.4
0
6.1
55.5
5.8
0
0
1.0
0
0
3.4
3.8
0
0
0.6
4.3
0
0
0
0
3.6
3.4
Żoni oħra
(Art 87(3)(c))
13.5
8.6
11.0
7.9
17.7
15.5
50.0
3.9
16
7.5
19.1
2.8
33.0
15.3
19.3
13.3
0
27.8
50
0
11.8
10.8
Total
25.9
8.6
29.6
100
59.6
18.4
50
34.1
16
7.5
22.5
76.7
33.0
15.3
23.9
32.5
88.6
100
50
88.9
43.1
46.4

* Nota: L-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja u s-Slovenja għandhom kopertura ta’ 100% taħt l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat KE u tħallew barra mit-tabella, iżda inklużi fit-total ta’ l-UE-25. Il-Bulgarija u r-Rumanija wkoll ser ikollhom kopertura ta’ 100% taħt l-Artikolu 87(3)(a) u huma inklużi fit-totali ta' l-UE-27.


[1] L-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat KE jistipula li “għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjun fejn il-livell ta' l-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impieg” tista’ titqies kompatibbli mas-suq komuni.

[2] L-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat KE jistipula li “għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni” tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website