Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/05/1157

Brussell, l-19 ta' Settembru 2005

Ambjent: Il-Kummissjoni tappoġġa 89 proġett ta’ innovazzjoni fi 17-il pajjiż b’€ 71 miljun

Il-Kummissjoni Ewropea approvat fondi għal 89 proġett ta’ innovazzjoni ambjentali fi 17-il pajjiż taħt il-programm LIFE-Ambjent 2005. Dawn il-proġetti huma dimostrazzjoni ta’ metodi ġodda li jindirizzaw varjetà kbira ta’ problemi ambjentali, sabiex b’hekk jikkontribwixxu lejn it-titjib ta' l-ambjent ta' l-Ewropa. Il-proġetti jitmexxew mill-‘benefiċjarji’, jew l-organizzaturi tal-proġetti, ibbażati fil-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit. Jirrappreżentaw investiment totali ta’ € 220 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi € 71 miljun

Il-Kummissarju ta' l-Ambjent Stavro Dimas qal: “LIFE-Ambjent jappoġġa l-iżvilupp ta’ teknoloġiji dejjem iktar effiċjenti u innovattivi sabiex jindirizzaw kwistjonijiet ambjentali. Dawn l-innovazzjonijiet jikkontribwixxu wkoll lejn il-kisba ta' l-għanijiet ta’ kompetittività u tkabbir ta’ l-UE.”

Din is-sena, il-Kummissjoni rċeviet 534 proposta għall-fondi fl-ambitu tal-programm LIFE-Ambjent minn firxa wiesgħa ta' organizzazzjonijiet pubbliċi u privati. Il-Kummissjoni għażlet 89 minn dawn il-proġetti, li kollha kemm huma japplikaw teknoloġija innovattiva sabiex isolvu problemi ambjentali.

Il-ġestjoni ta' l-iskart qiegħda fuq quddiem din is-sena f’termini ta’ l-għadd ta' proġetti magħżula (31) u tal-fondi ta’ l-UE allokati (€ 27 miljun, li jirrappreżentaw 39% tat-total). It-tnaqqis kemm jista’ jkun ta' l-impatt ambjentali ta’ l-attivitajiet ekonomiċi huwa t-tieni l-aktar tema popolari bi 22 proġett (€ 17 M). Kważi għoxrin fil-mija tal-finanzjament ta’ l-UE (€ 14 M) se jiġi allokat lil 17-il proġett li jirrigwardaw il-ġestjoni sostenibbli ta’ l-ilma ta’ taħt l-art u l-ilma tal-wiċċ. Tnax-il proġett jindirizzaw l-iżvilupp u l-ippjanar sostenibbli ta’ l-użu ta’ l-art u se jaqsmu bejniethom madwar € 9 miljun (jiġifieri 10%) tal-fondi disponibbli ta’ l-UE. Fl-aħħarnett, seba’ proġetti jindirizzaw it-tnaqqis ta’ l-impatti ambjentali tal-prodotti u s-servizzi (€ 5 M).

Il-programm LIFE

LIFE huwa l-istrument finanzjarju ta’ l-UE li jappoġġa proġetti ambjentali u ta’ konservazzjoni tan-natura madwar l-UE, kif ukoll f’xi pajjiżi li jinsabu fil-proċess ta’ adeżjoni, pajjiżi kandidati u pajjiżi ġirien. L-għan tiegħu hu li jikkontribwixxi lejn l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali ta' l-UE permezz tal-finanzjament ta' azzjonijiet speċifiċi. Mill-1992, LIFE ikkofinanzja madwar 2500 proġett, b'kontribut ta' € 1500 miljun għall-ħarsien ta' l-ambjent.

LIFE-Ambjent, li jiffinanzja proġetti innovattivi bi prova u ta’ dimostrazzjoni, huwa wieħed minn tliet komponenti tematiċi fil-programm LIFE. Iż-żewġ komponenti l-oħra huma LIFE Natura u LIFE Pajjiżi Terzi.

LIFE Natura jikkontribwixxi primarjament lejn l-implimentazzjoni tad-direttivi ta’ l-UE fil-qasam tal-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi u ta’ ħabitats ta’ annimali u pjanti selvaġġi, partikolarment in-netwerk Natura 2000 ta’ żoni ta’ konservazzjoni stabbiliti minn din id-Direttiva ta’ l-aħħar. LIFE Pajjiżi Terzi jgħin lil pajjiżi li jagħtu fuq il-Baħar Mediterran u l-Baħar Baltiku jibnu l-kapaċità tagħhom għall-ħarsien ta’ l-ambjent. Għal proġetti approvati taħt LIFE Natura u LIFE Pajjiżi Terzi, ara l-istqarrijiet ta’ l-istampa IP/05/1155 u IP/05/1156.

Il-programm LIFE kurrenti (“LIFE III”) jasal fi tmiemu fl-aħħar ta’ l-2006. Il-Kummissjoni pproponiet programm ġdid imsejjaħ “LIFE +”, mill-2007-2013 b'baġit ta' € 2.19 biljun. Il-proposta bħalissa qiegħda tiġi diskussa fil-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew.

Għal aktar tagħrif

Ara l-anness għal sinteżi tat-88 proġett iffinanzjat taħt LIFE Ambjent. Tagħrif iktar dettaljat dwar kull proġett jinsab fi:

http://ec.europa.eu/environment/life/project/index.htm

ANNESS

Sinteżi tal-proġetti LIFE-Ambjent 2005 skond il-pajjiż

Il-Belġju – 2 proġetti

Iż-żewġ proġetti jirrigwardaw il-ġestjoni ta’ l-ilma. Fl-ewwel wieħed, se jiġu implimentati linji ta’ gwida għal ġestjoni ta’ l-aħjar prassi għall-użu sikur tal-pestiċidi sabiex jiġi evitat it-tniġġis ta’ ilma ta’ taħt l-art u dak tal-wiċċ.

It-tieni se jkun dimostrazzjoni ta’ kif metodu magħruf bħala ‘preċipitazzjoni tal-metalli fil-post’ huwa soluzzjoni sostenibbli għat-tindif ta’ l-ilma ta’ taħt l-art ikkontaminat b’metalli li ma fihomx ħadid.

Id-Danimarka – 6 proġetti

Hemm żewġ proġetti ta’ ġestjoni ta' l-ilma. Wieħed għandu l-għan li jnaqqas l-ammonti ta’ nitroġenu u fosfru minn attivitajiet agrikoli li jiskulaw fil-baċin tax-xmara Odense, f’konformità ma’ l-għanijiet tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma[1] ta’ l-UE.

It-tieni proġett jirrigwarda l-ħarsien integrat ta’ l-ilma tal-wiċċ u ta' taħt l-art fi tliet reġjuni agrikoli fiċ-ċentru tal-Lvant ta’ Jutland.

Żewġ proġetti għandhom l-għan li jnaqqsu l-impatt ambjentali ta’ attivitajiet ekonomiċi. L-ewwel wieħed huwa studju bi prova sabiex jittestja l-użu ta' ‘għatat bijoloġiċi’ li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mill-landfills.

It-tieni huwa proġett ta’ dimostrazzjoni tal-benefiċċji ambjentali, ta’ sikurezza u kummerċjali ta’ prototip ta’ sistema ta’ tkessiħ għas-supermarkets u applikazzjonijiet simili li jużaw id-dijossidu tal-karbonju bħala s-sustanza li tkessaħ.

Fil-qasam tal-ġestjoni ta' l-iskart, proġett wieħed għandu l-għan li jutilizza mill-ġdid il-ħama ta’ l-ilma għall-iskart mill-inċinerazzjoni fil-produzzjoni tal-konkrit. It-tieni se jittestja l-adegwatezza ta' l-użu ta’ l-iskart u l-ħama tad-dranaġġ bħala materja prima f’impjanti ta’ produzzjoni ta’ fibri tal-ġebel (stone wool) fid-Danimarka, Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit.

L-Estonja – proġett 1

Il-proġett għandu l-għan li jnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt ambjentali ta’ l-attivitajiet ekonomiċi. Huwa se juri li d-demel tal-ħnieżer jista’ jiġi pproċessat bis-sħiħ sabiex jipproduċi l-enerġija u materji primi sekondarji (ilma u fertilizzant), bl-użu ta' teknoloġija ġdida li tinkludi l-fermentazzjoni tad-demel, l-ipproċessar ta' gass bijoloġiku f'enerġija u sħana ‘ħadra’, u s-separazzjoni sħiħa tal-komponenti riċiklabbli u dawk mhux riċiklabbli.

Il-Finlandja – 2 proġetti

Iż-żewġ proġetti jirrigwardaw il-ġestjoni ta’ l-iskart. Wieħed jeżamina l-opportunitajiet ta’ riċiklaġġ għal skart minn tagħmir elettriku u elettroniku, f'konformità mal-leġiżlazzjoni ta' l-UE[2], b’enfasi partikolari fuq iż-żoni rurali.

It-tieni wieħed jimmira lejn id-djar, l-iskejjel u ċ-ċentri li jżommu t-tfal matul il-jum f’Helsinki, bil-ħsieb li jgħolli l-livell ta' għarfien u jassigura li l-ammont ta' skart prodott ma’ jaqbiżx il-livelli ta’ l-2003.

Franza – 11-il proġett

Proġett wieħed ta’ ġestjoni ta’ l-ilma għandu jnaqqas it-tniġġis ta’ l-ilma mill-pestiċidi permezz ta’ titjib fil-prassi tal-ħarsien ta’ l-uċuħ b’kontroll imtejjeb tal-volum tal-pestiċida li joħroġ mill-isprejer. L-esperjenza miksuba tinqasam mas-sħab Taljani u Spanjoli.

Tliet proġetti jindirizzaw it-teknoloġiji nodfa. Wieħed huwa proġett ta' dimostrazzjoni ta' alternattiva mekkanika - u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent - għall-ipproċessar kimiku ta' pjanċi b'forom kumplessi li jintużaw fl-industrija aeronawtika u spazjali.

It-tieni wieħed għandu l-għan li jiżviluppa teknoloġija nadifa għall-proċessi ta' finishing tad-drappijiet, ibbażat fuq l-electrofloculation.

L-għan ġenerali tat-tielet proġett huwa t-tnaqqis bi 30% ta’ l-ammont ta’ CO2 li jirriżulta waqt il-proċess ta’ tnixxif ta’ prodotti taċ-ċeramika magħmula mit-terrakotta.

Sitt proġetti jkopru l-ġestjoni ta’ l-iskart. L-ewwel wieħed jikkontribwixxi lejn id-diżinn, l-iżvilupp u l-validazzjoni ta’ linji ta’ l-immuntar industrijali innovattivi mingħajr ċomb, u jistudja l-affidabbiltà ta’ tipi ġodda ta' liga mingħajr ċomb f’konformità mad-Direttivi Ewropej dwar l-iskart ta' tagħmir elettriku u elettroniku2 u dwar restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ sustanzi perikolużi (RoHS)[3] f’tagħmir bħal dan.

It-tieni proġett se jiżviluppa proċess għall-ġestjoni ta’ inġenji ta’ l-ajru li m'għadhomx tajbin għall-użu. Minkejja n-numru dejjem jikber ta’ ajruplani rtirati (madwar 250 kull sena), ma jeżisti l-ebda proċess rikonoxxut ta’ żmuntaġġ ta’ l-inġenji ta’ l-ajru f’kundizzjonijiet sikuri u ambjentalment responsabbli.

It-tielet proġett, ibbażat fid-Dipartiment ta' Deux-Sèvres, għandu l-għan li jnaqqas l-iskart permezz tat-twaqqif ta’ inċentivi għall-popolazzjoni u l-atturi ekonomiċi fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-konsum.

Ir-raba’ wieħed se jkun dimostrazzjoni tal-fattibbiltà teknika ta’ l-introduzzjoni ta’ teknoloġija ultrasonika sabiex tnaqqas il-produzzjoni tal-ħama f’impjant għat-trattament ta’ ilma għall-iskart,

Il-ħames proġett huwa dimostrazzjoni tal-fattibbiltà ta’ teknoloġija innovattiva għar-riċiklaġġ ta’ batteriji tal-jone tal-litju, użati primarjament biex iħaddmu l-mowbajls, il-laptops, il-kameras, il-ġugarelli, eċċ.

Is-sitt proġett se jissostitwixxi ċ-ċomb b’tipi oħrajn ta’ liga sabiex jipproduċi elettronika “ħadra” għal sistemi ta’ komunikazzjoni aeronawtiċi u militari. Dan jippermetti l-konformità mad-Direttiva RoHS , li tipprojbixxi l-użu taċ-ċomb f’tagħmir elettroniku mill-1 ta’ Lulju 2006.

L-aħħar proġett Franċiż jikkonċerna l-ġestjoni tal-kwalità ta’ l-arja u se jwaqqaf strument għat-teħid ta' kampjuni li juża sistema ġdida għall-monitoraġġ tal-polline. Minflok ma jikkwantifika l-partiċelli tal-polline permezz tal-morfoloġija tagħhom, se jintużaw qisien onlajn ta' l-antiġeniċità/allerġeniċità.

Il-Ġermanja – 6 proġetti

Żewġ proġetti jikkonċernaw il-ġestjoni ta’ l-ilma. L-ewwel wieħed se jieħu approċċ integrat sabiex inaqqas it-tniġġis imxerred li jirriżulta mill-agrikoltura, b'appoġġ għad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma1.

It-tieni wieħed jiffoka fuq titjib fit-teknoloġiji tat-trattament ta’ l-ilma għall-iskart permezz ta’ l-użu ta’ teknoloġija innovattiva li tittrasferixxi l-komponenti organiċi tal-ħama tad-dranaġġ f’forma solubbli, tajba għall-produzzjoni tal-bijogass.

Żewġ proġetti jikkonċernaw teknoloġiji nodfa li jgħinu jnaqqsu l-impatt ambjentali ta’ attivitajiet ekonomiċi. Wieħed minnhom se juri l-effettività teknika u ambjentali ta’ aġent ġdid inorganiku għat-tgħaqqid li jintuza ghall-iffurmar ta' l-aluminju mdewweb fil-produzzjoni tal-blokok tal-magni. Il-proċess għandu jnaqqas l-ispejjeż ta' l-enerġija għal madwar 30% kif ukoll inaqqas l-iskart sostanzjalment.

It-tieni proġett jikkonċerna l-pretrattament tas-suf fil-produzzjoni tal-ħjut. L-għan ewlieni huwa l-eliminazzjoni ta’ l-emissjonijiet ta’ alidi organiċi assorbibbli (AOX) u tnaqqis sinifikanti fl-użu ta' kimiċi fil-proċess tat-tindif, permezz ta’ proċess sostenibbli ta’ pretrattament tal-plażma.

Proġett wieħed jindirizza l-ġestjoni u l-prevenzjoni ta’ l-iskart permezz tat-twaqqif ta’ programm ta’ taħriġ għal stanjar mingħajr ċomb fl-industrija ta’ l-elettronika ta’ l-Ewropa.

Is-sitt proġett għandu l-għan li jnaqqas l-impatti ambjentali fl-industrija ta’ l-azzar, li fiha attwalment jintużaw aċidi perikolużi biex titneħħa l-ġebla minn pjanċi laminati bil-kesħa. Se jintuża proċess ġdid mingħajr kimiċi bbażat fuq teknoloġija ta’ vakwu bi pressjoni għolja.

Il-Greċja – 4 proġetti

L-ewwel proġett jindirizza l-iżvilupp u l-ippjanar ta’ l-użu ta’ l-art bl-introduzzjoni ta’ approċċ parteċipattiv lejn pjan ambizzjuż għar-riġenerazzjoni soċjo-ambjentali taż-żona urbana tal-Bajja ta’ Elefsina sas-sena 2020.

It-tieni proġett, marbut mal-ġestjoni tal-kwalità ta’ l-arja, għandu l-għan li jiżviluppa sistema integrata għall-evalwazzjoni, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tat-tniġġis ta' l-arja fil-Prefettura ta’ Kozani (fil-Punent tal-Maċedonja), fejn jinsab l-ikbar impjant li jaħdem bil-faħam tat-tip lignite.

It-tielet proġett jirrigwarda l-impatt ambjentali ta’ prodotti u servizzi u se jimplimenta kunċett ta' kostruzzjoni sostenibbli bl-applikazzjoni ta’ politika integrata ta' prodott li tinvolvi l-partijiet interessati kollha.

L-aħħar proġett jindirizza l-ġestjoni ta’ l-ilma bl-iżvilupp ta’ għadd ta’ teknoloġiji favorevoli għall-ambjent li jnaqqsu kemm jista’ jkun it-tniġġis mill-artijiet agrikoli li mhux ġej minn punt wieħed speċifiku. It-teknoloġiji se jiġu integrati fil-pjan ta’ ġestjoni tal-baċin tax-xmara Evrotas u ż-żona kostali tagħha.

L-Ungerija – proġett 1

Il-proġett, li jkopri l-ġestjoni ta’ l-ilma, jevalwa l-livell ta’ kontaminazzjoni bl-arseniku fl-ilma ta’ taħt l-art fil-parti tan-nofsinhar ta’ l-Ungerija. Se jiżviluppa pjan bi prova ta' ġestjoni, li jinkorpora teknoloġija ġdida għat-tneħħija ta’ l-arseniku.

L-Irlanda – 2 proġetti

Iż-żewġ proġetti jikkonċernaw il-ġestjoni ta’ l-iskart. Proġett minnhom se jiżviluppa għodda ta’ dimostrazzjoni għad-diżinn ta’ komponenti u unitajiet separati ta’ prodotti fis-settur awtomobilistiku li jinkorporaw ir-rekwiżiti ta’ konformità ambjentali, partikolarment fir-rigward tad-Direttiva dwar il-Vetturi li m'Għadhomx Jintużaw[4].

It-tieni proġett se jkun dimostrazzjoni tal-benefiċċji fil-livell ambjentali u dak tal-kompetittività ta’ block pallet li terġa’ tuża materjali ta’ skart idderivati mit-tajers flimkien ma’ serratura u laqx ta’ l-injam minn pallets imwarrba.

L-Italja – 15-il proġett

Ħames proġetti għandhom l-għan li jnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatt ambjentali ta’ attivitajiet ekonomiċi billi jnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra jew jiżviluppaw l-aħjar teknika disponibbli (BATs - Best Available Techniques). Proġett minnhom se jiżviluppa sit għad-dimostrazzjoni tal-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku permezz ta’ teknoloġija ġdida għall-produzzjoni tal-bijo-karbonju mill-bijomassa.

It-tieni wieħed se jittestja metodi għall-qbid ta’ l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju minn landfill muniċipali ta’ skart solidu bil-ħsieb li jiġu żviluppati soluzzjonijiet għal replikazzjoni usa’ tal-proċess.

It-tielet wieħed se jkun dimostrazzjoni ta’ kif tiġi kkontrollata l-umidità ta’ l-arja fi pressjoni atmosferika mingħajr tkessiħ - teknika li tnaqqas sinifikament il-konsum ta’ l-enerġija fit-tagħmir ta’ tkessiħ użat f'firxa wiesgħa ta’ industriji.

Ir-raba’ wieħed jirrigwarda l-irkupru u l-użu mill-ġdid ta' skart minn proċessi ta' produzzjoni tal-ġilda permezz tal-purifikazzjoni u l-użu mill-ġdid ta' l-ilma għall-iskart, u l-estrazzjoni ta' sustanzi utli.

Il-ħames wieħed se jevalwa l-applikabilità ta’ BATs ta’ riferiment għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fl-industrija tat-tessuti permezz tal-bini ta’ impjant ta’ dimostrazzjoni.

Żewġ proġetti oħra jirrigwardaw it-tnaqqis ta’ l-impatt ambjentali ta' prodotti u servizzi. L-ewwel wieħed għandu l-għan li jelimina l-użu ta’ sustanzi perikolużi fit-tqegħid ta’ dekorazzjonijiet u diżinni fuq oġġetti taċ-ċeramika.

It-tieni wieħed se jiżviluppa metodi għall-identifikazzjoni u l-monitoraġġ tal-kontaminazzjoni minn prodotti minn organiżmi modifikati ġenetikament (GMO) fil-produzzjoni agrikola, u se jiddefinixxi l-istandards għas-segregazzjoni u l-preservazzjoni ta' prodotti mhux GMO fil-katina alimentari u fil-produzzjoni ta' l-ikel.

Tliet proġetti jirrigwardaw l-ippjanar u l-iżvilupp sostenibbli ta’ l-użu ta’ l-art. Wieħed minnhom se jikkombina l-Iskema EMAS ta’ Eko-ġestjoni u Verifika ma’ sistemi ta’ kontabilità oħrajn sabiex tinkiseb sistema integrata għall-ġestjoni ambjentali f’erba bliet fejn qed isir l-istudju bi prova.

Żewġ proġetti oħra se jiżviluppaw sistemi ta’ trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent; l-ewwel wieħed billi jwaqqaf ċentru għad-distribuzzjoni urbana tal-merkanzija fiċ-ċentru storiku ta’ Lucca, u t-tieni billi jiżviluppa għodod għall-ippjanar integrat u l-kontroll tat-trasport tal-merkanzija f’żoni urbani.

Żewġ proġetti għandhom l-għan li jtejbu l-ġestjoni ta' l-ilma billi jiżviluppaw teknoloġiji ġodda tat-trattament ta' l-ilma. Wieħed minnhom se jiżviluppa prototip għad-dimostrazzjoni ta’ metodu li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent għat-trattament ta’ l-ilma għall-iskart.

It-tieni wieħed jikkonċerna t-trattament ta’ l-ilma tax-xita qabel ma jispiċċa fil-katusi tad-drejn, fix-xmajjar jew fil-portijiet.

L-aħħar tliet proġetti jiffokaw fuq il-ġestjoni ta’ l-iskart. Tnejn minnhom jindirizzaw it-trattament tal-ħama mill-industrija taċ-ċeramika u l-irħam.

It-tielet wieħed għandu l-għan li jipperfezzjona u jestendi r-riżultati minn proġett preċedenti taħt LIFE Ambjent li kien jikkonċerna r-riċiklaġġ ta’ skart likwidu minn impjanti għall-ipproċessar taż-żejt.

Il-Lussemburgu – proġett 1

Il-proġett se jimplimenta sistema ġdida għat-tnixxif ta’ panelli b'bażi ta' l-injam, li tirriżulta fi tnaqqis sostanzjali ta' l-emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili, dijossidu u monossidu tal-karbonju matul il-produzzjoni u l-użu tagħhom.

L-Olanda – 7 proġetti

Tliet proġetti Olandiżi jirrigwardaw il-ġestjoni ta’ l-iskart. Wieħed minnhom se jittestja teknoloġija msejħa ‘closed-loop blanching’ li tagħmel inqas ħsara lill-ambjent mis-smit bil-misħun, il-metodu li jintuża normalment għall-manifattura tal-prodotti tal-patata.

It-tieni wieħed se jibdel l-irmied tqil mill-inċinerazzjoni ta’ l-iskart f’materja prima sekondarja ta’ kwalità għolja li ssib użu rapidu fl-industriji tal-konkrit, tal-briks tas-silikat tal-kalċju u dik metallurġika.

It-tielet proġett huwa dimostrazzjoni tal-fattibbiltà tar-riċiklaġġ tal-feltru għas-soqfa magħmul mill-bitum.

Ir-raba’ proġett jikkonċerna l-iżvilupp urban sostenibbli u se jnaqqas b’għallinqas 25% l-istorbju u l-inkonvenjenti marbuta miegħu f'żoni industrijali madwar il-portijiet permezz ta’ sistema ta’ mmappjar u ġestjoni ta’ l-istorbju u gwida korrispondenti għal prassi tajba, f’konformità mad-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali[5].

Il-ħames proġett jiffoka fuq it-tnaqqis ta' l-impatt ambjentali tal-linji ta’ l-elettriku b’vultaġġ għoli. Se jwaqqaf tip ġdid ta’ linja ta’ l-elettriku b'vultaġġ għoli b’kamp manjetiku mnaqqas.

Is-sitt wieħed jirrigwarda t-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, f’dan il-każ

il-hydrofluorocarbons (HFCs) mill-friġġijiet, permezz ta’ sistema ta’ tkessiħ bbażata fuq id-CO2.

L-aħħar proġett jikkonċerna l-ġestjoni sostenibbli ta’ l-ilma, partikolarment fis-settur ta’ l-ortikultura, u se jnaqqas sinifikament il-ħtieġa li jintużaw il-pestiċidi fuq il-pjanti permezz ta’ sistema ta’ monitoraġġ ta’ l-uċuħ tar-raba’.

Il-Portugall – 2 proġetti

Iż-żewġ proġetti jikkonċernaw il-ġestjoni ta’ l-iskart. Wieħed minnhom għandu l-għan li jżid ir-rata ta’ riċiklaġġ ta' skart imħallat ta’ plastik, lastku u kontenituri tax-xorb tal-kartun bil-ħsieb li jiġu ddiżinjati prodotti ġodda biex jintużaw fit-triq.

It-tieni wieħed jiffoka fuq l-użu mill-ġdid ta’ żjut għall-qali sabiex jiġi prodott il-bijodiżil għall-flotta ta’ vetturi muniċipali ta’ Oeiras.

Ir-Rumanija – proġett 1

Fir-Rumanija, proġett għall-ġestjoni tal-kwalità ta’ l-arja se jidentifika s-sorsi ta’ tniġġis ta' l-arja f'Bukarest u l-madwar u se jipprovdi lill-awtoritajiet u l-pubbliku b'tagħrif dwar il-livelli ta’ tniġġis ta’ l-arja.

Spanja – 16-il proġett

Tliet proġetti jiffokaw fuq il-ġestjoni ta’ l-ilma. Wieħed minnhom se jiddefinixxi mudell ta’ ġestjoni integrata sabiex jiġi indirizzat l-iskart likwidu mill-industrija tal-kisi tal-metall.

It-tieni wieħed se jiżviluppa metodi ta’ irrigazzjoni u fertilizzazzjoni kombinati bil-għan li jitnaqqas it-tniġġis tal-ħamrija u ta’ l-ilma ta’ taħt l-art u tittejjeb il-produttività.

It-tielet wieħed huwa dimostrazzjoni ta' l-użu ta' sistema awtonoma ta' irrigazzjoni fil-Komunità ta' Irrigazzjoni “El Vicario” (Guadiana).

Tliet proġetti jindirizzaw l-ippjanar u l-iżvilupp sostenibbli ta’ l-użu ta’ l-art. L-ewwel wieħed għandu l-għan li jippromwovi l-mobbiltà sostenibbli f'sitt żoni industrijali permezz tat-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ ġestjoni u tal-promozzjoni tat-trasport pubbliku, iċ-ċikliżmu u l-qsim ta' l-użu ta' karozzi privati.

It-tieni wieħed jirrigwarda l-ħarsien tal-ħamrija f'żoni Mediterranji b'rati għolja ta' erożjoni. Se jkun dimostrazzjoni tal-benefiċċji tal-koltivazzjoni ta’ varjetajiet ġodda ta’ siġar tal-lewż li jifilħu għal kundizzjonijiet ħorox.

It-tielet wieħed għandu l-għan li jiddefinixxi sistema ta’ ġestjoni sostenibbli tal-vitikoltura fil-muntanji sabiex jitnaqqsu l-impatti ambjentali ta' din l-attività fuq il-panorama, il-ħamrija u r-riżorsi ta’ l-ilma.

Erba’ proġetti jindirizzaw it-teknoloġiji nodfa. L-ewwel wieħed se jnaqqas l-impatt ambjentali ta' l-impjanti li jipproċessaw l-ikel waqt operazzjonijiet ta' tindif, li tipikament jikkunsmaw volumi kbar ta' ilma u jiġġeneraw ilma mniġġes ferm għall-iskart, bl-użu ta' l-ożonu minflok l-aġenti kimiċi ta' diżinfezzjoni tradizzjonali.

It-tieni huwa dimostrazzjoni tal-vijabbiltà teknika, ekonomika u ambjentali ta' l-irkupru ta' l-enerġija minn bijogass tal-landfills permezz ta’ l-użu ta’ mikro-turbini u t-tneħħija bijoloġika tas-sulfide ta’ l-idroġenu u s-siloksani.

It-tielet wieħed se jibni impjant bi prova għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet komposti organiċi volatili (VOC – volatile organic compound) fl-arja. Is-sistema, maħsuba għal fabbrika li tuża s-solventi għat-trattament ta’ l-uċuħ, se tippermetti tnaqqis fil-livelli ta’ l-emissjonijiet tal-VOCs sa’ għoxrin fil-mija tal-limitu stipulat fid-Direttiva VOC[6].

Ir-raba’ proġett huwa dimostrazzjoni li l-enerġija minn ċelluli solari tista' tinħażen effettivament bħala idroġenu biex tintuża iktar tard f’magni li jaħdmu biċ-ċelluli tal-fjuwil, għad-dawl jew għat-tkessiħ.

Sitt proġetti jkopru l-ġestjoni ta’ l-iskart. L-ewwel wieħed se jnaqqas l-impatt ambjentali tad-demel iġġenerat mill-irziezet tal-ħnieżer fir-reġjun ta’ Los Serranos, fil-Komunità ta' Valencia. Se jintużaw l-insetti sabiex jiddegradaw l-iskart u jibdluh f’fertilizzant organiku.

It-tieni wieħed se jfittex li jnaqqas il-volum ta’ l-iskart mill-industrija tat-tessuti permezz tat-twaqqif ta’ proċedura komuni għall-ġestjoni ta’ l-iskart.

It-tielet proġett se jiżviluppa impjant bi prova fil-belt ta’ Baena (Andalusia) li jibdel l-iskart likwidu ġġenerat fil-proċess tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa fi prodotti sekondarji b’valur miżjud.

Ir-raba’ proġett se jnaqqas l-impatt ambjentali tal-ħama ġġenerat mill-impjanti tat-trattament tad-dranaġġ permezz ta' metodi xierqa ta' ġestjoni u riċiklaġġ.

Il-ħames wieħed għandu l-għan li jnaqqas kemm jista’ jkun l-impatti ambjentali negattivi ta' l-iskart iġġenerat mill-industrija tas-sajd billi jirrakkomanda prassi effiċjenti u integrati ta' ġestjoni u pproċessar ta’ l-iskart għar-riċiklaġġ u t-tnaqqis ta’ l-iskart iġġenerat mis-settur.

L-aħħar proġett huwa dimostrazzjoni tal-fattibbiltà teknika u ekonomika ta' proċess ġdid b'kapaċità għolja li jifred tipi ta' liga tal-metall b’purezza għolja (>90%). Il-proċess, użat għas-separazzjoni tal-ħadid, l-aluminju u metalli b’densità għolja minn vetturi li m’għadhomx tajbin biex jintużaw, se jippermetti li l-metalli jerġgħu jintużaw għal magni ġodda fis-settur awtomobilistiku.

L-Iżvezja – 2 proġetti

Iż-żewġ proġetti għandhom l-għan li jnaqqsu l-impatt ambjentali ta’ attivitajiet ekonomiċi. L-ewwel wieħed huwa dimostrazzjoni ta’ teknoloġija innovattiva ta’ reattur kontinwu bbażat fuq l-ART® (Advanced Reactor Technology – Teknoloġija Avvanzata abbażi ta’ Reattur) sabiex tintuża għall-produzzjoni sostenibbli fis-settur tal-prodotti kimiċi.

It-tieni wieħed se jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra bl-ittestjar u d-dimostrazzjoni ta' l-użu ta' vetturi ta’ strapazz li jaħdmu bid-dimetiletere (DME). Il-produzzjoni tad-DME bħala fjuwil hija prattikament newtra f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-emissjonijiet tad-CO2 u għalhekk hija alternattiva promettenti għall-fjuwil ibbażat fuq iż-żejt.

Ir-Renju Unit - 10 proġetti

Erba’ proġetti tar-Renju Unit jindirizzaw il-ġestjoni ta’ l-iskart. L-ewwel wieħed għandu l-għan tad-dimostrazzjoni ta’ l-użu ta’ teknoloġija avvanzata li tutilizza l-ilma bi pressjoni għolja ħafna sabiex tirkupra materjal minn tajers użati.

It-tieni huwa dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi għar-riċiklaġġ ta’ flussi ta’ skart tal-ħġieġ li attwalment ma jistgħux jintużaw għall-biċċa l-kbira tal-proċessi ta' manifattura tal-ħġieġ u għalhekk jispiċċaw fil-landfills.

Proġett għall-prevenzjoni ta’ l-iskart se jservi biex juri kif il-metodu magħruf bħala idrolisi enzimatika huwa mod sikur u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent ta’ kif jiġi ttratat il-ħama tad-dranaġġ sabiex ikun jista’ jerġa jintuża.

Ir-raba’ proġett għandu l-għan li jnaqqas ir-rimi ta’ skart kliniku mhux sterili fil-landfills u li jippromwovi l-użu tiegħu bħala materja prima għal prodotti riċiklati.

Żewġ proġetti għandhom l-għan li jnaqqsu l-impatt ambjentali ta’ attivitajiet ekonomiċi. Wieħed minnhom huwa dimostrazzjoni ta’ l-effettività tar-riċiklaġġ ta’ l-ilma bl-użu ta’ reattur ġdid għad-diġestjoni aerobika ta’ ilma għall-iskart.

It-tieni wieħed għandu l-għan li jerġa juża siti abbandunati għat-tkabbir ta’ uċuħ għall-produzzjoni ta’ l-enerġija mill-bijomassa, li jirrestawra artijiet imħassra, u li jiġġenera s-sħana u l-elettriku minn sorsi ta’ l-enerġija rinnovabbli.

Żewġ proġetti jikkonċernaw kwistjonijiet tal-ġestjoni ta’ l-ilma. Wieħed se jippreżenta teknoloġija ġdida ta’ pproċessar li biha l-formaldeid, li jintuża fil-manifattura ta’ kolla, prodotti ta’ l-injam, preservattivi, eċċ, jiġi kkonvertit f’karboidrati mhux tossiċi. Il-mira hija tnaqqis ta' 100% fil-preżenza tal-formaldeid fl-iskart likwidu li jiskula fl-Estwarju tax-xmara Severn fir-Renju Unit.

It-tieni jikkonċerna t-tindif ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ imniġġsa minn nitrati ġejjin minn sorsi agrikoli bil-għan li jkun hemm tnaqqis, effettiv f’termini ta’ nfiq, ta’ għallinqas 85% fil-konċentrazzjoni tan-nitrati.

Proġett minnhom għandu l-għan li jiżviluppa u jmexxi ambjenti urbani ta’ kwalità għall-utenti tal-kuritur tax-xmara u għall-partijiet interessati oħrajn.

L-aħħar proġett jikkonċernaw l-impatt ambjentali ta’ prodotti u servizzi u jiffoka fuq il-potenzjal li s-serer jiġu integrati ma' bini ieħor, eż. dawk bl-uffiċċji. Huwa dimostrazzjoni tal-benefiċċji fl-iddiżinjar, il-bini u t-tħaddim ta' sistemi ta' serer u bini ambjentalment sostenibbli, kif ukoll tal-potenzjal għat-tnaqqis ta’ l-impatti ambjentali tal-produzzjoni ortikulturali li sseħħ fihom.


[1] Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000
li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika dwar l-ilma
[2] Id-Direttiva Nru 2002/96/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 2003 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku

[3] Id-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 2003 dwar ir-restrizzjoni ta’ l-użu ta' ċerti sustanzi ta’ riskju fit-tagħmir elettriku u elettroniku

[4] Id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw
[5] Id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwarda l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali

[6] Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/13/KE tal-11 ta’ Marzu 1999 dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet ta’ taħlit volatili organiku minħabba l-użu ta’ solventi organiċi f’ċerti attivitajiet u installazzjonijiet


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website