Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/05/1573

Brussell, it-13 ta' Diċembru 2005

[ ]

TV Mingħajr Fruntieri: Il-Kummissjoni tipproponi regoli mmodernizzati għat-TV ta’ l-era diġitali u servizzi simili għat-televiżjoni

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għall-aġġornament tad-Direttiva ta’ l-UE ta’ l-1989 “TV mingħajr Fruntieri”, sabiex tkun tista’ tlaħħaq ma’ l-iżviluppi mgħaġġla tat-teknoloġija u tas-suq fil-qasam awdjoviżiv Ewropew. F’konformità mal-prinċipju tar-regolamentazzjoni aħjar, il-proposta għandha l-għan li tnaqqas il-piż regolatorju fuq min fl-Ewropa jipprovdi servizzi televiżivi jew servizzi simili għat-televiżjoni, u sabiex tagħti flessibbiltà akbar għall-finanzjament tal-kontenut awdjoviżiv permzz ta’ forom ta’ reklamar ġodda. Il-proposta se toħloq ukoll ambjent ekwu għall-kumpaniji kollha li joffru servizzi li jixbhu lit-televiżjoni, tkun xi tkun it-teknoloġija użata biex twassalhom (eż. xandir’, broadband ta’ veloċità għolja, mowbajls tat-tielet ġenerazzjoni). Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li jiġu ssostitwti r-regoli nazzjonali li jvarjaw ħafna minn xulxin dwar il-ħarsien tal-minuri u kontra l-inċitament għall-mibegħda razzjali u kontra r-reklamar moħbi, b’standard minimu ta' protezzjoni bażiku u li jgħodd għall-UE kollha għas-servizzi awdjoviżivi on demand. Din l-istrateġija politika ġdida għandha tgħaġġel l-introduzzjoni ta’ suq uniku uniformi għat-TV u għas-servizzi bħat-TV u tippromwovi industrija Ewropa tal-kontenut kreattiva u b’saħħitha.

“L-għan tiegħi huwa li l-industrija tal-kontenut awdjoviżiv Ewropea tiffjorixxi permezz ta’ wieħed mis-settijiet ta’ regoli l-aktar moderni u flessibbli tad-dinja", qalet Viviane Reding, il-Kummissarju għas-Soċjetà ta’ l-Informatika u l-Midja. “Ir-regoli l-ġodda għandhom jiftħu opportunitajiet multimedjali, isaħħu l-kompetizzjoni u l-għażla tal-konsumatur, filwaqt li jippromwovu għanijiet ta’ interess pubbliku bħall-protezzjoni tal-minuri u d-diversità kulturali. Ir-regoli eżistenti, li tilfu s-siwi tagħhom minħabba l-iżviluppi tat-teknoloġija u tas-suq, għandhom jitneħħw sabiex jittieħed pass deċiżiv lejn Midja Awdjoviżiva mingħajr Fruntieri fis-suq uniku Ewropew.

Skond il-proposta tal-Kummissjoni, id-Direttiva mmodernizzata tat-TV mingħajr Fruntieri tkun tmexxi s-servizzi tat-televiżjoni u servizzi simili għat-televiżjoni. Sabiex ikun hemm ftuħ tar-regoli preżenti ta’ l-UE għall-iżviluppi teknoloġiċi, il-proposta tagħżel bejn servizzi “lineari” (eż. xandir bi skeda permezz tat-televiżjoni tradizzjonali, l-internet, jew il-mowbajls, li "jimbuttaw" il-kontenut lejn it-telespettaturi) u dawk "mhux lineari", bħal films u aħbarijiet on-demand, li t-telespettatur "jiġbed” minn fuq netwerk.

Ir-regoli tax-xandir televiżiv tal-lum japplikaw għas-servizzi lineari b’mod modernizzat u aktar flessibbli, filwaqt li dawk mhux lineari jkunu suġġetti biss għall sett bażiku ta’ prinċipji minimi, eż. sabiex jitħarsu l-minuri, jkun hemm prevenzjoni ta’ l-inċitament għall-mibegħda razzjali, u jsir illegali r-reklamar moħbi. L-armonizzazzjoni ta’ dawn ir-regoli madwar l-UE se jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-midja awdjoviżivi jkunu jridu biss jikkonformaw mar-regoli ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti, u mhux mar-regoli diversi ta’ l-Istati Membri li jirċievu s-servizzi tagħhom.

Regoli aktar flessibbli għar-reklamar

Għax-xandir bi skeda, il-Kummissjoni tipproponi li tneħħi l-burokrazija, tagħmel ir-regoli eżistenti aktar flessibbli għall-forom ġodda ta’ reklamar, u tinkoraġġixi l-awto- u l-ko-regolamentazzjoni. Minflok preskrizzjoni dettaljata dwar kemm spiss jistgħu jiġu interrotti l-programmi għar-reklamar u taħt liema kundizzjonijiet, id-Direttiva mmodernizzata kieku tissimplifika r-regoli ta’ l-UE eżistenti. Fil-ġejjieni, ix-xandara se jkunu jistgħu jagħżlu l-aħjar mument biex idaħħlu r-reklami waqt il-programmi, minflok ikunu obbligati, kif inhuma issa, li jħallu għallinqas 20 minuta bejn pawża għar-reklami. Madankollu, il-kwantità tar-reklamar mhix se titħalla tiżdied minħabba li l-Kummissjoni qed tipproponi li żżomm il-limitu eżistenti ta’ 12-il minuta s-siegħa.

Id-Direttiva l-ġdida se tappoġġja wkoll forom ġodda ta’ reklamar, bħar-reklamar virtwali u dak interattiv, u dak li jidher f’parti mill-iskrin. Il-wiri apposta tal-prodotti kieku jkun, għall-ewwel darba, definit espliċitament u mogħti qafas regolatorju ċar. Ħlief fl-aħbarijiet, u l-programmi tal-ġrajjiet kurrenti u tat-tfal, ikun permess fl-Ewropa l-wiri apposta tal-prodotti li jkun identifikat b'mod ċar, fis-servizzi sew lineari sew awdjoviżivi. Sabiex ma jkunx hemm reklamar bil-moħbi, il-konsumaturi jkunu infurmati malli jibda l-programm li se jkun hemm il-wiri apposta ta’ prodotti. Dawn ir-regoli ġodda għandhom ineħħu l-inċertezza ġuridika, jipprovdu finanzjament addizzjonali għall-produzzjoniiet Ewropej u għalhekk ikabbru l-kompetittività tas-settur awdjoviżiv Ewropew.

F’konformità mal-politika ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni, il-modernizzazzjoni proposta tad-Direttiva TV Mingħajr Fruntieri ma taffettwax il-korrispondenza privata, il-verżjonijiet elettroniċi tal-gazzetti jew tar-rivisti, il-websjats mhux maħsuba primarjament għall-għoti ta’ kontenut medjatiku awdjoviżiv, xandir awdjo sempliċi jew ir-radju. Dan kollu jqis il-kontribut minn konsultazzjoni intensiva madwar l-UE mnedija f’Lulju (ara IP/05/908), li fiha ħadu sehem attiv ir-rappreżentanti tas-settur awdjoviżiv, l-operaturi tat-telekomunikazzjoni, il-fornituri tas-servizzi ta' l-internet, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u partijiet interessati oħra.

Il-modernizzazzjoni tar-regoli ta’ l-UE dwar il-kontenut tal-midja awdjoviżiv hija parti mill-istrateġija i2010 li timmira għal Soċjetà ta’ l-Informatika Ewropea għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi (ara IP/05/643).

Aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/cf/itemlongdetail.cfm?item_id=2343

MEMO/05/475


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website