Navigation path

Left navigation

Additional tools

Miżuri qawwija biex jiggarantixxu s-sikurezza tat-trasport marittimu

European Commission - IP/05/1457   23/11/2005

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL

IP/05/1457

Brussell, it-23 ta' Novembru 2005

Miżuri qawwija biex jiggarantixxu s-sikurezza tat-trasport marittimu

Wara l-inċidenti ta' l-ERIKA u tal-PRESTIGE, l-Unjoni Ewropea kienet ħadet azzjoni minnufih biex timplimenta miżura "difensiva" bil-għan li tħares l-Ewropa mill-periklu ta' inċidenti u ta' tniġġis. Illum, permezz tat-tielet pakkett dwar is-sikurezza marittima, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi politika aktar offensiva, bil-għan li terġa’ tistabbilixxi għat-tul il-kundizzjonijiet għal kompetizzjoni sana bejn l-operaturi li jirrispettaw ir-regoli internazzjonali. "Il-kwalità tas-servizz marittimu offrut mill-operaturi ssawwar l-element essenzjali tal-kompetittività tas-settur, u f'dan il-kuntest, il-kapaċità ta' l-għoti ta' servizz sikur u li jirrispetta l-ambjent hija ta' importanza fundamentali", stqarr jacques Barrot, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea. "Il-kwalità tat-trasport marittimu tinkiseb ukoll permezz ta' sanzjonijiet aktar qawwija għall-operaturi ħżiena li jiddeformaw il-kompetizzjoni, u permezz taż-żamma ta' amministrazzjonijiet marittimi u kumpaniji ta' klassifika effikaċi."

It-tielet pakkett "tas-sikurezza marittima" fih 7 proposti artikolati fuq żewġ linji ewlenin:

1. It-tisħiħ tal-prevenzjoni ta' l-inċidenti u tat-tniġġis

Fil-kuntest ġdid li fih it-tkabbir ta' l-Ewropa għal 25 Stat Membru għamel mill-Unjoni Ewropea qawwa kbira marittima, l-ewwel proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li ssaħħaħ il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' bnadar Ewropej. Il-mira tal-Kummissjoni hija li tesiġi mill-Istati Membri li jwettqu monitoraġġ effikaċi tal-ħarsien tan-normi internazzjonali għall-bastimenti li jtajru l-bnadar tagħhom, u li għal dan il-għan ikunu jiddisponu minn amministrazzjoni marittima li tapplika rigorożament il-kriterji ta' kwalità. Din ir-responsabilizzazzjoni hija l-preludju għall-iżvilupp, fil-ġejjieni, ta' bandiera Ewropea.

Żewġ proposti oħra għandhom il-għan li jsaħħu l-liġijiet eżistenti dwar il-kumpaniji ta' klassifikazzjoni u l-kontroll ta' l-Istat tal-port. Dawn iż-żewġ liġijiet qed jiġu kkonsolidati bil-għan li jkun hemm test wieħed, aktra ċar u li jinqara b'aktar faċilità.

  • It-titjib tal-kwalità tal-ħidma tal-kumpaniji ta' klassifikazzjoni sseħħ bl-implimentazzjoni ta' sistema indipendenti tal-kontroll tal-kwalità, u bit-twaqqif ta' sanzjonjiet finanzjarji aktar gradwali u proporzjonati.
  • F'dak li għandu x'jaqsam mal-kontroll mill-Istat tal-Port, is-sistema ta' llum qed tibbies fir-rigward tal-bastimenti li ma jlaħħqux man-normi, partikolarment permezz tas-sistema ta' projbizzjoni. Barra minn hekk, il-proposta tintroduċi l-prinċipji ta' riforma profonda, bil-għan li minflok is-sistema tal-preżent (ibbażata fuq l-ispezzjoni, min-naħa ta' kull Stat Membru, ta' 25% tal-bastimenti li jidħlu fil-portijiet tagħhom) tidħol mira Komunitarja ta' 100% ta' bastimenti spezzjonati, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jeħfief il-piż ta' l-ispezzjonjiet fuq il-bastimenti ta' kwalità.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni qed tipproponi li tibdel id-direttiva dwar il-monitoraġġ tat-traffiku. Fost il-miri mfittxija hemm it-titjib tal-qafas legali li jirrigwarda l-postijiet ta' kenn għall-bastimenti f'diffikultà. L-obbligu ta' l-għażla ta' awtorità indipendenti u dak ta' l-identifikazzjoni minn qabel ta' kull post ta' kenn potenzjali sejjer itejjeb l-effikaċja u l-ħeffa tat-teħid ta' deċiżjoni meta jinqalgħu inċidenti marittimi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tipproponi li, abbord tal-astimenti tas-sajd, tiġġeneralizza l-preżenza ta' tagħmir ta' sistemi awtomatiċi ta' identifikazzjoni u ta' lokalizzazzjoni (AIS), sabiex jonqos ir-riskju ta' kolliżjonjiet.

2. It-trattament tal-konsegwenzi ta' l-inċidenti

Il-kwalità tan-normi tas-sikurezza marittima tiddependi mill-kapaċità tat-twettiq ta' analiżi tal-kawżi ta' l-inċidenti u tal-ġbid tat-tagħlimiet minnhom. Proposta ta' Direttiva ġdida għandha l-għan li tistabbilixxi qafas armonizzat Ewropew għat-twettiq ta' inkjesti wara l-inċidenti u għat-tisħiħ ta' l-indipendenza ta' l-organizzazzjonijiet inkwirenti.

Fl-aħħarnett, iż-żewġ proposti finali tal-pakkett għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-qafas globali ta' responsabbiltà u indennizz fil-każ ta' inċidenti. Dan jinvolvi l-inkorporazzjoni fil-liġi Ewropea tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Ateni (2002), bil-għan li s-sistema ta' ħarsien stabbilita minn din il-Konvenzjoni titwessa' għall-bastimenti kollha fl-Unjoni, inkluż it-traffiku marittimu fi ħdan l-Ewropa u n-navigazzjoni interjuri. Jinvolvi wkoll li sidien il-bastimenti jiġu rresponsabbilizzati aktar, u li jiġi impost fuqhom l-obbligu li joħorġu polza ta' assikurazzjoni jew xi garanzija finanzjarja oħra għad-danni lil terzi persuni, li jkunu jkopru wkoll l-ispejjeż tal-passaġġi lura lejn pajjiżhom tal-membri ta' l-ekwipaġġ f'każ ta' abbandun.
Fl-anness jingħata tagħrif aktar dettaljat dwar il-kontenut tat-tielet pakkett "tas-sikurezza marittima". It-testi tat-tielet pakkett huma disponibbli fis-sit tad-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija u t-Trasport fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/transport/maritime/safety/2005_package_3_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website