Navigation path

Left navigation

Additional tools

P. Nikiforos Diamandouros

Ombudsman Ewropew

Ombudsman Ewropew

EO/13/14

30 ta' Settembru 2013

Emily O'Reilly tibda l-ħidma bħala Ombudsman Ewropew

B’segwitu tal-elezzjoni tagħha mill-Parlament Ewropew f’Lulju, Emily O'Reilly se tirriżenja bħala l-Ombudsman Irlandiż u se tibda l-ħidma bħala l-Ombudsman Ewropew fl-1 ta’ Ottubru 2013. Hija ser ssegwi lil P. Nikiforos Diamandouros, li se jirtira wara li serva bħala l-Ombudsman Ewropew għal aktar minn għaxar snin.

F’kumment dwar ir-rwol ġdid tagħha, O’Reilly iddikjarat: "L-Ewropa qed tiffaċċja mhux biss kriżi ekonomika iżda wkoll kriżi ta’ leġittimità politika. In-negattività u d-diviżjoni qed jikbru tul l-Ewropa, il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet Ewropej qed tonqos, u ħafna jħossu li l-vuċi tagħhom sempliċiment ma tgħoddx. Dan jagħmel l-2014 sena kruċjali għall-Ewropa u l-futur tal-Unjoni Ewropea. Wieħed mir-rwoli proattivi tiegħi bħala Ombudsman huwa li nissottolinja t-tħassib taċ-ċittadini u ngħin biex ngħaqqad din il-lakuna wiesgħa bejniethom u l-istituzzjonijiet tal-UE.

Għoxrin sena wara li nħolqot il-Kariga tal-Ombudsman Ewropew taħt it-Trattat ta’ Maastricht, wasal iż-żmien li jitqies mill-ġdid il-fokus tiegħu, bil-għan li jissaħħu l-impatt u l-viżibbiltà tiegħu. Iċ-ċittadini u r-residenti kollha tal-UE għandhom jibbenefikaw minn amministrazzjoni effettiva, iffokata kompletament biex isservi l-ħtiġijiet tagħhom. Ser nibni fuq il-kisbiet kbar tal-predeċessur tiegħi biex l-amministrazzjoni tal-UE ssir aktar trasparenti u effiċjenti u se naħdem mal-persunal eċċellenti u impenjat tal-Ombudsman Ewropew sabiex jinħolqu enerġija u effikaċja mġedda lill-Kariga.

Hija l-intenzjoni ulterjuri tiegħi li nikkoopera mal-Parlament Ewropew u biex nimpenja ruħi b’mod proattiv mal-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE f’isem id-drittijiet u l-interessi taċ-ċittadini.”

Il-ħidma tal-Ombudsman Ewropew

Kull sena, l-Ombudsman Ewropew jirċievi madwar 2 500 ilment minn ċittadini, impriżi, NGOs, universitajiet, muniċipalitajiet, u entitajiet oħra. Kull sena, l-istituzzjoni tniedi aktar minn 450 investigazzjoni. Ħafna minn dawn huma bbażati fuq ilmenti dwar nuqqas ta’ trasparenza fl-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż rifjut ta’ aċċess għal dokumenti jew informazzjoni. Każijiet oħra jirrigwardaw problemi ma’ programmi jew proġetti tal-UE, diskriminazzjoni, jew kunflitti ta’ interess fl-amministrazzjoni tal-UE.

Aktar informazzjoni dwar l-Ombudsman Ewropew il-ġdid hija disponibbli fuq is-sit: http://www.ombudsman.europa.eu/resources/otherdocument.faces/mt/50735/html.bookmark

L-Ombudsman Ewropew jinvestiga lmenti dwar amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet u fil-korpi tal-UE. Kull ċittadin, resident, jew intrapriża jew assoċjazzjoni tal-UE f’xi Stat Membru jistgħu jressqu lment quddiem l-Ombudsman. L-Ombudsman joffri mezz mgħaġġel, flessibbli, u bla ħlas kif jiġu solvuti l-problemi mal-amministrazzjoni tal-UE. Għal aktar informazzjoni: http://www.ombudsman.europa.eu

Għal domandi mill-istampa: Is-Sinjura Gundi Gadesmann, Deputat Kap tal-Unità tal-Komunikazzjoni, tel.: +32 2 284 26 09, Twitter @GundiGadesmann, @EUombudsman


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website