Navigation path

Left navigation

Additional tools

Stqarrija għall-Istampa

ECA/14/15
Il-Lussemburgu, l-10 ta' April 2014

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-korruzzjoni huwa bidu tajjeb, iżda għandu nuqqas ta' informazzjoni meħtieġa biex tissustanzja l-politika kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni – Awdituri tal-UE

Ittra mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) lill-mexxejja tal-UE, ippubblikata llum, tikkritika r-rapport tal-Kummissjoni tal-UE Kontra l-Korruzzjoni bħala deskrittiv iżżejjed, li joffri ftit li xejn analiżi u l-ebda sejba sostantiva, li minflok jiddependi mir-riżultati tal-votazzjoni dwar il-perċezzjoni tal-korruzzjoni, u li l-utilità tiegħu hija limitata.

"Mal-ewwel daqqa t'għajn, l-eżitu tar-rapport tal-Kummissjoni jidher allarmanti. Iżda s-sejbiet tar-rapport huma primarjament ibbażati fuq il-perċezzjonijiet taċ-ċittadini u tal-kumpaniji," iddikjara s-Sur Alex Brenninkmeijer, il-Membru tal-QEA responsabbli mill-analiżi, "Ir-realtà tista' fil-fatt tkun differenti. U hija sfortuna li l-Kummissjoni eskludiet l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE mill-analiżi tagħha."

L-awdituri tal-UE qalu li l-korruzzjoni u l-frodi jherru l-fiduċja f'istituzzjonijiet pubbliċi u fid-demokrazija, u li huma wkoll idgħajfu l-funzjonament tas-suq intern tal-UE. Il-QEA tilqa' b'interess ir-rapport tal-Kummissjoni kontra l-frodi bħala bidu promettenti għal diskussjoni utli. L-istituzzjoni indipendenti tal-awditjar tħeġġeġ tali diskussjoni, minħabba li hija kontribut importanti għall-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet pubbliċi, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE, lejn iċ-ċittadini tal-UE. It-tisħiħ ta' governanza tajba permezz tat-titjib tat-trasparenza u tal-obbligu ta' rendikont - b'mod partikolari fil-qasam ta' miżuri kontra l-korruzzjoni – huwa essenzjali għall-kisba tal-fiduċja mill-pubbliku, f'istituzzjonijiet pubbliċi. Politika tat-trasparenza u tal-obbligu ta' rendikont hija fundamentalment neċessarja għal dawn l-istituzzjonijiet biex iwettqu dmirijiethom sewwa, u biex jiżguraw l-integrità tal-persunal tagħhom. It-trasparenza u l-integrità huma kundizzjonijiet ewlenin għall-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni.

Il-QEA tqis li data f'waqtha u preċiża u evalwazzjonijiet indipendenti, fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, jeħtieġu jiġu żviluppati aktar sabiex jiġu identifikati: (1) l-oqsma veri ta' riskju; (2) ir-raġunijiet għalfejn il-korruzzjoni sseħħ u; (3) liema miżuri jridu jittieħdu, u liema wrew li huma effettivi. L-ibbażar ta' miżuri kontra l-korruzzjoni fuq il-perċezzjonijiet minflok fuq l-okkorrenza vera ta' korruzzjoni jġib miegħu r-riskju li dawn il-miżuri jistgħu jkunu ta' piż bla meħtieġ u jonqsu milli jindirizzaw il-kawżi reali tal-korruzzjoni.

It-test sħiħ tal-ittra jista' jinstab fuq http://www.eca.europa.eu/mt/Pages/NewsItem.aspx?nid=4775.

Noti lill-edituri:

Il-mekkaniżmu tal-2011 tal-UE kontra l-korruzzjoni, li huwa bbażat fuq l-Artikolu 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jobbliga lill-Kummissjoni tal-UE tipproduċi rapport dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni kull tieni sena, mill-2013 'il quddiem.

Ir-rapport tal-Kummissjoni jiddeskrivi xejriet u żviluppi fil-korruzzjoni, u jidentifika għadd ta' miżuri ta' suċċess kontra l-korruzzjoni li qed jintużaw fl-Istati Membri. Billi jagħmel dan, ir-rapport ikopri firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet u ta' oqsma speċifiċi fejn il-korruzzjoni hija riskju partikolari. Madankollu, ir-rapport huwa prinċipalment ta' natura deskrittiva. Huwa bbażat fuq l-eżiti ta' sessjonijiet ta' laqgħat, informazzjoni tal-Ewrobarometru u analiżi ta' miżuri kontra l-korruzzjoni. Fih nuqqas ta' informazzjoni dwar sejbiet konkreti.

F'dan, l-ewwel rapport tagħha kontra l-korruzzjoni, il-Kummissjoni ma tipprovdix rabta mal-kwistjoni kumplessiva tal-frodi u l-korruzzjoni fl-UE u fl-Istati Membri tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni tabilħaqq tipprovdi argumenti għall-fokus tematiku tagħha fuq l-akkwist pubbliku. L-akkwist pubbliku huwa qasam b'impatt kbir fuq ir-rata ta' żball stmata mill-QEA u għaldaqstant jitqies bħala qasam b'riskju għoli. L-istima mill-Qorti tar-rata ta' żball mhijiex miżura ta' frodi jew ta' korruzzjoni. Żbalji relatati mal-akkwist pubbliku jistgħu jfissru li l-objettivi tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku – il-promozzjoni ta' kompetizzjoni ġusta u l-iżgurar li l-kuntratti jingħataw lill-offerent bl-aħjar kwalifiki – mhux dejjem intlaħqu. Il-QEA tirrapporta kwalunkwe każ suspettat ta' frodi u ta' korruzzjoni fost dawn in-nuqqasijiet lill-OLAF li għandu setgħat investigattivi.

Ir-rapport kontra l-korruzzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni jevalwa l-kisbiet ta' inizjattivi nazzjonali. Ma tingħata l-ebda spjegazzjoni konvinċenti għalfejn l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE huma esklużi mill-analiżi. Madankollu, jidher mir-rapport innifsu u mill-feedback li rċieva minn, fost l-oħrajn, l-Ombudsman Ewropew u mid-dibattitu fil-Parlament Ewropew li l-omissjoni tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-UE mir-Rapport kienet sfortuna.

Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-UE kontra l-korruzzjoni jista' jinstab hawn: http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/organized-crime-and-human-trafficking/corruption/anti-corruption-report/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website