Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/04/1191

Brussel, 6 October 2004

L-Istati Uniti -Boeing: L-UE tieħu l-Istati Uniti quddiem id-WTO fuq sussidji mogħtija lill-Boeing

Illum, l-UE talbet konsultazzjonijiet ma’ l-Istati Uniti fl-Organizazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fuq sussidji allegatament mogħtija lill-Boeing. L-UE temmen li dawn is-sussidji huma fi ksur serju tal-Ftehim tad-WTO fuq is-Sussidji u l-Miżuri Kompensatorji. L-Istati Uniti qajmu każ rigward l-appoġġ Ewropew lill-Airbus aktar qabel fil-ġurnata. Il-Kummissarju għall-Kummerċ ta’ l-UE Pascal Lamy qal: “Il-mossa ta’ l-Istati Uniti fil-WTO rigward l-appoġġ Ewropew lill-Airbus hija ovvjament tentattiv biex iddawwar l-attenzjoni minn fuq it-tnaqqis ta’ qawwa li ġabet fuqha nnifisha l-Boeing. Turi wkoll li l-Istati Uniti qatt ma kienu serjament interessati li jfittxu li jinnegozjaw mill-ġdid il-Ftehim Bilaterali eżistenti 92 UE - l-Istati Uniti, li dawn ta’ l-aħħar ilhom il-ħin kollu jiksru. Jekk din hija t-triq li għażlu l-Istati Uniti, aħna naċċettaw l-isfida, l-aktar għaliex wasal iż-żmien li jintemmu s-sussidji enormi illegali li qed tagħti l-Istati Uniti lill-Boeing u li jagħmlu ħsara lill-Airbus, b’mod partikolari dawk mogħtija għall-programm 7E7 ġdid tal-Boeing Madankollu, hija ħasra li l-Istati Uniti għażlu li jidħlu għal-litigazzjoni li tista’ tiddestabilizza l-kummerċ u l-investiment , inkluż il-proġett 7E7 tal-Boeing. Dawk li jaħdmu fl-industrija ta’ l-aerospazju fuq iż-żewġ naħat ta’ l-Atlantiku jistgħu jqumu għada filgħodu u jsibu x-xogħol tagħhom aktar inċert.”

Għal ħafna snin il-Gvern ta’ l-Istati Uniti ssussidja lill-Boeing, primarjament billi ħallas l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp min-NASA, id-Dipartiment tad-Difiża, id-Dipartiment tal-Kummerċ u aġenziji oħra tal-gvern. Sa mill-1992 il-Boeing irċeviet madwar $ 23 biljun f’sussidji mill-Istati Uniti. Barra minn hekk, il-Gvern ta’ l-Istati Uniti jkompli jagħti lill-Boeing madwar 200 miljun USD kull sena f’ sussidji ta' l-esportazzjoni taħt l-Att ta' l-Esklużjoni tad-Dħul Extraterritorjali (Extraterritorial Income Exclusion Act) (is-suċċessur tal-“FSC” - Foreign Sales Corporations legislation), minkejja deċiżjoni tad- WTO li ddikjarat b’mod espress dawn is-sussidji bħala illegali.

Il-ksur l-aktar riċenti u skandaluż jikkonsisti f’sussidji enormi ta’ madwar US $ 3.2 biljun, inter alia fil-forma ta’ tnaqqis mit-taxxa u eżenzjonijiet u għajnuna għall-infrastruttura għall-iżvilupp u l-produzzjoni tad-7E7 tal-Boeing, magħruf ukoll bħala « Dreamliner ». L-evidenza li l-Kummissjoni Ewropea ġabret matul is-snin turi b’mod ċar li s-sussidji msemmija hawn fuq jiksru l-Ftehim tad-WTO fuq is-Sussidji u Miżuri Kompensatorji.

Barra minn dan, huma kisru wkoll il-Ftehim tal-1992 bejn l-UE u l-Istati Uniti fuq il-Kummerċ ta’ l-Inġenji ta’ l-Ajru Ċivili Kbar (Agreement on Trade in Large Civil Aircraft) li jirregola preċiżament il-forom u l-livell ta' għajnuna mill-gvern li l-Istati Uniti u l-UE jagħtu lill-Boeing u lill-Airbus rispettivament.

Minkejja stedin kontinwu mill-Kummissjoni, l-Istati Uniti rrifjutaw għal aktar minn sentejn li jieħdu sehem f’konsultazzjonijiet bilaterali stipulati bil-Ftehim tal-1992.

Madankollu, wara talba ta’ l-Istati Uniti ta’ ftit gimgħat ilu biss, il-Kummissjoni qablet li tiddiskuti l-kwistjoni ta’ reviżjoni possibbli għall-Ftehim ta’ l-1992, dejjem jekk din tkun tkopri l-forom kollha ta’ sussidji li jinkludu wkoll dawk użati fl-Istati Uniti, u li l-Istati Uniti jġibu kull sussidju għall-Boeing 7E7 f’konformita’ mal-Ftehim tal-1992.

Fl-aħħar, u eżattament meta dawn id-diskussjonijiet kienu għaddejjin (l-aktar riċenti f’laqgħa kostruttiva fis-16 ta’ Settembru), l-Istati Uniti talbu għall-konsultazzjonijiet mad-WTO fuq l-għajnuna Ewropea lill-Airbus. Dan jissuġġerixxi li t-talba ta’ l-Istati Uniti għan-negozjati mill-ġdid tal-Ftehim tal-1992 qatt ma kienet partikolarment serja.

Proċeduri ta’ konsultazzjoni u arranġament tat-tilwim tad-WTO

L-ewwel pass fil-proċess ta’ arranġament ta’ tilwima fid-WTO huwa talba għall-konsultazzjoni mill-membru li qiegħed jilmenta. L-imħarrek għandu għaxart ijiem sabiex iwieġeb għat-talba u se jidħol f’konsultazzjoni fi żmien perjodu ta’ mhux aktar minn 30 jum (sakemm iż-żewġ partijiet ma jiftehmux bejniethom mod ieħor). Il-konsultazzjoni għandha timmira li ssib soluzzjoni pożittiva għall-kwistjoni involuta.

Jekk il-konsultazzjonijiet jonqsu milli jwasslu għal ftehim dwar it-tilwima fi żmien 60 jum wara d-data ta’ riċevuta tat-talba għall-konsultazzjoni, il-parti li qiegħda tilmenta tista’ titlob lill-Korp għall-arranġament tat-Tilwim (DSB) sabiex iwaqqaf Panel (madankollu, il-parti li qiegħda tilmenta tista’ titlob għal panel matul il-perjodu ta’ 60 jum jekk iż-2 partijiet jikkonsidraw li l-konsultazzjonijiet naqsu milli jwasslu għal ftehim).

Ladarba l-membri tal-panel jiġu nnominati, il-proċedura hija li l-parti li qiegħda tilmenta għandha bejn 3 u 6 gimgħat sabiex tressaq l-ewwel sottomissjoni tagħha bil-miktub u l-parti li kontriha qiegħed isir l-ilment għandha 2/3 ġimgħat sabiex twieġeb. Isegwu żewġ seduti orali u t-tieni sottomissjoni bil-miktub. Fuq medja, proċedura ta’ panel iddum 12-il xahar. Din tista’ tkun segwita minn appell li ma għandux idum iżjed minn 90 jum.

Għal aktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/trade/issues/sectoral/industry/aircraft/index_en.htm

http://ec.europa.eu/trade/issues/respectrules/dispute/index_en.htm


Side Bar