Navigation path

Left navigation

Additional tools

LIFE Natura 2005: Il-Kummissjoni tipprovdi € 69 miljun lil 54 proġett ta' konservazzjoni tan-natura f’20 pajjiż

European Commission - IP/05/1155   19/09/2005

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL

IP/05/1155
Brussell, 19 Settembru 2005

LIFE Natura 2005: Il-Kummissjoni tipprovdi € 69 miljun lil 54 proġett ta' konservazzjoni tan-natura f’20 pajjiż

Il-Kummissjoni Ewropea approvat l-iffinanzjar għal 54 proġett ta’ konservazzjoni tan-natura, li jinsabu f’20 Stat Membru jew pajjiż li se jissieħeb, taħt il-programm LIFE Natura. Il-proġetti se jirrestawraw żoni naturali protetti u l-fawna u l-flora fi ħdanhom, filwaqt li jistabbilixxu strutturi ta' tmexxija sostenibbli u jsaħħu l-kooperazzjoni u l-kuxjenza pubblika mal-partijiet interessati. Għaldaqstant, dawn se jkomplu jikkontribwixxu lejn il-ħolqien tan-netwerk ta’ mkejjen protetti Natura 2000 madwar l-UE kollha. Il-proġetti jinsabu fl-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija; l-Irlanda, l-Italja, il-Latvija, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Polonja, Is-Slovakkja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit u r-Rumanija. HJirrappreżentaw investiment totali ta’ € 125.7 miljun, li minnu l-UE se tkopri 69 miljun.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Stavros Dimas qal: “Ninsab kuntent li qed nara l-fondi Ewropej jassistu l-isforzi lokali, reġjunali u nazzjonali sabiex jitħarsu l-ispeċi naturali u l-ħabitati. Wara li jien stess żort is-siti tal-LIFE Natura, rajt id-differenza li tista' tagħmel din il-kollaborazzjoni dinamika”.

Din is-sena, il-Kummissjoni rċeviet 183 proposta għal finanzjament permezz tal-programm LIFE Natura minn gruppi msieħba ta' entitajiet varji tal-konservazzjoni, awtoritajiet governattivi, NGOs, assoċjazzjonijiet tal-kaċċaturi u d-dilettanti tas-sajd, eċċ. Il-Kummissjoni għażlet 54 minn dawk il-proġetti, li 9 fosthom jinvolvu 2 pajjiżi jew aktar.

Il-biċċa l-kbira tal-proġetti huma mmirati lejn il-konservazzjoni jew ir-restawr ta’ siti Natura 2000 jew netwerks ta’ siti, it-tfassil u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta’ azzjoni jew tmexxija, it-titjib tal-passaġġi ta’ l-ilma, ir-restawr tas-siti, it-tqegħid tas-sisien għat-tmexxija tas-siti fit-tul ta' żmien u l-eliminazzjoni ta' l-ispeċi invażivi. Barra minn hekk, għadd ta’ proġetti huma mmirati lejn it-trobbija u r-rilaxx fl-ambjent naturali ta' speċi fil-periklu ta' l-estinzjoni jew lejn it-tnaqqis tal-qabdiet sekondarji.

2,500 proġett kofinanzjat mill-1992 ’l hawn

Natura 2000 huwa netwerk madwar l-UE kollha ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni u protezzjoni. Kien twaqqaf taħt id-Direttiva ta l-UE dwar il-Ħabitati[1] u jinkorpora wkoll siti identifikati taħt id-Direttiva dwar l-Għasafar[2]. Kollox ma' kollox, jinkludi 'l fuq minn 18,000 sit u jkopri madwar 17.5% tat-territorju tal-15-il Stat Membru ta’ l-UE inizjali (UE-15) – medda ta’ art kbira kważi daqs Franza - u issa qed jiġi estiż għall-Istati Membri l-ġodda.

LIFE huwa l-istrument finanzjarju ta’ l-UE li jassisti l-proġetti ambjentali u ta’ protezzjoni tan-natura madwar l-UE, kif ukoll f’xi pajjiżi kanditati, pajjiżi li se jissieħbu u pajjiżi ġirien. L-għan tiegħu huwa li jikkontribwixxi lejn l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali ta’ l-UE permezz ta’ azzjonijiet speċifiċi ta’ finanzjament. Mill-1992 ’l hawn, LIFE ikkofinanzja madwar 2,500 proġett, billi ħareġ € 1,500 miljun għall-protezzjoni ta’ l-ambjent.

LIFE Natura jikkontribwixxi speċifikament lejn l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar il-Ħabitati u l-Għasafar u, b’mod partikolari, in-Netwerk Ewropew Natura 2000. Iż-żewġ komponenti l-oħra ta’ dan il-programm, LIFE Ambjent u LIFE Terzi Pajjiżi, jikkonċentraw rispettivament fuq id-demostrazzjoni ta’ tekniki ambjentali innovattivi u fuq it-tiswir tal-ħiliet ambjentali fil-pajjiżi ta’ madwar il-baħar Mediterran u dak Baltiku. Għall-proġetti approvati taħt LIFE Ambjent u LIFE Terzi Pajjiżi, ara l-istqarrijiet għall-istampa IP/05/1156 u IP/05/1157.

Il-programm LIFE attwali (“LIFE III”) jispiċċa ma' tmiem l-2006. Il-Kummissjoni pproponiet programm ġdid imsejjaħ “LIFE +”, li jkun japplika mill-2007 sa l-2013 b’baġit ta’ € 2,190 miljun. L-adozzjoni finali u l-baġit tiegħu bħalissa jinsabu pendenti bejn il-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew.

Aktar tagħrif
Ara l-anness għal sommarju tal-proġetti ffinanzjati taħt il-LIFE Nature. Aktar informazzjoni dwar kull proġett tinstab hawnhekk:

http://ec.europa.eu/environment/life/project/index.htm
Aktar tagħrif dwar in-netwerk Natura 2000 jista’ jinġieb minn:

http://ec.europa.eu/environment/nature/home.htm

ANNESS

Ħarsa ġenerali tal-proġetti LIFE Nature matul l-2005 pajjiż pajjiż

L-Awstrija – 2 proġetti

Fi tliet żoni fit-tramuntana u l-lvant ta’ Vjenna jgħixu l-pitarruni (Otis tarda). Bis-saħħa ta’ snin ta’ sforzi sabiex dawn jiġu proġetti u mmaniġjati, il-popolazzjonijiet kumplessivi ilaħħqu madwar 140 tajra. Madankollu, il-biċċa l-kbira taż-żieda annwali li tkun inkisbet permezz tal-ħidma fil-ħabitat u l-protezzjoni tal-bejtiet tintilef meta xi wħud minnhom jittajru għal ġol wajers tal-qawwa elettrika – 20% tal-popolazzjoni adulta mietet f’kolliżjonijiet ta’ dan it-tip fl-2003. L-ewwel proġett jindirizza din il-kwistjoni billi jidfen taħt l-art 43km ta’ wajers tad-dawl u jimmarka 125km ieħor b’tagħmir ta’ twissija li jidher sew.

Fi Styria, ġewwa l-park nazzjonali ta’ Gesäuse, it-tieni proġett jindirizza għadd ta’ attivitajiet ta’ restawr, inkluż it-tneħħija ta’ diga u tal-ġnub tal-konkrit matul ix-xmara Enns u t-tributarji tagħha, u l-introduzzjoni mill-ġdid tal-bhejjem jirgħu f'mergħat mitluqa fil-muntanji.

Il-Belġju – 6 proġetti

L-għan ta’ proġett konġunt bejn NGO tal-konservazzjoni Olandiża u oħra Belġjana max-xmara Dommel (il-provinċji ta' Limburg, il-Belġju u Noord-Brabant, l-Olanda), huwa li jiġu rrestawrati l-ħabitati degradati u jingħaqdu s-siti frammentati billi jinkisbu u jiġu rrestawrati madwar 60 ettaru ta' art.

It-tieni proġett ikopri tliet żoni tat-taħriġ militari fil-Wallonja (Marche-en-Famenne, Elsenborn, Camp Lagland) u se jintegra l-użu militari u l-konservazzjoni tan-natura, inaddaf 380 ettaru ta' xagħri niexef u jtalla' l-livelli ta' l-ilma fil-moxa mgħaddra u l-pantani.

Żewġ proġetti se jirrestawraw il-meded ta' l-art u x-xagħri mistgħadra li fihom tħawlu siġar tal-prinjol fil-Plateau de Tailles fl-Ardennes ċentrali, u madwar Gedinne (Croix Scaille) fl-Ardennes tal-punent.

Il-pjanuri tul ix-xmara Grote Nede bejn Geel u Mol (it-tramuntana tal-Belġju) fihom varjetà ta' ħabitati. Madankollu, dawn huma frammentati u taħt pressjoni mill-effetti ta’ forom intensivi ta' l-użu ta' l-artijiet ta’ biswithom. Dan il-ħames proġett Belġjan ta’ LIFE-Nature se jikseb u jirrestawra 70 ettaru ta’ art sabiex joħloq blokki akbar u aktar koerenti.

Is-sitt proġett huwa wieħed transkonfinanti li jiġbor fih l-amministrazzjonijiet tal-parkijiet naturali fiż-żona konfinanti bejn il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Ġermanja (Rheinland-Pfalz). Dan se jistabbilixxi programm ta’ monitoraġġ tal-lontri u jsawwar inventarju ta’ l-ostakli tul il-passaġġi ta’ l-ilma użati mil-lontri li jpassu (p.eż. qsim ta’ toroq użati ħafna, kanali...). Dan it-tip ta’ xkiel se jiġi mmodifikat bil-proġett, u xtut in-nixxiegħa se jiġu rrestawrati.

Id-Danimarka – 3 proġetti

L-ewwel proġett għandu l-ħsieb li jirrestawra l-meded ta' art mistagħdra elevati f’il fuq minn għaxar siti madwar id-Danimarka, l-aktar f’Jutland. Hu se jimblokka l-gandotti sabiex iwaqqaf l-ilma milli jnixxi ’l barra mill-artijiet mistagħdra.

It-tieni proġett huwa mmirat lejn il-farfett rari Euphydryas aurinia, li naqas fid-Danimarka minħabba li l-ħabitat tiegħu fuq l-artijiet bil-ħaxix jew ma baqax jintuża mill-bdiewa u għalhekk il-veġetazzjoni kibret bla rażan, inkella kien qed jintuża b’mod intensiv wisq.

Mil-lat finanzjarju, it-tielet proġett huwa l-akbar wieħed fil-lista ta’ proġetti ta’ LIFE-Natura għal din is-sena. LIFE se joħroġ € 8 miljuni minn baġit totali ta’ 15-il miljun. Il-mira ta' dan il-proġett hija ħuta mill-familja tas-salamun, il-houting (Coregonus oxyrhynchu), li qed toqrob ferm lejn l-estinzjoni tagħha. L-unika popolazzjoni raġjonevolment vijabbli li għad baqa’ fid-dinja tinsab fix-xmajjar ta’ Jutland tal-lbiċ, minn fejn din tpassi lejn il-Baħar Wadden biex tbid. Il-ħabitat marin tagħha huwa assigurat, iżda l-bidliet fil-morfoloġija tax-xmajjar u s-sajd semi-kummerċjali bix-xbieki li jsir f'din iż-żona wasslu għad-deklin tagħha.

Il-Finlandja – 2 proġetti

Iż-żona għat-taħriġ militari ta’ 1,200 ettaru ta’ Vattaja, fil-Golf ta’ Bothnia (Ostrobothnia), fiha waħda miż-żoni tad-duni l-aktar importanti tal-Finlandja. L-ewwel proġett se jintegra r-rekwiżiti ta’ Natura 2000 fl-attività ta’ taħriġ, billi jirrestawra d-duni li ġarrbu ħsara u jintroduċi mill-ġdid l-bhejjem jirgħu fil-meded ta’ għelieqi u l-mergħat li fihom il-veġetazzjoni kibret bla rażan. L-użu rikreattiv taż-żona se jiġi affaċċjat billi dawk li jżuru l-post jingħaddu minn passaġġi magħżula apposta u jiġi pprevenut l-aċċess għall-aktar żoni sensittivi.

Il-lesser white-fronted goose (Anser erythropus) hija mhedda serjament. It-tieni proġett huwa mmexxi mill-WWF tal-Finlandja flimkien ma’ 9 partners fin-Norveġja, l-Estonja, l-Ungerija u l-Greċja. Dan se jidentifika l-aktar żoni ta’ tgħammir importanti fil-Laplandja u jissalvagwardjawhom u se jintraċċa wkoll il-wiżż li jpassi sabiex jiġu skoperti xi punti ta' tfittxija għall-ikel/waqfien li għadhom mhumiex magħrufa, kif ukoll sabiex jiġu rrestawrati l-punti ta' waqfien fl-Estonia u ż-żoni ta’ tfittxija għall-ikel bla perikli fl-Ungerija.

Franza – 4 proġetti

Tlieta mill-erba’ proġetti jittrattaw il-konservazzjoni ta’ għasafar rari. It-tliet proġetti huma mmexxija minn NGOs bħal-LPO u l-Bretagne Vivante. L-għan huwa li l-popolazzjonijiet attwali jiġu stabbilizzati jew jiżdiedu u jittejjeb l-istatus ta’ l-ispeċi. Se jiddaħħlu wkoll miżuri ta’ tmexxija.

Fil-Corbières tal-Lvant (ir-reġjun ta' Languedoc-Roussillon), hemm inkwistjoni 13-il speċi ta’ għasafar.

It-tieni proġett huwa mmirat lejn ir-roseate tern (Sterna dougallii) fi Bretagne.

It-tielet proġett huwa wieħed tranżnazzjonali sabiex jiġu rrinforzati u kkonservati l-popolazzjonijiet ta’ l-ispanjulett iż-żgħir (lesser kestrel) f’Aude (Franza) u Extremadura (Spanja), abbażi tal-kollaborazzjoni internazzjonali Franko-Spanjola bejn l-NGOs.

Ir-raba’ proġett, li huwa wkoll immexxi minn NGO, jittratta l-preservazzjoni tax-xagħri niexef, l-artijiet tal-pit (peat lands) u l-friefet il-lejl ta' Montselgues, fir-reġjun ta' Rhône-Alpes.

Il-Ġermanja – 7 proġetti

L-għarar naturali se jiġi rrestawrat fuq tul ta' 10 km max-xmara Lappe ħdejn Hamm (Nordrhein-Westfalen), li se jħalli l-effett tiegħu fuq 600 ettaru.

It-tieni proġett huma mmirat lejn l-artijiet bil-ħaxix mistgħadra u l-pantani ħdejn Rosenheim (il-Bavarja). 450 ettaru ta’ art mistgħadra elevata se jiġu rrestawrati permezz ta’ digi fil-kanali tad-dranaġġ u billi jitneħħew is-siġar u l-arbuxelli li kibru bla rażan, f'żona ta' 1,100 ettaru ta' art.

Fin-nofsinhar tal-Foresta s-Sewda, it-tielet proġett huwa mmirat lejn varjetà ta’ ħabitati (artijiet bil-ħaxix tat-tip Nardus, mergħat tal-ħuxlief fil-muntanji, xagħri niexef, imsaġar u artijiet mistgħadra elevati) fl-2,000 ettaru tal-Hotzenwald.

Ir-raba’ proġett huwa mmirat lejn tip ta’ ħabitat li huwa rari ferm fl-Ewropa: bassasiet tal-melħ kontinentali, li jinstabu madwar nixxigħat melħin. Il-proġett jittratta 5 sub-siti ta’ marshes tal-melħ kontinentali madwar ir-reġjun ta’ Brandenburg.

Proġett fil-pajjiż ta' l-għolja Eifel fil-lvant ta' Koblenz (Rheinland-Pfalz) jikkonċentra fuq ix-xagħri niexef u l-artijiet bil-ħaxix tat-tip Nardus. Se jiġi żviluppat u promoss l-ekoturiżmu.

Is-sitt proġett huwa mmirat lejn żona għat-taħriġ militari dekummissjonata ħdejn Cuxhafen, li tikkonsisti f'duni kostali quddiem irqajja tar-ruvru (owk) iimxerrda fostħabitati ta’ artijiet bil-ħaxix. Il-proġett se jintroduċi firxa ta' erbivori kbar (Heck cattle, bisoni, Konik poneys) sabiex jirgħu fit-350 ettaru ta' mergħat imsaġġra.

L-aħħar proġett huwa wieħed tranżnazzjonali u jittratta l-mergħat kostali f’34 sit madwar il-Baltiku - il-biċċa l-kbira fid-Danimarka, imma wkoll fl-Isvezja, fi Schleswig-Holstein (il-Ġermanja) u l-Estonja – inkluża l-gżira ta’ Saltholm, qrib Kopenħagen, li għal bosta ġenerazzjonijiet kienet immexxija minn kooperattiva ta’ ċittadini minn dik il-belt.

Il-Greċja – proġett wieħed

Il-proġett jiffoka fuq il-kunflitti bejn is-sajd u l-konservazzjoni fl-ibħra Griegi ta' l-akbar popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea tal-foka monaka (monk seal jewMonachus monachus), li huwa f’periklu kritiku ta’ estinzjoni mill-Mediterran. Impenjat b’dan il-proġett hemm NGO jisimha MOM, f’kollaborazzjoni mill-qrib mas-sajjieda tal-post.

L-Ungerija – 2 proġetti

Proġett minnhom jikkonċerna 6 siti li flimkien itellgħu 720 ettaru, mxerrda matul il-kuritur tad-Danubju u li, fil-lbiċ, ilkoll fihom artijiet bil-ħaxix varji. L-għan tal-proġett huwa l-elaborazzjoni xierqa ta' skemi agro-ambjentali għat-tipi differenti ta' ħabitati fl-artijiet bil-ħaxix.

Il-proġett l-ieħor huwa wieħed transkonfinanti mar-Rumanija, għall-falkun ta' siequ ħamra (Falco vespertinus). 90% tal-popolazzjoni Ewropea barra mir-Russja hija koperta minn dan il-proġett, li jwassal sa fuq l-Ungerija tal-lvant tad-Danubju u d-distrett ta' Satu Mare fir-Rumanija.

L-Irlanda – proġett wieħed

Ir-Repubblika ta' l-Irlanda fiha eżempji sinifikanti ta' għadd ta' tipi ta' ħabitati ta' msaġar Ewropej prijoritarji. Il-Bord Forestarju Irlandiż jipproponi li jirrestawra l-kwalità ta' l-imsaġar f'disa' siti li jkopru 560 ettaru, fuq perjodu ta' erba' snin. Se jkun hemm konċentrazzjoni fuq l-edukazzjoni u l-kuxjenza pubblika.

L-Italja – 4 proġetti

Żewġ proġetti jinsabu fir-reġjun tal-Pulja, fin-nofsinhar ta' l-Italja: l-ewwel fosthom huwa mmirat lejn ix-xmara Fortore, li tgħaddi minn tliet reġjuni, mill-muntanji Appennini sal-baħar Adrijatiku. Dan se jfassal pjan ta’ tmexxija għas-sit SIK (Sit ta' Importanza Komunitarja, fil-qafas ta' Natura 2000). Din il-parti se titwettaq mill-awtorità tal-baċir tax-xmara - l-ewwel darba li fl-Italja din it-tip ta' awtorità ħejjiet pjan ta' tmexxija ta' Natura 2000. Se tiġi promossa wkoll biedja bbażata aktar fuq il-prinċipji ekoloġiċi fost il-bdiewa ta' l-inħawi. It-tieni proġett huwa mmirat lejn il-protezzjoni tal-ħabitati kostali fi ħdan is-sit Natura 2000 ta’ Torre Guaceto.

Dan is-sit fih żona marina protetta li hija mhedda b'mod partikolari mill-prattiċi ta' agrikoltura intensiva.

Fl-Italja tan-nofsinhar ukoll, imma fil-provinċja ta’ Matera, hemm proġett li jikkonċerna l-konservazzjoni ta’ l-għasafar tal-priża mhedda. Fil-bliet ta’ Matera u Montescaglioso, is-siti tal-bejtiet li jinsabu fuq il-bjut ta' bini antik se jiġu rrestawrati u miżjuda. Fost miżuri oħra, il-proġett se jfittex li jkun hemm l-adozzjoni ta' kodiċi revedut tal-bini, immirat sabiex jiġi evitat li ssir l-ħsara lill-bejtiet u biex jiġu vvantaġġati ċansijiet aħjar għall-ispanjuletti.

Flaħħarnett, fit-Toskana, hemm proġett li se jassigura u jtejjeb l-istatus ta' konservazzjoni ta' ekosistema kostali fil-Park Reġjonali Migliarino-San Rossore- Massaciuccoli, li huwa mhedded mill-pjanti eżotiċi li qed jinvaduh u mill-erożjoni kkawżata mill-impatt eċċessiv tal-viżitaturi. Il-viżitaturi se jingħaddu minn ftit passaġġi apposta.

Il-Latvija – proġett wieħed

Dan il-proġett jinvolvi wkoll lil-Litwanja u l-Estonja. L-għan huwa li jiġu stabbiliti s-sisien għal-żoni marini protetti fi ħdan in-netwerk Natura 2000. Ir-Russja qed tieħu sehem ukoll, sabiex tikseb il-kapaċitajiet dwar iż-żoni marini protetti. Hemm ikkonċernati tlettax-il sit fil-Baltiku tal-lvant bejn Kaliningrad u l-Golf tal-Finlandja. Il-proġett jiġbor flimkien 19-il imsieħeb – entitajiet governattivi, NGOs u istituti tar-riċerka. Il-Ministeru tad-Difiża Latvijan se jforni l-bastimenti.

Il-Litwanja – 2 proġetti

NGO Litwanjana qed tmexxi l-proġett flimkien ma' msieħba fil-Polonja u Brandenburg (il-Ġermanja). L-għan huwa li jiġu protetti l-fkieren ta’ l-ilma ħelu (pond terrapin) Ewropej Emys orbicularis kif ukoll l-amfibjani Bombina bombina (ir-rospu fire-bellied toad) u t-Triturus cristatus (il-gremxula great crested newt). Il-proġett ikopri ix-xlokk tal-Litwanja, il-Park Nazzjonali ta’ Bielowieza, Masuria, ir-reġjun ta’ Poznan-Odra u Uckermark, li jirrappreżenta l-medda l-aktar estrema tat-tramuntana fejn jgħixu dawn il-fkieren.

Il-Curonian Spit u l-laguna li din iddawar huma fost l-aktar pajsaġġi mhux tas-soltu tal-Baltiku. Dawn huma popolarissmi mal-viżitaturi, iżda dan qed iwassal għal problemi bħall-erożjoni tal-ħabitati tad-duni. It-tieni proġett, li huwa bi sħab bejn il-Park Nazzjonali ta’ Curonia, l-Università ta’ Vilnius u NGO tal-konservazzjoni, se jikkontrolla l-influss tal-viżitaturi permezz ta' passaġġi apposta u reċinti. L-impatt tas-sajd fuq l-għasafar marini se jiġi studjat u se jsiru rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward, filwaqt li 1,600 ha ta' artijiet bil-ħaxix u duni degradati se jiġu rrestawrati.

Il-Lussemburgu – proġett wieħed

Ix-xmara Our fil-grigal tal-Lussemburgu għad fiha popolazzjoni sinjifikanti ta' pearl mussels mhedda, iżda r-rati ta' riproduzzjoni huma baxxi u l-individwi huma ġeneralment xjuħ. Proġett bi sħab bejn NGO tal-konservazzjoni u l-ministeru ta’ l-ambjent se tibni ċentru tat-tgħammir fil-kaptività, abbażi ta' tekniki Ċeki.

L-Olanda – proġett wieħed
Il-proġett jikkonċerna duni f’artijiet bil-ħaxix, duni merħija u artijiet bid-duni fix-xagħri niexef fuq il-gżejjer Terschelling, Texel u Vlieland fil-Baħar Wadden, u f’5 siti fuq il-kosta tat-terraferma (Noord-Holland, Zuid-Holland u Zeeland). Dawn il-ħabitati kollha qegħdin jonqsu minħabba l-veġetazzjoni li kibret bla rażan, l-ewtrofikazzjoni u l-inxif. Il-kosti tad-duni huma destinazzjonijiet ewlenin tal-vaganzi mal-baħar, għaldaqstant il-proġett se jenfasizza bil-qawwi l-komunikazzjoni u t-tixrid, kif ukoll ir-restawr ta’ 1,100 ha ta’ duni u l-introduzzjoni mill-ġdid tal-bhejjem li jirgħu f’1,550 ha ieħor.
Il-Polonja – proġett wieħedProġett konġunt mal-Ġermanja jikkonċentra fuq il-konservazzjoni ta’ l-għasfur tal-passa mhedded Acrocephalus paludicola, li m'għadux jidher fil-biċċa l-kbira ta’ l-inħawi fejn kien jinstab fit-tramuntana tal-Ġermanja u l-Polonja minħabba d-degradazzjoni u t-telfien tal-ħabitat. Il-benefiċjarju, li huwa NGO Pollakka (Is-Soċjetà Pollakka għall-Protezzjoni ta' l-Għasafar – OTOP), se jaħdem fi sħab ma’ għadd ta’ NGOs oħrajn u parks nazzjonali, sabiex iżomm milli tiġi estinta l-popolazzjoni billi jkabbar il-kuxjenza, jirrestawra u jestendi il-ħabitati degradati u jistabbilixxi mekkaniżmi ta’ tmexxija mmirati għat-tul ta’ żmien.

Ir-Rumanija – 5 proġetti

Erbgħa mill-ħames proġetti Rumeni għandhom x'jaqsmu ma' l-ispeċi selvaġġi.

Wieħed minnhom jindirizza il-popolazzjoni tal-ftit lifgħat tal-mergħat (Vipera ursini rakosiensis) li għad fadal fit-Transilvanja. Dan ir-rettilu huwa kważi estint - l-uniċi popolazzjonijiet oħra fid-dinja, ilkoll żgħar u mhedda, jinsabu fl-Ungerija.

It-tieni proġett jittratta l-karnivori kbar bħal-lupu (Canis lupus), l-ors (Ursus arctos) u l-linċi (Lynx lynx) fil-kontea ta’ Vrancea.

Żewġ proġetti jindirizzaw speċi ta’ għasafar. Wieħed minnhom huwa mmirat lejn il-popolazzjonijiet ta’ għasafar akkwatiċi tal-pjanuri fejn tfur il-Prut t’isfel u l-ieħor jittratta l-popolazzjonijiet tal-pelikan tad-Dalmazja (Pelicanus crispus), li hija speċi prijoritarija f’dak li huwa finanjament LIFE, fid-delta tad-Danubju.

Il-ħames proġett jikkonċentra fuq il-ħabitati madwar it-territorju Rumen kollu. L-għan tiegħu huwa l-konservazzjoni tal-foresti, il-ħabitati alpini u dawk sub-alpini. Dan se jinkoraġixxi l-investimenti fl-ekoturiżmu fil-komunitajiet lokali u se jħarreġ xi abitanti lokali sabiex isiru gwidi ta’ l-ambjent naturali. Se jifformula wkoll proposti ta' appoġġ għas-sidien ta' l-art privata li jixtiequ jmexxu l-foresti tagħhom f'konformità ma' l-objettivi ta’ Natura 2000, u jippromwovuhom ma' l-awtoritajiet kompetenti.

L-Islovakkja – 2 proġetti

Proġett minnhom huwa mmirat lejn il-popolazzjoni ċkejkna ta’ pitarruni (Otis tarda), li jinsabu fi'żewġ siti bejn Bratislava u l-fruntiera Ungeriża.

Il-proġett l-ieħor jirrigwarda l-artijiet mistgħadra Zahorie fil-punent tal-pajjiż. Parti sinjifikanti mis-siti tinsab f’żona ta’ taħriġ militari. Il-proġett se jwettaq xogħol ta’ restawr bħall-ibblukkar jew il-mili ta' kanali minn fejn jgħaddi l-ilma, it-tneħħija ta' mergħat li fihom il-veġetazzjoni kibret bla rażan u t-titjib ta’ l-idroloġija fil-pantani.

Spanja – 4 proġetti

Proġett immexxi bi sħab ma’ erba’ awtoritajiet lokali - awtorità ta’ l-ilma, fondazzjoni tal-foresterija, fondazzjoni għall-bijodivesità u l-awtorità reġjonali għall-konservazzjoni tan-natura – ikopri l-foresti tal-fagu aċidofilu Atlantiku (Fagus sylvatica) tat-tramuntana ta’ Spanja u l-imsaġar tar-ruvru Galizjo-Portugiż (Quercus robur u Quercus pyrenaica) f'Aiako Harria SCI (Guipuzcoa, Pajjiż il-Baski). Flimkien, dawn se jimplimentaw pjan għal foresterija sostenibbli.

Proġett ieħor jikkonċerna erba’ speċi amfibji protetti taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitati. Dan ikopri l-medda kollha fir-reġjun ta' Valenzja.

Fit-tramuntana ta’ Spanja, hemm proposta għal metodu ta' tmexxija tal-baċir ta' xmara fil-qafas tat-tielet proġett sabiex jittejbu l-popolazzjonijiet tal-mink Ewropew (Mustela lutreola) fil-parti tal-baċir tax-xmara Ebro li tinsab fir-reġjun ta' Navarra.

Ir-raba’ proġett jindirizza l-konservazzjoni ta’ l-għadajjar temporanji Mediterranji fil-gżira Balearika ta’ Minorka. L-għan inizjali huwa li jitjieb l-għarfien tad-dinamiċi u l-evoluzzjoni ta' dan il-ħabitat fraġli u sabiex jitfasslu l-istrumenti legali u tekniċi meħtieġa għall-konservazzjoni tagħhom fit-tul.

L-Iżvezja – 2 proġetti

Il-kontea ta’ Östergötland se twettaq proġett sabiex tirrestawra l-mergħat imsaġġra li fihom hemm s-siġar kbar tar-ruvru fejn tgħix il-ħanfusa mhedda Osmoderma eremite.

Il-proġett l-ieħor jikkonċerna x-xmara Moälven, fit-tramuntana ta’ l-Iżvezja. L-għan tiegħu huwa r-restawrazzjoni tal-qiegħ fejn ibid is-salamun u sabiex jiġu stallati s-slielem tal-ħut (fish ladders) ħalli x-xmara tinfetaħ mill-ġdid għall-migrazzjoni. Dawn l-azzjonijiet se jkunu wkoll ta’ benefiċċju għall-mollusk tal-perli.

Ir-Renju Unit – 3 proġetti

L-ewwel proġett huwa programm ta’ restorazzjoni li jikkonċerna x-xmara Avon fin-nofsinhar ta’ l-Ingilterra. L-għan tiegħu huwa li jiġu rrestawrati l-ħabitati u l-kundizzjonijiet tal-passaġġi ta’ l-ilma għal speċi assoċjati f'sitt siti ta' demostrazzjoni matul ix-xmara.

It-tieni proġett huwa azzjoni vitali ta’ konservazzjoni għall-protezzjoni tal-popolazzjoni Ewropea tal-papra ta’ rasha bajda (Oxyura leucocephala) li hija mhedda mill-papra ħamranija (ruddy duck). Programm ta’ ħames snin se jeqred il-papra ħamranija fir-RU u se jipprovdi pariri dwar kif tista’ tinqered din l-ispeċi mill-bqija ta’ l-Ewropa.

It-tielet proġett jindirizza t-theddid lill-għasafar li jitgħammru fuq il-gżejjer wara li, aċċidentalment, iddaħħlu xi predaturi. Bl-appoġġ tan-nies tal-post, il-kumpaniji tat-traġitt u l-viżitaturi, il-gżira ta' Canna, 'il hinn mill-Iskozja tal-Punent, se titnaddaf mill-firien u se jitpoġġew fuqha sistemi effettivi ta’ monitoraġġ sabiex jiġi żgurat li l-gżira tibqa’ ħielsa mill-firien.


[1] Id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa

[2] Id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website