Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ir-riżultati rrappurtati tal-kontrolli tal-infiq agrikolu tal-UE mwettqa mill-Istati Membri mhumiex affidabbli, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Court of Auditors - ECA/14/8   17/03/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Stqarrija għall-Istampa

ECA/14/08
Il-Lussemburgu, is-17 ta' Marzu 2014

Ir-riżultati rrappurtati tal-kontrolli tal-infiq agrikolu tal-UE mwettqa mill-Istati Membri mhumiex affidabbli, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Rapport ippubblikat illum mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) jiżvela li r-riżultati tal-kontrolli tal-infiq agrikolu mwettqa mill-Istati Membri u rrappurtati lill-Kummissjoni mhumiex affidabbli. Il-Kummissjoni tuża din l-informazzjoni biex tistma r-rati tal-iżball residwu li huma ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza.

L-Istati Membri għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar li l-għajnuna agrikola mill-UE titqassam lill-benefiċjarji f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE,” iddikjarat is-Sinjura Rasa Budbergytė, il-Membru tal-QEA responsabbli mir-rapport. “Għaldaqstant, huma jridu jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni affidabbli dwar ir-riżultati tal-kontrolli tagħhom sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tistma aħjar l-impatt ta' irregolaritajiet fil-pagamenti li saru”.

Il-Kummissjoni Ewropea taqsam ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni (PAK) mal-Istati Membri. L-appoġġ għall-bdiewa tal-UE huwa amministrat u mħallas minn aġenziji tal-pagamenti nazzjonali jew reġjonali, li jirrappurtaw lura lill-Kummissjoni. Korpi indipendenti taċ-ċertifikazzjoni maħtura mill-Istati Membri jiċċertifikaw lill-Kummissjoni l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-aġenziji tal-pagamenti u l-kwalità tas-sistemi ta' kontroll li dawn l-aġenziji jkunu stabbilixxew.

L-aġenziji tal-pagamenti jwettqu kontrolli fuq applikazzjonijiet għall-għajnuna minn bdiewa sabiex jivverifikaw l-eliġibbiltà tagħhom. Huma jwettqu wkoll kontrolli fuq il-post ta' kampjun ta' applikanti. Żbalji li jinqabdu permezz ta' dawn il-kontrolli jwasslu għal tnaqqis fl-ammont ta' għajnuna li tkun tista' titħallas lill-applikant. L-Istati Membri jirrappurtaw b'mod annwali r-riżultati ta' dawn il-kontrolli lill-Kummissjoni permezz ta' rapporti ta' statistika. Dawn jiffurmaw l-elementi importanti għall-istima mill-Kummissjoni ta' rata tal-iżball residwu li hija meqjusa li tirrappreżenta l-impatt finanzjarju, espressa bħala perċentwal tal-ammont ta' pagamenti, tal-irregolaritajiet fil-pagamenti li jkunu saru wara li jkunu twettqu l-kontrolli kollha.

Il-QEA kkonkludiet li r-rapporti ta' statistika tal-Istati Membri mhumiex affidabbli kemm minħabba żbalji fil-kumpilazzjoni kif ukoll minħabba li s-sistemi għall-kontrolli amministrattivi u fuq il-post huma biss parzjalment effettivi fil-qbid ta' nfiq irregolari. Barra minn hekk, ix-xogħol tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni ma jipprovdix aċċertament suffiċjenti la dwar l-adegwatezza tal-kontrolli fuq il-post u lanqas dwar l-affidabbiltà tar-rapporti ta' statistika. Fl-aħħar nett, l-awdituri tal-UE ma jqisux l-aġġustamenti tal-Kummissjoni tar-rati ta' żball li jirriżultaw mir-rapporti bħala statistikament validi.

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew suġġetti ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (RS Nru 18/2013) - intitolat "L-affidabbiltà tar-riżultati ta' kontrolli tal-Istati Membri tan-nefqa agrikola" – ivvaluta l-affidabbiltà tar-rapporti ta' statistika tal-Istati Membri li fihom ir-riżultati tal-kontrolli amministrattivi u fuq il-post kif ukoll il-validità statistika tar-rata tal-iżball residwu tal-Kummissjoni bbażata fuq dawn ir-rapporti.

Dan l-awditu u awditi preċedenti mill-QEA, kif ukoll l-awditi tal-Kummissjoni, juru li s-sistemi fis-seħħ għall-kontrolli amministrattivi u fuq il-post huma biss parzjalment effettivi, u b'hekk idgħajfu serjament l-affidabbiltà tal-informazzjoni li l-Istati Membri jagħtu lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni toħroġ linji gwida għall-kompilazzjoni tar-rapporti ta' statistika. Madankollu, l-awditu wera li dawn il-linji gwida mhux dejjem jiġu implimentati b'mod korrett. Il-biċċa l-kbira mill-aġenziji tal-pagamenti ma jiżgurawx il-preċiżjoni tar-rapporti qabel dawn jiġu sottomessi lill-Kummissjoni.

Il-QEA kkonkludiet ukoll li x-xogħol imwettaq attwalment mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni ma jipprovdix biżżejjed aċċertament la fuq l-adegwatezza tal-kontrolli fuq il-post u lanqas fuq l-affidabbiltà tar-rapporti ta' statistika. L-analiżi limitata tal-istatistika tal-Istati Membri mill-Kummissjoni wkoll ma tistax tiżgura l-affidabbiltà tal-istess statistika.

Minħabba d-dgħufijiet dettaljati fir-rapport, l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni ma tipprovdihiex b'bażi affidabbli biex tiġi stmata r-rata tal-iżball residwu. Barra minn hekk, l-aġġustamenti tal-Kummissjoni tar-rati ta' żball derivati mir-rapporti ta' statistika mhumiex statistikament validi u lanqas, bħala konsegwenza ta' dan, mhija r-rata tal-iżball residwu li tirriżulta.

Fuq il-bażi tas-sejbiet tagħha, il-QEA rrakkomandat li:

  • il-kontrolli amministrattivi u fuq il-post jitwettqu b'mod aktar rigoruż mill-aġenziji tal-pagamenti u li tittejjeb il-kwalità tad-databases tas-Sistema ta' Identifikazzjoni tal-Ħbula tar-Raba';

  • jiġu ċċarati l-linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta' sistemi adegwati ta' kontroll u għall-kompilazzjoni tar-rapporti ta' statistika u li l-implimentazzjoni tagħhom tiġi mmonitorjata aktar strettament;

  • jiġu emendati l-linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni biex jiżdied id-daqs tal-kampjuni ttestjati ta' kontrolli fuq il-post, biex jiġi meħtieġ it-twettiq mill-ġdid tal-kontrolli, u biex tiġi vverifikata l-kompilazzjoni tar-rapporti ta' statistika aktar mill-qrib;

  • il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid is-sistema attwali ta' rappurtar li l-aġenziji tal-pagamenti huma suġġetti għaliha sabiex tiżgura li, fl-aktar żmien xieraq, tirċievi informazzjoni kompleta u rilevanti li hija tkun tista' tuża fil-proċedura ta' kwittanza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha żżid ukoll l-effettività tal-verifikazzjonijiet tagħha fl-uffiċċju u fuq il-post tar-rapporti ta' statistika tal-Istati Membri;

  • il-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa biex tasal għal stima statistikament valida tal-irregolaritajiet fil-pagamenti, fuq il-bażi tax-xogħol tal-aġenziji tal-pagamenti u r-rwol estiż tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni dment li jsir titjib suffiċjenti fix-xogħol ta' dawk il-korpi.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website