Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE IT LV

IP/05/1631

Brussell, id-19 ta' Diċembru 2005

Sikurezza marittima u kontroll mill-Istat tal-port: Il-Kummissjoni Ewropea tesiġi implimentazzjoni xierqa tar-regoli

Il-Kummissjoni Ewropea bagħtet opinjonijiet motivati – l-aħħar pass qabel ma tiftaħ każ fil-Qorti tal-Ġustizzja – lill-Italja u lil Malta għaliex dawn naqsu milli jirrispettaw il-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar il-kontroll li l-Istat tal-port għandu fuq it-tbaħħir. Opinjoni motivata ntbagħtet ukoll lil-Latvja għaliex naqset milli tittrasponi fil-liġi nazzjonali l-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar is-sikurezza marittima u l-prevenzjoni tat-tniġġis mill-bastimenti.

"Filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea għadha kemm adottat it-tielet sett ta' miżuri sabiex issaħħaħ is-sikurezza marittima, ninsab imħasseb ferm li xi pajjiżi għadhom ma implimentawx kif jixraq il-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll mill-Istat tal-port li tmur lura għall-2002", qal il-Viċi President Jacques Barrot, li huwa inkarigat mit-trasport.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tieħu azzjoni kontra l-Italja u Malta minħabba li dawn naqsu milli jittrasponu b'mod adegwat Direttiva[1] li ġiet adottata fl-1995, li d-dispożizzjonijiet tagħha kienu ġew imsaħħa b'riżultat ta' l-inċident ta' l-Erika. Id-Direttiva hija maħsuba sabiex tnaqqas it-tbaħħir li mhux ta' ċertu standard fl-ilmijiet fil-ġuriżdizzjoni ta' l-Istati Membri permezz ta' aktar konformità mal-leġiżlazzjoni internazzjonali u dik Komunitarja rilevanti dwar is-sikurezza marittima, ħarsien ta' l-ambjent marittimu u l-kundizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol abbord bastimenti li jtajru kwalunkwe bandiera. Għal dan il-għan, id-Direttiva tistabbilixxi kriterji komuni għall-kontroll ta' bastimenti mill-Istat tal-port u tarmonizza proċeduri marbuta ma' l-ispezzjoni u d-detenzjoni ta' vapuri li ma jissodisfawx l-istandards stabbiliti.

Filwaqt li l-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva li fihom serje ta' inkonsistenzi ġuridiċi/tekniċi, nuqqas wieħed fir-rigward tal-konformità mad-Direttiva ġie nnutat fil-każ ta' Malta: li persuni mingħajr il-kwalifiki meħtieġa jiġu aċċettati bħala spetturi ta' l-Istat tal-port. Fil-fatt, il-liġi Maltija tippermetti li "spetturi" mhux kwalifikati li ġew impjegati qabel l-1 ta' Mejju 2004 jkomplu jaħdmu bħala spetturi ta' kontroll mill-Istat tal-port, filwaqt li d-Direttiva tippermetti biss li responsabbiltajiet ta' spezzjoni jitwettqu minn persuni mingħajr il-kwalifiki meħtieġa jekk dawn ġew impjegati għall-kariga mill-amministrazzjonijiet tagħhom qabel Ġunju ta' l-1995.

Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tieħu azzjoni kontra l-Latvja għaliex naqset milli tittrasponi Direttiva[2] adottata fl-2002. L-għan tad-Direttiva huwa li ttejjeb l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-sikurezza marittima permezz ta' aċċellerazzjoni fl-aġġornar u l-faċilitazzjoni ta' l-emendi ta' leġiżlazzjoni bħal din fid-dawl ta' żviluppi fl-istrumenti internazzjonali applikabbli fil-qasam tas-sikurezza marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis mill-bastimenti u l-kundizzjonijiet ta' għajxien u ta' xogħol abbord. Id-Direttiva kellha tiġi implimentata fil-liġi Latvjana sa l-1 ta' Mejju 2004.


[1] Id-Direttiva tal-Kunsill 1995/21/KE tad-19 ta' Ġunju 1995 dwar il-kontroll mill-Istat tal-port fuq it-tbaħħir (ĠU L 157, tas-7.7.1995, p.1) kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

[2] Id-Direttiva 2002/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru 2002 li temenda d-Direttivi dwar is-sigurtà marittima u l-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri (ĠU L 324, tad-29.11.2002, p. 53)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website