Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/05/1156
Brussell, l-19 ta' Settembru 2005

LIFE Pajjiżi Terzi 2005: Il-Kummissjoni tiffinanzja proġetti ambjentali f’pajjiżi terzi għal iktar minn €6 miljun

Il-Kummissjoni Ewropea approvat il-fondi għal 15-il proġett ambjentali fir-reġjun Mediterranju u dak Baltiku, taħt il-programm LIFE Pajjiżi Terzi 2005. Dawn il-proġetti jiffokaw fuq il-bini tal-kapaċità. Jirrappreżentaw investiment totali ta’ € 9,223,000 Euro, li minnhom l-UE se tkopri € 6,348,240.

“L-iżvilupp sostenibbli jista’ jintlaħaq biss jekk jingħaraf bħala għan komuni: dak kollu li jsir f’pajjiż jew żona waħda jkollu impatt fuq l-ambjent kollu kemm hu, qal Stavros Dima, il-Kummissarju responsabbli għall-ambjent. Fuq il-bażi ta’ appoġġ u kooperazzjoni reċiproċi nistgħu nikkontribwixxu lejn l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali f’pajjiżi ġirien li taqdi l-ħtiġijiet taċ-ċittadini, issa u fil-ġejjieni”.

Il-Kummissjoni Ewropea għażlet 15-il proġett fl-Alġerija, il-Bożnja-Erzegovina, il-Kroazja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, ir-Russja, it-Tuneżija, it-Turkija, ix-Xatt tal-Punent u Gaża, sabiex tiffinanzjahom permezz tal-programm LIFE Pajjiżi Terzi.

Dawn il-proġetti għandhom l-għan li jtejbu l-ambjent u jiksbu l-iżvilupp sostenibbli billi jikkontribwixxu lejn il-ħolqien jew it-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet, l-oqsma ta’ politika, l-għodod ta’ sorveljanza, il-faċilitajiet għat-taħriġ, in-netwerks u d-databases rilevanti.

Ikopru firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, mill-ġestjoni ta’ l-iskart u l-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis industrijali sas-sorveljanza tal-ħamrija u l-bidla fil-klima. Uħud mill-proġetti jippromwovu approċċ li jxaqleb lejn regolamenti ambjentali ta’ l-UE jew kooperazzjoni fuq livell reġjonali jew transnazzjonali.

L-ispiża totali tal-proġetti hija ta’ €9,223,000. Il-finanzjament ta' l-UE huwa madwar 69% ta’ dan l-ammont.

LIFE Pajjiżi Terzi huwa parti mill-programm LIFE. LIFE huwa l-istrument finanzjarju ta’ l-UE li jappoġġa l-proġetti ambjentali u ta’ konservazzjoni tan-natura madwar l-UE, kif ukoll f'xi pajjiżi kandidati, pajjiżi fil-proċess ta' adeżjoni u pajjiżi ġirien. L-għan tiegħu huwa li jagħti kontribut lejn l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali ta’ l-UE billi jiffinanzja azzjonijiet speċifiċi. Sa mill-1992, LIFE ikkofinanzja madwar 2500 proġett, b'kontribut ta' €1 500 miljun għall-ħarsien ta' l-ambjent.

LIFE Pajjiżi Terzi speċifikament jikkontribwixxi lejn il-ħolqien ta’ kapaċità u strutturi amministrattivi, u jgħin fl-iżvilupp ta' politika ambjentali u programmi ta’ azzjoni f’pajjiżi terzi li jagħtu fuq il-Baħar Mediterran u l-Baħar Baltiku[1].

Iż-żewġ komponenti l-oħra ta’ LIFE, LIFE Natura u LIFE Ambjent, jiffokaw fuq il-konservazzjoni tan-natura u l-innovazzjoni fil-miżuri għall-ħarsien ta’ l-ambjent. Għal proġetti approvati taħt LIFE Natura u LIFE Ambjent, ara l-istqarrijiet għall-istampa IP/05/1155 u IP/05/1157.

Il-programm kurrenti LIFE (“LIFE III”) jispiċċa fi tmiem l-2006. Il-Kummissjoni pproponiet programm ġdid jismu “LIFE +”, li jkopri l-perjodu mill-2007-2013 b'baġit ta' € 2,190 miljun. L-adozzjoni finali tal-programm u l-baġit tiegħu bħalissa qed jistennew deċiżjoni mill-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew.
Sinteżi tal-15-il proġett magħżul fil-pajjiżi terzi tista' tinstab fl-anness għall-istqarrija ta’ l-istampa. Iktar tagħrif iddettaljat dwar kull proġett jista’ jinstab fi:
http://ec.europa.eu/environment/life/project/index.htm

ANNESS

Ħarsa ġenerali lejn il-proġetti LIFE Pajjiżi Terzi 2005 skond il-pajjiż

il-Bożnja-Erzegovina – proġett 1

Il-benefiċjarju tal-proġett huwa l-Istitut ta’ l-Idro-inġinerija fil-Fakultà ta’ l-Inġinerija Ċivili, f’Sarajevo; il-kofinanzjament ta’ l-UE huwa ta’ € 299,250. Il-proġett għandu l-għan li jimplimenta proċedura integrata ta’ permessi ambjentali (“Integrated Environmental Permitting” procedure) li tiffoka fuq l-aħjar metodi disponibbli għall-industrija ta' l-ikel u x-xorb. Minkejja tnaqqis fil-livell ta’ attivitajiet industrijali wara l-gwerra, it-tniġġis industrijali għadu jkollu impatt qawwi fuq l-ambjent fil-Bożnja-Erzegovina.

Il-Kroazja – 4 proġetti

Il-benefiċjarju ta’ l-ewwel proġett hija l-Aġenzija ta’ l-Ambjent Kroata; il-ko-finanzjament ta’ l-UE huwa ta’ € 533,700. Il-proġett għandu l-għan li joħloq standards u metodi nazzjonali għal programm ta’ monitoraġġ tal-ħamrija li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-UE. Barra minn hekk, għandu l-għan li jidentifika l-postijiet għall-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-ħamrija b’koordinati għall-art agrikola, art bil-foresti u siti kkontaminati u li jidentifika ċentri ta’ referenza potenzjali għall-ġbir u l-analiżi tad-dejta, u li jressaq proposti għall-bini ta’ sistema ta’ monitoraġġ tal-ħamrija, inkluż pjan finanzjarju għall-implimentazzjoni futura tas-sistema.

Il-benefiċjarju tat-tieni proġett hija l-aġenzija nazzjonali għall-ġestjoni ta' l-ilma - Croatian Waters; il-ko-finanzjament ta’ l-UE huwa ta’ € 211 571. Il-proġett għandu l-għan li joħloq laboratorju ġdid għall-analiżi tal-bijodegradabbiltà ta’ ilma għall-iskart. Għandu jikkontribwixxi għall-istrateġija nazzjonali tal-ħarsien ta’ l-ilma u jgħin sabiex ikun hemm konformità mad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma.

Il-benefiċjarju tat-tielet proġett huwa l-Lonsjko Polje Nature Park Public Service; il-ko-finanzjament ta’ l-UE huwa ta’ € 496,845. Il-proġett għandu l-għan li jiżviluppa u jtejjeb it-tmexxija integrata tal-baċini tax-xmara permezz ta' l-iżvilupp ta’ proċessi konsultattivi li jinvolvu l-partijiet interessati. Proċess ta’ ppjanar tat-tmexxija għandu jassigura li ħtiġijiet ta’ l-artijiet mistagħdra jiġu rikonoxxuti. Se tkun provduta sistema sostenibbli ta’ ġestjoni tal-viżitaturi u l-istaff għassiesa taż-żoni mħarsa tal-Kroazja se jkunu mgħammra.

Il-benefiċjarju tar-raba’ proġett hija l-Fakultà ta’ l-Inġinerija Ċivili ta’ l-Università ta’ Żagreb; il-ko-finanzjament ta’ l-UE huwa ta’ € 492,584. Il-proġett se jikkonsisti f’għajnuna lill-Ippjanar Fiżiku u Kostruzzjoni fil-Ministeru għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent sabiex titwaqqaf sistema sostenibbli għall-ġestjoni ta’ l-iskart mill-bini u t-twaqqigħ. Dejta eżistenti dwar landfills u miżbliet, kwantitajiet u tipi ta’ skart tal-bini u t-twaqqigħ se jiġu analizzati sabiex tinkiseb idea ġenerali ta’ l-istat preżenti u jiġu identifikati oqsma li dwarhom għad jonqos it-tagħrif. Se jintgħażlu siti tipiċi li jirriflettu l-varjetà ta’ daqsijiet, it-tipi ta’ skart u s-sistemi loġistiċi applikati. Fir-reġjun pilota ta’ Żagreb, il-materjal miġbur se jiġi riċiklat f'impjant ta' riċiklaġġ pilota fil-landfill Jakusevac. Is-settur tal-bini fil-Kroazja jipproduċi 2 miljun tunnellata ta’ skart tal-bini u t-twaqqigħ kull sena. Bħalissa inqas minn 5% ta’ dan l-iskart qed jiġi riċiklat jew użat mill-ġdid.

Gaża u x-Xatt tal-Punent – 2 proġetti

Il-benefiċjarju ta’ l-ewwel proġett hija l-muniċipalità ta’ Hebron; il-ko-finanzjament ta’ l-UE huwa ta’ € 770,000. Il-proġett għandu l-għan li jistabbilixxi regolament ambjentali ġdid fil-Muniċipalità ta’ Hebron għat-trattament ta’ skart ta’ l-irħam, ħama u ilma miċ-ċiklu industrijali. Netwerk ta’ assoċjazzjonijiet ta' l-irħam Palestinjani u Taljani se jiġu stabbiliti u se jinbena ċentru pilota għar-riċiklaġġ tad-dranaġġ industrijali u s-separazzjoni tal-karbunat tal-kalċju.

Il-benefiċjarju tat-tieni proġett huwa l-Applied Research Institute f’Ġerusalemm; il-ko-finanzjament ta’ l-UE huwa ta’ € 200,819. L-għan tal-proġett huwa li jgħin l-iżvilupp ta’ strateġiji lokali ta’ żvilupp sostenibbli u jxerred l-għarfien li ħareġ minn riċerka preċedenti. Fil-prattika, jimmira li jassigura u jżomm l-involviment ta' l-awtoritajiet lokali u nazzjonali magħżula, li jistabbilixxi Sistema ta' Informazzjoni Ġeografika (GIS, ġabra ta' mapep intelliġenti u strumenti oħra li juru l-karatteristiċi tal-wiċċ tad-dinja, u r-relazzjonijiet bejn dawn il-karatteristiċi) u li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tekniċi tal-muniċipalitajiet u l-kunsilli rurali kkonċernati. L-għarfien li jinkiseb minn dan il-proġett jiġi ttrasferit lil awtoritajiet oħra lokali fix-Xatt tal-Punent sabiex jitħeġġu jwettqu inizjattivi simili ta’ sostenibbiltà.

L-Iżrael – 2 proġetti

Il-benefiċjarju ta’ l-ewwel proġett huwa l-Kunsill Reġjonali tal-Galilija ta’ Fuq; il-ko-finanzjament ta’ l-UE huwa ta’ € 369,442. L-għan huwa li jinħoloq qafas għall-bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ħtiġijiet ambjentali tar-reġjun tal-Galilija ta’ Fuq, sabiex b’hekk ikun possibbli li r-riżorsi jintużaw b’mod sostenibbli. Se jitfassal Pjan Ġenerali għad-deżinjazzjoni ta’ l-użu ta’ l-art, il-ġestjoni ambjentali, il-prevenzjoni ta’ l-għargħar u sistema ta’ dranaġġ xierqa. Dan għandu jħeġġeġ is-sehem tal-pubbliku fl-ippjanar u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jiżviluppa l-ekoturiżmu flimkien mal-ħarsien tar-riżorsi naturali; ibiddel ix-xejriet distruttivi ta’ mġiba permezz ta’ programmi edukattivi u ta’ l-infurzar; iħeġġeġ prassi agrikoli ekoloġiċi; u joħloq qafas amministrattiv għall-implimentazzjoni, it-tmexxija u ż-żamma tal-Pjan Ġenerali.

Il-benefiċjarju tat-tieni proġett huwa l-Heschel Center for Environmental Learning and Leadership; il-ko-finanzjament ta’ l-UE huwa ta’ € 334,934. Il-proġett jimmira li jibni kapaċità ambjentali fuq skala kbira fi gvernijiet lokali madwar l-Iżrael. Se jitħarrġu avukati, professjonisti muniċipali u sindki u se jinħolqu netwerks ta’ rabtiet bejniethom. Għodod għas-sostenibbiltà lokali fl-ippjanar muniċipali, it-tmexxija u l-leġiżlazzjoni (liġijiet sekondarji) se jiġu żviluppati u se jitwaqqaf netwerk ta’ appoġġ li jorbot l-inizjattivi ta' l-Iżrael ma' xulxin.

Il-Ġordan - proġett 1

Il-benefiċjarju tal-proġett se tkun l-Università Ħaxemita; il-ko-finanzjament ta’ l-UE huwa ta’ € 473,701. Dan il-proġett għandu l-għan li jiżviluppa strateġiji u strumenti li jindirizzaw il-problemi li jġib miegħu t-tkabbir fit-turiżmu. Fi sħubija ma' l-industrija tat-turiżmu, se jiġu implimentati miżuri u studji piloti f’żewġ lukandi sabiex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tagħhom. Is-sejbiet, l-istrateġiji u l-istrumenti żviluppati matul il-proġett jiġu ppreżentati lill-partjiiet interessati kollha permezz ta' serje ta' workshops. Għodda ta’ gwida u modulu ta’ taħriġ elettroniku se jitfassal sabiex jippromwovi t-tmexxija ambjentali fis-settur tat-turiżmu kumplessivament.

Il-Marokk – proġett 1

Il-benefiċjarju tal-proġett se tkun l-Università ta’ Chouaib Doukkali; il-ko-finanzjament ta’ l-UE huwa ta’ € 438 228. Il-proġett għandu l-għan li jiżviluppa sistema effettiva ta’ kkompostjar fuq skala pilota għat-trattament tal-ħama ġġenerat minn impjanti għat-trattament tad-dranaġġ u impjanti ta’ l-ilma għax-xorb, sabiex jiġi prodott kompost ta' kwalità għolja fil-Marokk. L-ammont ta’ ħama ġġenerat kull sena fil-Marokk huwa madwar 430,000 tunnellata u qed jiżdied b’ħeffa kbira. Il-ħama tinħażen primarjament qrib ta’ impjanti għat-trattament ta’ l-ilma għall-iskart u mbagħad tinfirex fl-art mingħajr ebda trattament jew inkella tintrema f’landfills mhux ikkontrollati.

Il-Libanu – proġett wieħed

Il-benefiċjarju tal-proġett huwa Arcenciel; il-ko-finanzjament ta’ l-UE huwa ta’ € 449 697. Dan il-proġett jipproponi li titnieda politika nazzjonali dwar il-ġestjoni u t-trattament ta’ skart infettiv ta’ l-isptarijiet fil-Libanu. L-attivitajiet jinkludu t-trattament ta' l-iskart ta' l-isptarijiet fir-reġjun tan-nofsinhar ta’ Mont Liban, taħriġ ta’ l-istaff ta’ l-istparijiet u t-tnedija ta’ kampanja għat-tqajjim ta’ kuxjenza dwar l-iskart ta’ l-isptarijiet.

Ir-Russja – proġett 1

Il-benefiċjarju tal-proġett huwa ċ-Ċentru Ambjentali ta’ l-Istitut Muniċipali (ECAT) f’Kaliningrad; il-ko-finanzjament ta’ l-UE huwa ta’ € 492,837. Dan il-proġett għandu jippromwovi u jiffaċilita t-titjib tar-rendiment ambjentali u r-rendiment fil-qasam tas-sikurezza fis-settur industrijali f'Kaliningrad. Jimmira li jassigura l-kontroll effettiv u s-sorveljanza ta’ dawn l-attivitajiet mill-awtoritajiet kompetenti. Dan se jinkiseb permezz tal-promozzjoni ta’ prassi integrata ta’ prevenzjoni u kontroll tat-tniġġis u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ ġestjoni ambjentali u tas-sikurezza. L-atturi kollha involuti fl-attivitajiet industrijali fir-reġjun se jiġu infurmati u mħarrġa fuq dawn l-istrumenti permezz ta’ seminars u workshops. Librerija informattiva fuq l-internet għandha tipprovdi t-tagħrif kollu rilevanti. Madwar 80% ta' l-industrija reġjonali domestika hija bbażata f’Kaliningrad b’xi 30 intrapriża industrijali kbira jew medja u 40,000 intrapriża industrijali żgħira.

It-Tuneżija, l-Alġerija u l-Marokk – proġett ikkombinat 1

Il-benefiċjarju ta' dan il-proġett ikkombinat huwa l-Observatoire du Sahara et du Sahel; il-ko-finanzjament ta’ l-UE huwa ta’ € 526 144. L-għan ewlieni tal-proġett huwa li tkun evitata kriżi ta’ nixfa f’din il-parti tax-xatt tan-nofsinhar tal-Baħar Mediterran, permezz ta' l-implimentazzjoni ta' sistema ta' twissija minn kmieni u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet operattivi ta' dawn il-pajjiżi. Se tiġi żviluppata sistema komuni ta’ tagħrif dwar in-nixfiet flimkien ma’ ġabra ta' metodoloġiji komuni ta' evalwazzjoni bikrija. It-territorji nazzjonali kkonċernati se jinqasmu f’ekoreġjuni u l-vulnerabbiltà strutturali ta’ dawn l-ekoreġjuni se tkun evalwata. Ir-riżultati u l-għarfien iġġenerat mill-proġett se jinxtered lill-utenti diretti, lil min jieħu d-deċiżjonijiet u lill-istituzzjonijiet tat-tliet pajjiżi.

It-Turkija – proġett 1

Il-benefiċjarju tal-proġett huwa l-Uffiċċju Tork taċ-Ċentru Ambjentali Reġjonali; il-ko-finanzjament ta’ l-UE huwa ta’ € 252 488. Dan huwa proġett għall-ħolqien tal-kapaċità marbut mal-bidla fil-klima. Se jaffettwa l-amministrazzjoni nazzjonali; jippromwovi l-kooperazzjoni intragovernattiva; iżid il-kuxjenza tal-partijiet interessati u jtejjeb ir-rwol tagħhom fid-dibattitu dwar il-bidla fil-klima. Il-proġett se jappoġġa b’mod dirett l-iżvilupp ta’ politika fil-qasam tal-bidla fil-klima għal setturi prijoritarji; u se jsaħħaħ is-sehem tal-pubbliku u l-aċċess għal tagħrif ambjentali.


[1] Huma eliġibbli taħt LIFE Pajjiżi Terzi: l-Albanija, l-Alġerija, l-Bożnja-Erzegovina, l-Kroazja, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, is-Sirja, it-Tuneżija, ix-Xatt tal-Punent u Gaża, u x-xatt Baltiku tar-Russja (ir-reġjuni ta' Kaliningrad u San Pietruburgu).


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website