Navigation path

Left navigation

Additional tools

Is-superviżjoni bankarja Ewropea qed tieħu forma, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Court of Auditors - ECA/14/30   02/07/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Stqarrija għall-Istampa

ECA/14/30
Il-Lussemburgu, it-2 ta' Lulju 2014

Is-superviżjoni bankarja Ewropea qed tieħu forma, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Rapport ippubblikat illum mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri jiżvela li r-riforma mill-Kummissjoni tal-leġiżlazzjoni tas-settur bankarju u l-ħolqien tal-Awtorità Bankarja Ewropea kienu l-ewwel passi importanti b'rispons għall-kriżi finanzjarja. L-Awtorità Bankarja Ewropea pprovdiet l-elementi ta' sistema regolatorja u superviżorja ġdida għas-settur bankarju, filwaqt li ħadet kont tar-riżorsi u s-setgħat legali limitati tagħha. Madankollu, ġew identifikati nuqqasijiet fis-superviżjoni bankarja transkonfinali, fil-valutazzjoni tar-reżiljenza tal-banek tal-UE, u fil-promozzjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur.

"Il-kriżi finanzjarja ħasdet lis-settur bankarju kollu tal-UE, u rriżultat fil-kriżi ekonomika u tad-dejn sovran li l-UE aġixxiet biex tistabbilizza", iddikjara s-Sur Milan Martin Cvikl, il-Membru tal-QEA responsabbli għar-rapport, "Madankollu, l-Awtorità Bankarja Ewropea ma għandhiex l-awtorità li tieħu jew li tinforza deċiżjonijiet dwar il-konverġenza superviżorja u kellha kemm mandat legali kif ukoll persunal limitati biex twettaq it-testijiet tal-istress tal-2011. Issa, bil-qbil dwar il-mekkaniżmu superviżorju uniku u elementi oħra tal-unjoni bankarja qed iseħħu attivitajiet importanti oħra."

B'rispons għall-kriżi finanzjarja u ekonomika, ittieħdet azzjoni ta' emerġenza fi sforz biex terġa' tinkiseb il-fiduċja fl-istituzzjonijiet finanzjarji, segwita aktar tard b'riformi regolatorji u superviżorji. Il-Qorti analizzat dan filwaqt li ffukat fuq il-perjodu mill-2011 sa kmieni fl-2013. Hija sabet li l-Kummissjoni u l-Awtorità Bankarja Ewropea rreaġixxew għall-kriżi finanzjarja b'aġenda regolatorja wiesgħa. Madankollu, iż-żmien għall-konsultazzjoni mal-partijiet interessati kien limitat u ma kien hemm l-ebda valutazzjoni transsettorjali tal-impatt.

L-Awtorità Bankarja Ewropea kkontribwixxiet għat-titjib tas-superviżjoni transkonfinali tal-banek bħala faċilitatur u koordinatur ta' xogħol l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. Madankollu, is-superviżjoni ta' kuljum tal-banek twettqet minn awtoritajiet superviżorji nazzjonali, u l-Awtorità Bankarja Ewropea ma kellhiex aċċess dirett għall-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-konverġenza superviżorja permezz tal-kulleġġi tas-superviżuri kienet limitata, u l-kulleġġi qattgħu wisq ħin jiddiskutu l-proċeduri aktar milli jiffukaw fuq ir-riskji. L-Awtorità Bankarja Ewropea ma għandhiex l-awtorità li tieħu jew li tinforza deċiżjonijiet dwar il-konverġenza superviżorja u li tirriżolvi tilwim bejn l-NSAs.

L-Awtorità Bankarja Ewropea kellha kemm mandat legali kif ukoll persunal limitati biex twettaq it-testijiet tal-istress tal-2011, li twettqu mingħajr miżuri ta' "garanzija ta' kontinġenza" finanzjarja fil-livell tal-UE. Għalkemm it-testijiet tal-istress kienu ta' għajnuna fl-inizjar tar-rikapitalizzazzjoni ta' għadd kbir ta' banek, huma żvelaw il-limitazzjonijiet ta' tali eżerċizzji meta ma jkunux ikkombinati ma' valutazzjoni tal-kwalità tal-portafoll tal-assi.

L-awdituri tal-UE ressqu sett ta' rakkomandazzjonijiet immirati lejn iż-żieda fl-effettività tal-kulleġġi tas-superviżuri, l-affidabbiltà tat-testijiet tal-istress u l-iżgurar ta' unjoni bankarja li tirnexxi u superviżjoni bankarja effettiva.

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew suġġetti ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Ir-rapport speċjali (Nru 5/2014) intitolat "Is-superviżjoni bankarja Ewropea li qed tieħu forma - l-EBA u l-kuntest dejjem jinbidel tagħha" vvaluta jekk il-Kummissjoni u l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) kinux wettqu r-responsabbiltajiet tagħhom b'mod sodisfaċenti fl-istabbiliment tal-arranġamenti l-ġodda għas-sistema ta' regolamentazzjoni u ta' superviżjoni tas-settur bankarju u eżamina kemm dawk l-arranġamenti l-ġodda kienu qed jiffunzjonaw b'suċċess.

Il-QEA sabet li l-Kummissjoni u l-EBA rreaġixxew għall-kriżi finanzjarja b'aġenda regolatorja wiesgħa. B'mod ġenerali, il-Kummissjoni kienet puntwali fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni tas-settur bankarju. Madankollu, id-dati ta' skadenza stretti li rriżultaw mill-ftehimiet globali fil-G20 u fil-Kumitat ta' Basel, u d-dewmien fin-negozjati politiċi, naqqsu ż-żmien disponibbli biex il-partijiet interessati esterni jipprovdu input permezz ta' konsultazzjoni pubblika. Barra minn hekk, dan irriżulta f'dati ta' skadenza qosra biex l-EBA tabbozza standards tekniċi u l-EBA ma setgħetx tikkummenta dwar il-mandati u l-puntwalità fil-proċess leġiżlattiv b'mod sistematiku. Għalkemm fis-snin reċenti saru bosta proposti leġiżlattivi (u oħrajn qegħdin jitħejjew attwalment), ma kien hemm l-ebda valutazzjoni transsettorjali tal-impatt tal-pakkett kollu ta' proposti.

L-EBA kkontribwixxiet għat-titjib tas-superviżjoni transkonfinali tal-banek bħala faċilitatur u koordinatur ta' xogħol l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali (NSAs). Madankollu, ir-rwol tagħha fil-kompiti tas-superviżjoni bankarja kien limitat f'ħafna oqsma. Is-superviżjoni ta' kuljum tal-banek tibqa' fil-mandat tal-NSAs, u l-EBA ma twettaqx superviżjoni diretta tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-konverġenza superviżorja permezz tal-kulleġġi tas-superviżuri hija limitata, u dawn il-kulleġġi qattgħu wisq ħin jiddiskutu l-proċeduri aktar milli jiffukaw fuq ir-riskji.

L-EBA ma għandhiex l-awtorità li tieħu jew li tinforza deċiżjonijiet dwar il-konverġenza superviżorja u li tirriżolvi tilwim bejn l-NSAs. Għalkemm l-EBA għamlet sforzi sinifikanti biex tirriżolvi tilwim bejn l-NSAs, hija għandha setgħat legali limitati fil-medjazzjoni. L-EBA kellha r-rwol li tiffaċilita u tikkoordina t-test tal-istress tal-2011, iżda la kellha l-persunal u lanqas il-mandat meħtieġ biex tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-eżerċizzju tat-test tal-istress. Barra minn hekk, it-test tal-istress twettaq mingħajr miżuri ta' "garanzija ta' kontinġenza" finanzjarja fil-livell tal-UE. Għalkemm it-test tal-istress tal-2011 kien ta' għajnuna fl-inizjar tar-rikapitalizzazzjoni ta' għadd kbir ta' banek, huwa żvela wkoll il-limitazzjonijiet ta' tali eżerċizzji meta ma jkunux ikkombinati ma' valutazzjoni tal-kwalità tal-portafoll tal-assi.

Mill-ħarifa 2014 'il quddiem, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) se jkollu l-awtorità biex iwettaq superviżjoni tas-settur bankarju fl-Istati Membri kollha fiż-żona tal-euro u fl-Istati Membri l-oħra li jixtiequ jipparteċipaw. Dan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) se jkun jinvolvi kooperazzjoni bejn il-BĊE u l-NSAs, fejn il-BĊE se jkun responsabbli mill-funzjonament kumplessiv tal-MSU. Fir-rwol regolatorju tagħha, l-EBA għandha mandat biex tiżviluppa standards tekniċi u tista' tuża l-għarfien espert tagħha b'mod utli biex tkompli f'dan il-kompitu. Madankollu, jinħolqu mistoqsijiet dwar ir-rwol futur tagħha fis-superviżjoni tal-banek, billi r-rwol tagħha huwa limitat għall-koordinazzjoni u l-faċilitazzjoni ta' xogħol l-NSAs u billi ma għandhiex is-setgħa li timponi deċiżjonijiet speċifiċi fuq l-NSAs. B'konsegwenza ta' dan, hemm ir-riskju ta' inċertezza dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet u tal-EBA u l-BĊE u tat-trikkib tagħhom.

Fost is-sett ta' rakkomandazzjonijiet, il-QEA tqis li biex titwettaq superviżjoni bankarja li tirnexxi madwar l-UE kollha jinħtieġ li jkun hemm kondiviżjoni ċara ta' rwoli u ta' obbligu ta' rendikont bejn l-EBA, il-BĊE u l-NSAs, kemm dawk fl-MSU kif ukoll dawk barra minnu. Biex jiġi evitat ir-riskju ta' trikkib ta' kompiti u ta' responsabbiltajiet mhux ċari f'xi oqsma bejn il-BĊE, l-NSAs u l-EBA, l-awdituri tal-UE jirrakkomandaw li r-rwoli u r-responsabbiltajiet jiġu kkjarifikati aktar fil-leġiżlazzjoni jew fil-memoranda ta' qbil. Il-QEA tirrakkomanda wkoll li jiġu stabbiliti proċeduri biex jiġu żgurati kooperazzjoni mill-qrib u frekwenti u skambju ta' informazzjoni bejn il-korpi differenti u li tingħata attenzjoni partikolari lill-perjodu ta' tranżizzjoni qabel ma l-MSU jiġi stabbilit b'mod sħiħ.

Vidjo qasir tal-intervista mal-Membru tal-QEA responsabbli mir-rapport huwa disponibbli fuq: https://www.youtube.com/user/EUAuditorsECA


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website