Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien – L-Istati Membri u l-Kummissjoni ma jistgħux jivvalutaw jekk il-programmi fil-fatt jgħinux – jgħidu l-Awdituri tal-UE

Court of Auditors - ECA/13/7   05/03/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/13/7

Il-Lussemburgu, il-5 ta’ Marzu 2013

Ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien – L-Istati Membri u l-Kummissjoni ma jistgħux jivvalutaw jekk il-programmi fil-fatt jgħinux – jgħidu l-Awdituri tal-UE

Iż-żieda tar-rata ta’ impjieg ta’ ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien hija parti mill-għanijiet strateġiċi tal-UE. Iżda rapport ġdid mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri sab li la l-Istati Membri u lanqas il-Kummissjoni ma huma f'pożizzjoni li jistabbilixxu kemm-il ħaddiem aktar imdaħħal fiż-żmien kiseb kwalifiki ġodda, jew sab jew żamm impjieg wara li bbenefika minn azzjoni ffinanzjata mill-FSE. L-għodod meħtieġa għall-forniment ta’ informazzjoni relevanti u affidabbli f’dan ir-rigward ma ġewx stabbiliti mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri awditjati.

    Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) huwa strument finanzjarju ewlieni mfassal biex jgħin lill-Istati Membri jilħqu l-objettivi tal-politika tal-UE għall-impjieg. L-għanijiet tiegħu huma l-promozzjoni tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni qegħda u dawk żvantaġġati, primarjament bl-appoġġ ta’ attivitajiet ta’ taħriġ. Mill-2007 sal-aħħar tal-2013, l-infiq tal-FSE se jammonta għal aktar minn EUR 75 biljun, li jirrappreżenta madwar 8% tal-baġit totali tal-UE. Sitt programmi b’valur ta’ EUR 222 miljun kienu magħżula għall-awditu, u jkopru erba’ Stati Membri (il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja u r-Renju Unit).

Il-Kummissjoni qed tapprova programmi mingħajr ma tirrikjedi l-informazzjoni biex tiċċekkja humiex verament jaħdmu, u l-Istati Membri mhumiex qed jipprovduha”, qal Lazaros Lazarou, il-membru tal-QEA responsabbli mir-rapport, “In-nuqqas ta’ data tal-prestazzjoni u valutazzjonijiet tal-azzjonijiet differenti li jkunu affidabbli, verifikabbli u fil-ħin jagħmilha impossibbli għal dawk li jifformulaw il-politika biex jilħqu konklużjonijiet għall-formulazzjoni tal-politika attwali u fil-futur.”

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew temi ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (SR 25/2012) intitolat “Ġew stabbiliti għodod għall-monitoraġġ tal-effettività tal-infiq tal-Fond Soċjali Ewropew fuq ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien?” vvaluta jekk l-Istati Membri u l-Kummissjoni kinux stabbilixxew u implimentaw l-għodod meħtieġa biex tiġi vvalutata l-effettività tal-azzjonijiet tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) immirati lejn ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien matul il-perjodu ta’ programmazzjoni. Huwa ffoka fuq il-kontenut tal-programmi operazzjonali u b’mod partikolari fuq l-objettivi u l-indikaturi operazzjonali kwantifikati, kif ukoll fuq is-sistemi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.

    L-FSE huwa strument finanzjarju ewlieni għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea li jgħin lill-Istati Membri fil-qasam tal-impjieg. Mill-2007 sal-aħħar tal-2013, l-infiq tal-FSE se jammonta għal aktar minn EUR 75 biljun, li jirrappreżenta madwar 8 % tal-baġit totali tal-UE.

    Il-Qorti sabet nuqqasijiet fir-rigward tat-tfassil tal-programmi operazzjonali, kif ukoll is-sistemi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni. Barra dan, hija osservat li l-Kummissjoni ma kelliex data konsistenti fil-livell tal-UE dwar għanijiet operazzjonali, indikaturi tar-riżultati u fondi allokati. B’riżultat ta’ dan, minkejja l-fatt li ż-żieda tar-rata ta’ impjieg ta’ ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien hija parti mill-għanijiet strateġiċi tal-UE, la l-Istati Membri u lanqas il-Kummissjoni ma huma f'pożizzjoni li jistabbilixxu kemm-il ħaddiem aktar imdaħħal fiż-żmien kiseb kwalifiki ġodda, jew sab jew żamm impjieg wara li bbenefika minn azzjoni ffinanzjata mill-FSE. Barra dan, l-ammonti li ntefqu fuq dan it-tip ta’ azzjoni mhumiex magħrufin ukoll.

    Il-Qorti tirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha:

  • teħtieġ li l-Istati Membri jfasslu l-programmi operazzjonali tagħhom b’tali mod li l-prestazzjoni tal-fondi tal-FSE tkun tista’ titkejjel. Il-popolazzjonijiet immirati għandhom ikunu definiti b’mod mhux ambigwu u għandhom jiġu definiti għanijiet u indikaturi operazzjonali kwantifikati u relevanti biex jitkejlu r-rendimenti, ir-riżultati u l-impatti speċifiċi fil-livell tal-grupp tal-popolazzjoni mmirata. Għandhom jiġu stabbiliti punti ta’ riferiment intermedji u ġerarkija ta’ valuri mmirati;

  • teħtieġ li l-Istati Membri jfasslu sistemi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni li kapaċi jkejlu u jispjegaw f’intervalli adatti l-progress li jkun sar lejn il-valuri mmirati kollha stabbiliti;

  • tikseb informazzjoni konsistenti u affidabbli mill-Istati Membri sabiex tkun tista’ tipprovdi informazzjoni adatta dwar il-mezzi mobilizzati u r-riżultati miksuba mill-FSE; u

  • tiżgura analiżi approfondita tal-kwistjonijiet dwar il-prestazzjoni meta tkun qed tivvaluta u timmonitorja s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website