Navigation path

Left navigation

Additional tools


IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/14/06

Il-Lussemburgu, l-4 ta' Marzu 2014

Il-Kummissjoni tal-UE timplimenta rakkomandazzjonijiet tal-awditjar b'mod adegwat, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Rapport ippubblikat illum mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) jikkonkludi li l-Kummissjoni tal-UE ssegwi u timplimenta b'mod adegwat il-maġġoranza kbira tar-rakkomandazzjonijiet tal-QEA u li dan ikkontribwixxa għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja f'għadd ta' oqsma tal-baġit tal-UE.

"Il-QEA żżid il-valur billi tapplika l-ispeċjalizzazzjoni tagħha biex tidentifika modi kif il-ġestjoni finanzjarja tista' tittejjeb," iddikjara s-Sur Henrik Otbo, il-Membru tal-QEA responsabbli għar-rapport, "Bil-Kummissjoni tal-UE tieħu l-pariri tagħna u timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tagħna, qegħdin inwettqu l-missjoni tagħna – li ngħinu lill-UE taħdem aħjar."

Ir-rapport 2012 dwar is-segwitu għar-Rapporti Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri vvaluta jekk il-Kummissjoni segwietx b'mod adegwat ir-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar li saru mill-QEA fir-rapporti speċjali tagħha. L-analiżi eżaminat kampjun ta' 62 rakkomandazzjoni minn 10 rapporti speċjali mill-2006-2010. Il-QEA vvalutat l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni b'rispons għal dawn it-62 rakkomandazzjoni u sabet li 83 % kienu implimentati bis-sħiħ jew implimentati fil-parti l-kbira tal-aspetti, 12 % kienu ġew implimentati f'xi aspetti , filwaqt li 5 % ma kinux ġew implimentati. L-analiżi wriet ukoll li l-Kummissjoni għandha linji gwida u proċeduri xierqa stabbiliti li jikkonċernaw l-attivitajiet ta' segwitu tagħha.

L-istandards internazzjonali tal-awditjar iqisu s-segwitu għal rapporti tal-awditjar bħala l-istadju finali fiċ-ċiklu tal-awditi tal-prestazzjoni tal-ippjanar, l-eżekuzzjoni u s-segwitu.

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew suġġetti ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE. Dawn ta' spiss ikunu awditi tal-prestazzjoni.

Skont l-istandards internazzjonali tal-awditjar, is-segwitu għal rapporti tal-awditjar huwa l-istadju finali fiċ-ċiklu tal-awditjar tal-prestazzjoni tal-ippjanar, l-eżekuzzjoni u s-segwitu. Is-segwitu għar-rapporti tal-awditjar tal-prestazzjoni tal-QEA huwa element meħtieġ fiċ-ċiklu tal-obbligu ta' rendikont u jgħin biex titħeġġeġ l-implimentazzjoni effettiva mill-Kummissjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapporti.

Ir-rapport 2012 dwar is-segwitu għar-Rapporti Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (19/2013) vvaluita jekk il-Kummissjoni segwietx b'mod adegwat ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-QEA fir-rapporti speċjali tagħha. Dan ġie ripartit f'żewġ submistoqsijiet: il-Kummissjoni stabbilixxiet linji gwida u proċeduri xierqa għal attivitajiet ta' segwitu, u l-Kummissjoni għandha informazzjoni adegwata u affidabbli ta' ġestjoni dwar ir-rakkomandazzjoniet tal-awditjar u l-istat ta' implimentazzjoni tagħhom?

L-analiżi tal-QEA inkludiet eżaminar tas-segwitu mill-Kummissjoni għal kampjun ta' 62 rakkomandazzjoni minn 10 rapporti speċjali adottati mill-QEA matul il-perjodu 2006-2010. Għal dan il-kampjun il-Qorti vvalutat l-istatus attwali tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u l-informazzjoni ta' ġestjoni tal-Kummissjoni stess li tikkonċerna l-istatus ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Il-Qorti analizzat ukoll proċeduri rilevanti tad-direttorati ġenerali u wettqet analiżi ta' manwali, linji gwida, pjanijiet, u rapporti ppubblikati, b'fokus partikolari fuq dawk relatati mal-applikazzjoni RAD (Rakkomandazzjoni, Azzjoni, Kwittanza). RAD hija għodda tal-IT użata mill-Kummissjoni biex timmonitorja s-segwitu tagħha għar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar mill-QEA u t-talbiet li jsiru mill-awtorita ta' kwittanza fil-qafas tal-proċedura ta' kwittanza baġitarja.

L-analiżi kkonkludiet li l-Kummissjoni ssegwi b'mod adegwat ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti. Għaldaqstant, l-analiżi ta' kampjun ta' rakkomandazzjonijiet wriet li l-Kummissjoni implimentat 83 % tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti, jew bis-sħiħ jew inkella fil-parti l-kbira tal-aspetti, u dan ikkontribwixxa lejn it-titjib tal-ġestjoni finanzjarja f'għadd ta' oqsma tal-baġit tal-UE. Instab li l-Kummissjoni għandha linji gwida u proċeduri xierqa stabbiliti li jikkonċernaw l-attivitajiet ta' segwitu tagħha.

Il-QEA enfasizzat it-titjib fil-monitoraġġ ta' informazzjoni affidabbli dwar il-prestazzjoni bħala eżempji ta' rakkomandazzjonijiet tal-awditjar li ġew implimentati wara r-rapporti speċjali tal-QEA. Ġie nnutat titjib f'għadd ta' oqsma analizzati. L-ewwel nett, filwaqt li l-abbozz tar-Regolamenti tal-Fond ta' Koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 għadu fundamentalment ibbażat fuq l-input, huma fihom dispożizzjonijiet għal approċċ aktar b'saħħtu li huwa orjentat lejn ir-riżultati, li jinkludi indikaturi għall-output u għar-riżultati mistennija [koeżjoni]. It-tieni nett, fir-rigward tal-programm ta' għajnuna tal-UE għall-frott u l-ħxejjex fl-agrikoltura, il-ġbir tad-data minn Stati Membri tjieb bl-għajnuna ta' linji gwida, mudelli, u softwer tal-IT ġodda mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, ġie nnutat ukoll titjib fir-rappurtar, fil-monitoraġġ u fil-komunikazzjoni minn dawk li kienu qed iwasslu l-programm ta' riabilitazzjoni wara z-Tsunami fl-Oċean Indjan (azzjonijiet esterni).

Eżempji oħra jinsabu fit-test tar-rapport speċjali disponibbli fit-23 lingwa tal-UE fuq eca.europa.eu.

Preċedentement, il-QEA segwiet l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-QEA fir-rapport speċjali Nru 19/2012 disponibbli hawn: http://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR12_19/SR12_19_MT.PDF


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website