Navigation path

Left navigation

Additional tools

Sussidji għall-ipproċessar tal-ikel: “l-ebda prova ta’ valur miżjud” jgħidu l-Awdituri tal-UE

Court of Auditors - ECA/13/9   10/04/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/13/9

Il-Lussemburgu, l-10 ta’ April 2013

Sussidji għall-ipproċessar tal-ikel: “l-ebda prova ta’ valur miżjud” jgħidu l-Awdituri tal-UE

Taħt il-Politika Agrikola Komuni, isiru disponibbli għotjiet tal-politika ta’ żvilupp rurali tal-UE għal intrapriżi li jipproċessaw u jikkummerċjalizzaw prodotti agrikoli permezz ta’ miżura msejħa ‘Żieda tal-valur lill-prodotti agrikoli u tal-foresti’ bl-għan li ttejjeb il-kompetittività tal-agrikoltura u l-forestrija. Il-baġit tal-UE assenja EUR 5,6 biljun f’għajnuna għall-2007-2013. Dan il-finanzjament hu kkomplementat permezz ta’ nfiq nazzjonali, li jġib it-total tal-finanzjament pubbliku għal EUR 9,0 biljun.

L-Istati Membri jridu jħejju Programmi ta’ Żvilupp Rurali li jadattaw l-għajnuna skont il-ħtiġijiet tagħhom permezz ta’ objettivi nazzjonali jew reġjonali u li jistabbilixxu l-ambitu tal-miżura biex ikun żgurat li jsir użu effiċjenti mill-finanzjament. Madankollu, l-awdituri sabu li ġew stabbiliti objettivi ġenerali biss, li ma wrewx kif il-finanzjament kien intenzjonat li jżid il-valur ta’ prodotti agrikoli jew li jtejjeb il-kompetittività tal-agrikoltura. Minkejja din in-nuqqas ta' mmirar, il-Kummissjoni approvat il-programmi. L-awditu kopra sitt programmi ta’ żvilupp rurali nazzjonali u reġjonali, magħżula prinċipalment minħabba d-daqs tagħhom: Spanja (Castilla y León), Franza, l-Italja (Lazio), il-Litwanja, il-Polonja u r-Rumanija.

L-awdituri tal-UE sabu li l-Istati Membri ma jimmirawx il-finanzjament lejn proġetti li għalihom hemm ħtieġa għal appoġġ pubbliku li tista' tintwera. Mingħajr dan, il-miżura ssir sussidju ġenerali lil intrapriżi li jinvestu fl-ipproċessar tal-ikel – bir-riskji assoċjati tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u ħela ta’ flus pubbliċi skarsi.

Kważi 20 % tal-flus tal-UE għat-titjib fil-kompetittività tal-agrikoltura jitħallsu lil kumpaniji tal-ipproċessar tal-ikel, iżda l-arranġamenti tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni ma jiġbrux informazzjoni dwar il-valur miżjud jew dwar l-effetti indiretti fuq il-kompetittività tal-agrikoltura. L-arranġamenti attwali aktarx ma jipprovdux l-informazzjoni neċessarja biex jintwera s-suċċess tal-finanzjament jew biex jittejbu l-effettività u l-effiċjenza tiegħu għall-perjodu 2014-20.

L-Istati Membri mhumiex qed jidentifikaw b’mod ċar il-ħtieġa għal finanzjament jew li jistabbilixxu objettivi li jkollhom sinifikat”, qal Jan Kinšt (CZ), il-Membru tal-QEA responsabbli għar-rapport, “il-Kummissjoni għandha tapprova biss programmi li jagħmlu dan, inkella din il-miżura ssir biss donazzjoni lill-kumpaniji tal-ipproċessar tal-ikel”.

Nota lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew suġġetti ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (RS 01/2013) huwa intitolatL-appoġġ tal-UE lill-industrija tal-ipproċessar tal-ikel kien effettiv u effiċjenti fiż-żieda tal-valur lill-prodotti agrikoli?. Il-QEA eżaminat jekk il-miżura ġietx imfassla u implimentata b’tali mod li pprovdiet għall-finanzjament effiċjenti ta’ proġetti li jindirizzaw ħtiġijiet identifikati b’mod ċar u jekk il-miżura kinitx immonitorjata u evalwata b’tali mod li ppermetta li r-riżultati tagħha jkunu murija.

Fil-kuntest ta' dan l-awditu, il-proġetti kienu meqjusa bħala effettivi, jekk kienu sostenibbli u kkontribwixxew għal objettivi speċifiċi tal-Programmi ta’ Żvilupp Rurali għall-miżura kif ukoll għaż-żieda tal-valur lill-prodotti agrikoli. Il-finanzjament kien meqjus bħala effiċjenti jekk il-piż mejjet (deadweight) kien limitat u kwalunkwe spostament kien ġustifikat.

Il-ħidma tal-awditjar kienet magħmula minn analiżi tal-Programmi ta’ Żvilupp Rurali, eżami tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-Istati Membri u żjarat separati tal-awditjar lil 24 proġett ta’ pproċessar tal-ikel ikkompletati f’dawn l-Istati Membri, inklużi erba’ proġetti nnominati mill-Istati Membri bħala eżempji tal-aħjar prattika. Il-bqija ntgħażlu mill-Qorti biex tingħata firxa ta’ proġetti tipiċi ta’ dawk iffinanzjati fl-Istati Membri kkonċernati.

Il-Qorti sabet li l-proġetti fil-biċċa l-kbira tejbu l-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpaniji kkonċernati u għadd ta’ proġetti awditjati jistgħu jirriżultaw f’xi valur miżjud. Dan, madankollu, ma setax ikun attribwit lit-tfassil tal-miżura jew lill-proċeduri ta’ għażla użati mill-Istati Membri. Kien hemm nuqqas ta’ evidenza li turi li l-kumpaniji megħjuna kienu jeħtieġu sussidju, jew l-objettivi speċifiċi tal-politika li s-sussidju kien mistenni jilħaq. Il-Qorti kkonkludiet li l-appoġġ ma ġiex immirat sistematikament lejn proġetti li żiedu l-valur ta’ prodotti agrikoli b’mod effettiv u effiċjenti.

Il-QEA rrakkomandat li:

        • Il-programmi tal-Istati Membri jidentifikaw b’mod ċar il-ħtieġa għall-finanzjament u jistabbilixxu objettivi li jkollhom sinifikat u li jistgħu jitkejlu; il-Kummissjoni għandha tapprova biss il-programmi li jagħmlu dan.

        • Il-kriterji ta’ għażla għandhom ikunu ddefiniti bħala li jippermettu li jkunu identifikati l-aktar proġetti effettivi. Biex ikun żgurat li l-fondi tal-UE jiġu użati b’mod effiċjenti, dawn il-kriterji għandhom ikunu applikati b’mod rigoruż, anke meta jkun hemm baġit suffiċjenti disponibbli biex jiġu ffinanzjati l-proġetti eliġibbli kollha.

        • Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-adozzjoni tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-mitigazzjoni tal-piż mejjet u r-riskji tal-ispostament.

        • Il-qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni applikabbli għall-proġetti ffinanzjati għandu jittejjeb għall-perjodu ta’ programmazzjoni li ġej biex ikun żgurat li l-effettività tal-fondi li jkunu ntefqu tkun tista’ titkejjel kif xieraq.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website