Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tvara strateġija ambizzjuża għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi fl-UE

European Commission - IP/05/130   02/02/2005

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL

IP/05/130

Brussell, it-2 ta' Frar 2005

Il-Kummissjoni tvara strateġija ambizzjuża għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi fl-UE

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat strateġija ġdida sabiex l-UE tkun tista’ toħloq aktar tkabbir ekonomiku u impjiegi. L-istrateġija għandha l-għan li terga’ tqajjem l-hekk imsejħa Aġenda ta’ Liżbona – l-aġenda għar-riforma ekonomika ta’ l-UE li ilha mwaqqfa mis-sena 2000. L-azzjonijiet proposti llum mill-Kummissjoni Ewropea jistgħu jkabbru l-PGD bi 3% fl-2010 u joħolqu aktar minn 6 miljun impjieg. Hemm ħtieġa kbira għal azzjoni urġenti. Ħames snin wara li ġiet varata, l-Istrateġija ta’ Liżbona għadha ma bdietx trodd ir-riżultati mixtieqa. Sabiex jinżamm il-mudell ta’ l-UE ta’ l-iżvilupp sostenibbli għall-ġejjieni, il-kompetittività ta’ l-Unjoni għandha tissaħħaħ, u l-ekonomija trid tingħata spinta sabiex issir aktar dinamika. Il-Kummissjoni ħejjiet programm ta’ azzjoni konkreta għall-UE u l-Istati Membri tagħha sabiex jinħoloq tkabbir ekonomiku sostenibbli u impjiegi aħjar. Il-Kummissjoni Ewropea qed tistieden l-Istati Membri biex, fil-Kunsill Ewropew tal-Ħarifa (it-22 u t-23 ta’ Marzu), jibdew partenarjat ġdid ta’ l-UE għat-tkabbir eknomiku u l-impjiegi.

Il-President tal-Kummissjoni Barroso qal: "L-Ewropa trid taħdem aħjar. Dak li qed nipproponu llum maħsub biex jeħles il-potenzjal ekonomiku bla qies li għandha l-Ewropa. Dan meħtieġ sabiex inżommu l-mudell tas-soċjetà Ewropea li huwa tant għal qalbna. Dawn huma s-sisien għall-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet għal kulħadd. L-ambizzjoni tagħna ma naqsitx. L-għanijiet kumplessivi ta’ Liżbona kienu tajbin, iżda l-implimentazzjoni ma kinitx xierqa. Il-lezzjoni li tgħallimna mill-aħħar ħames snin hija li għandna niffukaw l-aġenda mill-ġdid sabiex inkunu nistgħu nwasslu r-riżultati mixtieqa. B’din l-istrateġija ġdida, nemmen li għandna l-għodda t-tajba sabiex nilħqu l-għanijiet tagħna. Il-kwistjoni tassew importanti mhix dwar il-fatti u ċ-ċifri kif jidhru fuq il-karta. Hija dwar l-impatt tagħhom fuq ħajjet in-nies: kif inħallsu għall-edukazzjoni, il-pensjonijiet, is-servizzi soċjali u tas-saħħa tagħna. B’dawn il-proposti, għamilna għażliet u ġudizzji ibsin. Il-viżjoni tagħna hija u tibqa' dik ta' l-iżvilupp sostenibbli. Il-Kummissjoni mhix sejra taqta’ qalbha fil-ħidma tagħha biex tagħti spinta lit-tiġdid ekonomiku".

Il-Viċi President Günter Verheugen żied jgħid : Did-darba rridu nirnexxu, ningħaqdu u nagħtu liċ-ċittadini dak li jridu l-iżjed: ix-xogħol. Il-messaġġ tal-lum huwa: M’hemm l-ebda soluzzjoni mirakoluża. Irridu nmiddu għonqna għax-xogħol u naħdmu fi spirtu ta’ sħubija sabiex infasslu l-qafas politiku għat-tkattir ta’ l-impjiegi u tat-tkabbir ekonomiku. Il-Kummissjoni sejra tagħti sehemha sabiex in-negozji u l-industrija jkunu jistgħu jwettqu ħidmiethom mingħajr xkiel.

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat ir-rakkomandazzjonijiet politiċi tagħha għar-Reviżjoni ta’ Nofs il-Mandat ta’ l-hekk imsejħa aġenda ta’ Liżbona. Sabiex ikun hemm mixja mill-kliem għall-fatti, il-Kummissjoni temmen li huma meħtieġa xprun ġdid u enfażi fuq inqas għanijiet li madankollu jkunu jistgħu jinkisbu.

Ir-rotta ta’ Liżbona żvijjat minħabba tagħqida ta' kundizzjonijiet ekonomiċi, inċertezza fuq livell internazzjonali, progress kajman fl-Istati Membri u telfien gradwali ta’ attenzjoni politika.

Issa li qed tħabbat wiċċha mal-popolazzjonijiet qed jixjieħu ta’ l-Ewropa u l-kompetizzjoni internazzjonali dejjem tikber u tissaħħaħ minn pajjiżi bħall-Indja u ċ-Ċina, jeħtieġ li l-Ewropa tkabbar it-tkabbir fil-produttività u tħaddem aktar nies.

Il-Kummissjoni ppreżentat programm ta’ azzjoni konkreta li jagħfas fuq:

Li l-Ewropa ssir post li jiġbed aktar xogħol u investiment

  • It-tlestija tas-Suq Waħdieni f’oqsma li jistgħu jwasslu għal tkabbir eknomiku u xogħol reali u li huma ta’ relevanza immedjata għall-konsumaturi (is-servizzi, il-professjonijiet regolamentati, l-enerġija, ix-xiri pubbliku u s-servizzi finanzjarji, ftehim ibbilanċjat dwar REACH, il-qafas ġdid għall-kimika, li jqis l-impatt tal-kompetittività u t-tiġdid u l-SMEs)
  • Li jiġu żgurati swieq miftuħa u kompetittivi kemm fi ħdan l-Ewropa kif ukoll barra minnha: ir-ridirezzjoni ta’ l-għajnuniet ta’ l-Istat lejn setturi b’potenzjal għoli ta’ tkabbir; il-ħolqien ta’ ambjent ta’ negozju li jgħin lill-intrapriżi żgħar u medji; il-ħolqien ta’ l-aċċess għal swieq terzi; it-tħaffif tar-regolamentazzjoni Ewropea u nazzjonali.
  • It-titjib tar-regolamentazzjoni Ewropea u nazzjonali sabiex jitnaqqas il-piż ta’ l-ispejjeż amministrattivi.
  • L-espansjoni u t-titjib ta’ l-infrastruttura Ewropa.
  • Titkompla l-ispinta għal brevett Komunitarju u jsir progress lejn bażi tat-taxxa korporattiva konsolidata.

L-għarfien u t-tiġdid li jwasslu għat-tkabbir ekonomiku

  • Li jintlaħaq 3% tal-PGD għan-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp
  • L-adozzjoni tat-teknoloġija informatika u tal-komunikazzjoni (TIK)
  • Li jiġi promoss l-iżvilupp ta’ ċentri ta’ innovazzjoni li jgħaqqdu flimkien liċ-ċentri reġjonali, l-universitajiet u n-negozji.
  • Tingħata spinta lill-Inizjattivi Teknoloġiċi Ewropej bis-saħħa ta’ sħubijiet pubbliċi-privati
  • Jiġu promossi eko-innovazzjonijiet li jużaw l-enerġija b’mod effiċjenti u li ma jarmux ħafna emissjonijiet.
  • Kontribut għal bażi industrijali Ewropea b’saħħitha permezz tal-mobilizzazzjoni tas-sħubijiet pubbliċi u privati.
  • Il-Kummissjoni qed tipproponi l-ħolqien ta’ Istitut Ewropew għat-teknoloġija sabiex jiġbed lejn l-Ewropa l-aħjar imħuħ, ideat u negozji.

Il-ħolqien ta’ aktar impjiegi li huma impjiegi aħjar

  • Li jinġibdu aktar nies lejn ix-xogħol, l-aktar bis-saħħa ta’ azzjoni sabiex jonqos il-qgħad taż-żgħażagħ (Inizjattiva Ewropa għaż-Żgħażagħ) u jiġu mmodernizzati s-sistemi ta' ħarsien soċjali.
  • Li tiżdied l-adattabilità tal-ħaddiem u ta’ l-intrapriżi u l-flessibbiltà tas-swieq tax-xogħol bis-saħħa tat-tneħħija ta’ l-ostakli għall-mobilità tax-xogħol
  • Investiment akbar fil-kapital uman bis-saħħa ta’ ħiliet u edukazzjoni aħjar li tasal b’riforma tal-Fond Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni ta’ l-UE

Partenarjat: Ir-responsabbiltà għall-oqsma wiesgħa ta’ l-impjiegi, il-politika makroekonomika u r-riformi strutturali tinqasam bejn l-Unjoni u l-Istati membri: għalhekk huwa meħtieġ partenarjat. Il-Programm ta’ Azzjoni jagħmel distinzjoni ċara bejn l-azzjonijiet fuq il-livell ta' l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea: jibni fuq l-esperjenza tal-Programm għas-Suq Intern - jidentifika r-responsabbiltajiet, jiffissa l-iskadenzi u jkejjel il-progress. Il-Gvernijiet għandhom jaħtru "is-Sur jew is-Sinjura Liżbona” tagħhom li jkollhom f’idejhom l-implimentazzjoni.

Iħaffef il-mekkaniżmi għat-twettiq: se jkun hemm - wara konsultazzjoni wiesgħa - programm waħdieni ta' azzjoni nazzjonali u rapport waħdieni ta' implimentazzjoni nazzjonali.

L-ambizzjoni għandha prezz. L-Unjoni tista’ biss twettaq l-għanijiet tagħha dwar l-investiment u l-koeżjoni soċjali biss jekk l-Istati Membri huma lesti jagħtu lill-UE baġit li jirrifletti il-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali ewlenin u l-impenji konġunti tagħha.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website