Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-politika agrikola komuni għandha tieħu kont aħjar ta' kwistjonijiet dwar l-ilma, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Court of Auditors - ECA/14/19   13/05/2014

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

MT

Stqarrija għall-Istampa

ECA/14/19
Il-Lussemburgu, it-13 ta' Mejju 2014

Il-politika agrikola komuni għandha tieħu kont aħjar ta' kwistjonijiet dwar l-ilma, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Rapport ippubblikat illum mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) jiżvela li l-UE kellha biss suċċess parzjali fl-integrazzjoni fil-politika agrikola komuni (PAK) ta' objettivi tal-politika dwar l-ilma. L-awditu enfasizza dgħufijiet fiż-żewġ strumenti użati attwalment għall-integrazzjoni fil-PAK ta' kwistjonijiet dwar l-ilma (jiġifieri l-kundizzjonalità u l-iżvilupp rurali) u ġibed l-attenzjoni għal dewmien u dgħufijiet fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

“Fl-Ewropa, l-agrikoltura naturalment tuża ħafna ilma - madwar terz tal-użu totali mill-ilma, u hija sors ta' pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma, pereżempju permezz ta' tniġġis min-nutrijenti fl-ilma,” iddikjara is-Sur Kevin Cardiff, il-Membru tal-QEA responsabbli mir-rapport, “Filwaqt li sar progress, jeħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jintegraw aħjar fi ħdan il-politika agrikola komuni l-kwistjonijiet dwar il-politika dwar l-ilma biex jiġi żgurat użu mill-ilma sostenibbli fuq terminu twil”.

Il-PAK tirrappreżenta kemmxejn taħt l-40 % tal-baġit tal-UE (aktar minn EUR 50 biljun għall-2014) u permezz tal-PAK l-UE tfittex li tinfluwenza l-prattiki agrikoli li jaffettwaw l-ilma.

L-awdituri tal-UE eżaminaw jekk l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-ilma humiex riflessi b'mod xieraq u effettiv fil-PAK, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll f'dak ta' implimentazzjoni. Dan kien jinvolvi l-analiżi ta' żewġ strumenti li qed jintużaw biex l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-ilma jiġu integrati fil-PAK: il-kundizzjonalità, mekkaniżmu li jorbot ċerti pagamenti tal-PAK ma' rekwiżiti ambjentali speċifiċi, u l-fond għall-iżvilupp rurali, li jipprevedi inċentivi finanzjarji għal azzjonijiet li jmorru lil hinn mil-leġiżlazzjoni obbligatorja biex itejbu l-kwalità tal-ilma.

L-awdituri tal-UE sabu li l-kundizzjonalità u l-finanzjament għall-iżvilupp rurali s'issa kellhom impatt pożittiv fl-appoġġ tal-objettivi tal-politika għat-titjib tal-kwantità u l-kwalità tal-ilma, iżda dawn l-istrumenti huma limitati, relattivi għall-ambizzjonijiet tal-politika ssettjati għall-PAK, u l-miri aktar ambizzjużi ssettjati mir-regolamenti tal-PAK għall-perjodu 2014-2020.

L-awdituri kkonkludew ukoll li ma hemmx biżżejjed għarfien, fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-UE u fl-Istati Membri, dwar il-pressjonijiet fuq l-ilma maħluqa minn attivitajiet agrikoli u kif dawn il-pressjonijiet qed jevolvu.

Jeħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu aktar biex jallinjaw il-Programmi tal-Iżvilupp Rurali tagħhom u l-azzjonijiet tagħhom biex jipproteġu r-riżorsi tal-ilma tagħhom, u jeħtieġ li jiġi indirizzat id-dewmien fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma,” qal is-Sur Cardiff,u filwaqt li l-feedback diġà riċevut mill-Kummissjoni huwa pożittiv, għad hemm ħafna xi jsir.”

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew suġġetti ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (Nru 4/2014) intitolat “Integrazzjoni tal-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-ilma fi ħdan il-PAK: suċċess parzjali”, ivvaluta jekk l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-ilma kinux ġew integrati fil-PAK b'suċċess iżda sab li s'issa dan kien sar parzjalment biss. Dan kien dovut għal spariġġ bejn l-ambizzjoni tal-objettivi tal-politika u l-istrumenti użati biex tiġi effettwata bidla. L-awditu enfasizza dgħufijiet fiż-żewġ strumenti użati attwalment mill-Kummissjoni għall-integrazzjoni fil-PAK ta' kwistjonijiet dwar l-ilma (jiġifieri l-kundizzjonalità u l-iżvilupp rurali) u ġibed l-attenzjoni għal dewmien u dgħufijiet fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

Filwaqt li l-awdituri tal-UE kkonkludew li l-kundizzjonalità u l-finanzjament għall-iżvilupp rurali wasslu għal riżultati pożittivi fit-titjib tal-kwantità u l-kwalità tal-ilma, huma nnutaw li dawn l-istrumenti huma limitati. Huma mhumiex proporzjonati mal-ambizzjonijiet tal-politika ssettjati għall-PAK u għall-għanijiet aktar ambizzjużi ssettjati mir-regolamenti tal-PAK għall-perjodu 2014-2020. Il-QEA sabet ukoll li s-sistemi ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni, it-tnejn li huma relatati direttament mal-PAK, u dawk li jipprovdu data aktar ġenerali ma kinux jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex it-tfassil ta' politika jkun infurmat bis-sħiħ fir-rigward tal-pressjonijiet fuq l-ilma ġejjin mill-attivitajiet agrikoli, għalkemm innutat xi inizjattivi utli.

Fuq il-bażi tas-sejbiet tagħha, il-QEA rrakkomandat li:

  • il-Kummissjoni tal-UE tipproponi l-modifiki meħtieġa għall-istrumenti attwali (il-kundizzjonalità u l-iżvilupp rurali) jew, fejn xieraq, strumenti ġodda li huma kapaċi jilħqu l-aktar miri ambizzjużi fir-rigward tal-integrazzjoni fil-PAK tal-objettivi tal-politika dwar l-ilma.

  • l-Istati Membri għandhom jindirizzaw id-dgħufijiet enfasizzati fir-rigward tal-kundizzjonalità u jtejbu l-użu tagħhom mill-finanzjament għall-iżvilupp rurali biex jilħqu aħjar l-objettivi tal-politika dwar l-ilma;

  • il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jindirizzaw id-dewmien fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u jtejbu l-kwalità tal-pjanijiet tagħhom ta' mmaniġġjar tal-baċin tax-xmajjar billi jiddeskrivu miżuri individwali u jagħmluhom ċari u konkreti biżżejjed f'livell operazzjonali; u

  • il-Kummissjoni għandha tiżgura li hija għandha informazzjoni li, mill-anqas, hija kapaċi tkejjel l-evoluzzjoni tal-pressjonijiet fuq l-ilma maħluqa minn prattiki agrikoli u l-Istati Membri nfushom jintalbu jipprovdu data dwar l-ilma b'mod aktar f'waqtu, affidabbli u konsistenti.

Vidjo qasir tal-intervista mal-Membru tal-QEA responsabbli mir-rapport huwa disponibbli fuq: https://www.youtube.com/user/EUAuditorsECA


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website