Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/05/1171

Brussell, il-21 ta' Settembru 2005

Il-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa l-pjanijiet tagħha għal programm ġejjieni ta' riċerka

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret id-dettalji tal-proposta tagħha għal programm ġdid għall-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp mill-2007 sa l-2013. Il-Programmi Speċifiċi proposti mill-Kummissjoni daħħlu fis-seħħ il-qafas ġenerali propost mill-Kummissjoni f'April 2005, magħruf bħala s-Seba' Programm ta' qafas, magħmul minn 4 elementi ewlenin: Kooperazzjoni, Ideat, Nies u Kapaċitajiet. Dawn se jiġu diskussi mal-Parlament Ewropew, qabel ma tintlaħaq deċiżjoni dwarhom mill-Kunsill.

"L-Ewropa teħtieġ qafas samm għar-riċerka tagħha mill-2007", qal Janez Potočnik, il-Kummissarju Ewropew għax-Xjenza u r-Riċerka. "Il-proposta tagħna hija maħsuba li twassal dak li teħtieġ l-Ewropa għall-ġejjieni tagħha. Li hu importanti issa hu li jiġu allokati biżżejjed fondi sabiex jippermettu li dan il-proġett jikseb l-għan tiegħu ta' kompetittività akbar għall-Ewropa u kwalità ta' ħajja aħjar għaċ-ċittadini tagħha.Il-Kummissjoni se tieħu il-passi kollha li tista' sabiex tiżgura li aħna lesti li nimplimentaw il-programmi ladarba l-proċess leġiżlattiv jitlesta."

L-erba' Programmi Speċifiċi ewlenin proposti llum huma:

Kooperazzjoni: Il-programm "Kooperazzjoni" huwa maħsub sabiex jinkiseb rwol ewlieni f'oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi permezz ta' l-appoġġ għall-kooperazzjoni bejn l-universitajiet, l-industrija, ċentri ta' riċerka u awtoritajiet pubbliċi mifruxa ma' l-Unjoni Ewropea kollha, kif ukoll mal-bqija tad-dinja. Id-disa' temi proposti[1] jikkorrispondu għall-oqsma ewlenin ta' progress fl-għarfien u t-teknoloġija fejn ir-riċerka eċċellenti trid tissaħħaħ sabiex tindirizza l-isfidi soċjali, ekonomiċi, ambjentali u industrijali Ewropej.

Ideat: Il-programm "Ideat" se jistabbilixxi Kunsill Ewropew għar-Riċerka, mekkaniżmu pan-Ewropew għall-appoġġ tax-xjentisti, l-inġiniera u l-istudjużi tassew kreattivi. Il-kurżità u l-għatx tagħhom għall-għarfien aktarx li se jwasslu għall-iskoperti imprevedibbli u spettakolari li jistgħu ibiddlu t-triq ta' l-għarfien tal-bniedem u jiftħu bibien ġodda għall-progress teknoloġiku u s-sejbien ta' soluzzjonijiet għall-problemi soċjali u ambjentali persistenti.

Nies: Il-Programm "Nies" ifittex li jsaħħaħ ir-riżorsi umani disponibbli għax-xjenza u r-riċerka ma' l-Ewropa kollha, f'termini kemm ta' kwalità kif ukoll ta' kwantità. Il-programm se jħeġġeġ lin-nies jibdew u jsegwu karrieri fir-riċerka, jinkoraġġixxi lir-riċerkaturi jibqgħu fl-Ewropa u jiġbed l-aqwa mħuħ lejn l-Ewropa.

Kapaċitajiet: Il-programm speċifiku "Kapaċitajiet" se jtejjeb il-kapaċità għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa kollha kemm hi. Dan jinkludi elementi bħalma huma infrastruttura ġdida għar-riċerka, appoġġ għal kumpaniji żgħar u ta' daqs medju, l-iżvilupp ta' 'reġjuni ta' l-għarfien', l-isfruttar ta' potenzjal ta' riċerka f'reġjuni ta' konverġenza u reġjuni fil-periferija u t-titjib tal-qagħda tax-Xjenza fis-Soċjetà.

Il-Kummissjoni adottat ukoll programm ta' direzzjoni għall-ġejjieni tal-faċilitajiet ta' riċerka in-house, DG Ċentru Konġunt ta' Riċerka. Dan il-programm se jsaħħaħ il-kapaċità taċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka li jipprovdi appoġġ xjentifiku u tekniku sod lis-servizzi tal-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippermettilhom li jiżviluppaw ir-reazzjonijiet xierqa għal sfidi ġodda ta' kriżijiet, emerġenzi u oqsma ewlenin ta' żviluppi ta' politika.Aktar tard din is-sena il-Kummissjoni Ewropea se tagħmel proposta dwar ir-Regoli ta' parteċipazzjoni fil-Programmi Speċifiċi varji. Dawn il-proposti se jkunu importanti fir-rigward ta' l-isforzi ta' simplifikazzjoni mill-Kummissjoni, immirati lejn it-titjib ta' l-aċċessibbiltà u s-sempliċità tal-programm għall-utenti tiegħu. Il-proposta tal-lum diġà tieħu xi passi f'din id-direzzjoni, permezz ta' l-arkitettura tagħha sempliċi u ċara u t-tnaqqis fit-tipi ta' strumenti ta' finanzjament.
Link għall-websajt tad-DĠ Riċerka:
http://ec.europa.eu/research/
http://ec.europa.eu/research/future/index_en.cfm

Link għall-websajt tad-DĠ Ċentru Konġunt ta' Riċerka:

http://www.jrc.ec.europa.eu

+ MEMO/05/335MEMO/05/336


[1] Is-Saħħa; L-Ikel, l-Agrikoltura u l-Bijoteknoloġija; It-Teknoloġiji ta' l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni; In-Nanoxjenzi, in-Nanoteknoloġiji, il-Materjali u Teknoloġiji ġodda tal-Produzzjoni; L-Enerġija; L-Ambjent, inkluż it-Tibdil fil-Klima; It-trasport, inklużi l-Aeronawtika, ix-Xjenzi Soċjo-ekonomiċi u l-Umanitajiet; Is-Sigurtà u l-Ispazju.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website