Navigation path

Left navigation

Additional tools


Il-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/15/04

Il-Lussemburgu, is-17 ta' Jannar 2014

LIFE jeħtieġ titjib fit-tfassil u fl-implimentazzjoni, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Rapport ippubblikat illum mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) jappella lill-Kummissjoni tal-UE biex iżżid l-effettività tal-programm LIFE billi ttejjeb it-tixrid u r-replikazzjoni ta' proġetti ambjentali li rnexxew.

Huwa ċar li t-tixrid u r-replikazzjoni ta' proġetti LIFE huma insuffiċjenti, u dan inaqqas b'mod sinifikanti l-kapaċità tal-programm biex jaġixxi bħala katalist għall-bidla ambjentali, li huwa l-objettiv ġenerali tiegħu,” stqarr is-Sur Jan Kinšt, il-Membru tal-QEA responsabbli għar-rapport.

Il-politika ambjentali tal-UE hija integrata fl-oqsma ta’ politika ta' nfiq prinċipali tagħha, bħall-fondi strutturali u l-politika agrikola komuni. LIFE (L’Instrument Financier pour l’Environnement), u b'mod partikolari l-komponent ambjentali tiegħu, huwa strument finanzjarju speċifiku mfassal biex iservi bħala pjattaforma għall-iżvilupp u l-iskambju ta' prattiki tajbin u biex ikun kataliżi għal u jaċċelera żviluppi fil-politika ambjentali tal-UE. Għalhekk, l-effettività tiegħu hija ddeterminata ferm minn jekk il-proġetti ffinanzjati jservux ta’ katalisti għall-bidla ambjentali. LIFE huwa ġestit direttament mill-Kummissjoni.

Il-programm LIFE l-aktar reċenti kopra l-perjodu 2007-2013 u kellu baġit annwali medju ta' EUR 239 miljun għal proġetti ta' finanzjament - inqas minn 1,5 % tan-nefqa kumplessiva stmata tal-UE relatata mal-ambjent.

L-awditu sab li n-nuqqas ta' mekkaniżmu biex jimmira r-riżorsi skarsi fuq objettivi magħżula minn qabel irriżulta f'nuqqas ta’ massa kritika ta’ proġetti tajbin għall-promozzjoni ta' żviluppi bi skop fil-politika ambjentali tal-UE. Minbarra dan, l-allokazzjonijiet nazzjonali indikattivi xekklu l-għażla tal-aħjar proġetti peress li l-proġetti ma kinux magħżula biss fuq il-bażi tal-mertu tagħhom iżda wkoll skont l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom.

L-Awdituri tal-UE ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li l-Kummissjoni ma ġġustifikatx biżżejjed l-għażla ta' proġetti u li, ukoll jekk xi proġetti appoġġati kisbu riżultati pożittivi, il-programm ma ssodisfax ir-rwol fundamentali tiegħu li jiżgura t-tixrid u r-replikazzjoni effettivi tagħhom.

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew suġġetti ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (RS Nru 15/2013) huwa intitolat "Il-komponent Ambjent tal-programm LIFE kien effettiv?". Huwa eżamina jekk it-tfassil u l-implimentazzjoni tiegħu kkontribwixxewx għall-effettività tal-programm. Fi proġetti tal-awditjar iffinanzjati bejn l-2005 u l-2010, l-Awdituri tal-UE żaru s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u ħames Stati Membri minn fost l-akbar benefiċjarji tal-LIFE (il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit), li jirrappreżentaw 55 % tal-baġit tal-LIFE u 15 % tal-proġetti tiegħu.

Il-Qorti sabet li kumplessivament, il-komponent Ambjent ta' LIFE ma kienx qed jopera b’mod effettiv minħabba li ma kienx imfassal u implimentat tajjeb biżżejjed.

Fuq il-bażi tas-sejbiet tagħha, il-QEA rrakkomandat li:

  • Fl-istabbiliment tal-programmi ta’ ħidma pluriennali previsti fil-programm LIFE l-ġdid, l-awtoritajiet leġiżlattivi għandhom jippermettu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrestrinġu l-applikazzjonijiet eliġibbli għal prijoritajiet strateġiċi limitati, u jistabbilixxu objettivi ċari, speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u li jistgħu jintlaħqu għall-proġetti li se jiġu ffinanzjati. Għadd limitat ta’ prijoritajiet stabbiliti għal numru ta’ snin jissimplifikaw il-proċess tal-għażla, jikkonċentraw l-isforzi fuq kwistjonijiet speċifiċi u jiffaċilitaw l-evalwazzjoni tal-impatt tal-programm.

  • Il-proposta tal-Kummissjoni għall-programm LIFE l-ġdid ittemm l-allokazzjoni nazzjonali għal proġetti tradizzjonali iżda żżomm bilanċ ġeografiku għal proġetti Integrati. Fl-applikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-proġetti Integrati jiġu magħżula fuq il-bażi tal-mertu tagħhom, u li l-bilanċ ġeografiku ma għandux jikser il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-applikanti.

  • Il-Kummissjoni għandha ttejjeb il-formoli ta’ evalwazzjoni għall-għażla tal-proġetti u teħtieġ li l-evalwaturi jipprovdu valutazzjonijiet u punteġġi separati għal aspetti maġġuri tal-proġetti (bħan-natura innovattiva jew dimostrattiva tal-proposta, il-kwalità tal-azzjonijiet ta’ tixrid ippjanati, jew il-potenzjal għar-replikazzjoni tar-riżultati), sabiex ittejjeb il-kwalità u t-trasparenza tal-proċess tal-għażla u biex tiżgura li l-proġetti magħżula jkollhom il-potenzjal li jikkontribwixxu l-aktar lejn l-ilħuq tal-objettivi tal-programm.

  • Il-Kummissjoni għandha ttejjeb l-għodod għall-ġestjoni tal-programm tagħha u tikkunsidra li tintroduċi indikaturi komuni u adegwati tal-output u tar-riżultati kif ukoll informazzjoni ta’ segwitu fil-livell tal-proġett, sabiex tiffaċilita monitoraġġ xieraq tal-programm. Kemm jista’ jkun possibbli, tali indikaturi għandhom ikunu rilevanti, aċċettati, kredibbli, faċli u robusti (kriterji “RACER”).

  • Il-Kummissjoni għandha ttejjeb il-valutazzjoni tagħha tar-raġonevolezza tal-ispejjeż tal-persunal ikklejmjati, b’mod partikolari għal proġetti kumparabbli, billi jsir użu aħjar mill-informazzjoni miġbura matul il-fażi ta’ monitoraġġ. Imbagħad, din tkun tista’ tintuża aħjar biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tal-ispejjeż eċċessivi.

  • Il-Kummissjoni għandha teħtieġ li t-tim ta’ monitoraġġ jinkludi, fil-valutazzjonijiet tiegħu, analiżi kritika tal-miżuri ta' tixrid, sostenibbiltà u replikazzjoni proposti mill-benefiċjarju u tal-ostakoli potenzjali li jistgħu jxekkluhom, kemm fir-rapporti ta’ evalwazzjoni tiegħu matul l-implimentazzjoni tal-proġetti kif ukoll fir-rapporti tiegħu dwar iż-żjarat ex post.

  • Il-Kummissjoni għandha tqis kif tista’ tħeġġeġ aktar it-tixrid u r-replikazzjoni tar-riżultati tal-proġetti minn benefiċjarji privati li jixtiequ jipproteġu l-interessi kummerċjali tagħhom.

  • Il-Kummissjoni għandha tqis kif tista’ teħtieġ lill-benefiċjarji jippreżentaw elettronikament informazzjoni sempliċi u aġġornata wara l-ikkompletar tal-proġetti (jiġifieri, jekk il-proġett jibqax operazzjonali, jekk il-proġett huwiex replikat, u jekk iva, kemm-il darba). Dan jippermetti lill-Kummissjoni ttejjeb b’mod effiċjenti l-informazzjoni ex post tagħha dwar l-effettività tal-programm.

Preċedentement il-QEA kienet awditjat is-sostenibbiltà u l-ġestjoni mill-Kummissjoni tal-proġetti tal-LIFE-Natura fir-Rapport Speċjali Nru 11/2009 disponibbli hawn: http://www.eca.europa.eu/mt/Pages/BrowsePublications.aspx?k=&ty=Special Report&y=2009


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website