Navigation path

Left navigation

Additional tools

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/13/5

Il-Lussemburgu, il-25 ta’ Jannar 2013

L-awditu jwassal lill-UE biex tikkunsidra mill-ġdid ir-regoli dwar “akkomodazzjoni temporanja” wara diżastri naturali

B’segwitu għal rapport mill-awdituri tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea se tiċċara r-regoli dwar il-finanzjament ta’ “akkomodazzjoni temporanja” wara diżastri naturali. Ir-rapport eżamina l-avvenimenti li ġraw wara li f’ April 2009 r-reġjun Taljan ta’ Abruzzi u l-belt kapitali tiegħu L'Aquila ġew milquta minn terremot, li kkawża ħsara diretta stmata 'l fuq minn EUR 10 biljun. F’Novembru 2009, l-Unjoni Ewropea kkontribwixxiet EUR 0,5 biljun għall-operazzjonijiet ta’ emerġenza Taljani mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (EUSF) tagħha.

Operazzjonijiet li kellhom jiġu ffinanzjati inkludew ir-restawr immedjat biex ikunu jistgħu jerġgħu jitħaddmu, tal-infrastruttura għall-enerġija, l-ilma, l-ilma tad-drenaġġ, it-trasport, it-telekomunikazzjoni, is-saħħa u l-edukazzjoni u l-provvista ta' akkomodazzjoni temporanja u servizzi ta' salvataġġ biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet immedjati tal-popolazzjoni. 67 500 persuna sfaw bla saqaf fuq rashom wara t-terremot.

Madwar 30 % (EUR 144 miljun) tal-kontribuzzjoni EUSF kienet assenjata għal operazzjonijiet li kienu eliġibbli b'mod sħiħ skont ir-Regolament tal-EUSF. Madankollu, il-proġett CASE (l-akronimu Taljan għal “Complessi Antisismici, Sostenibili, Ecocompatibili”, jiġifieri djar li huma sismikament iżolati u ambjentalment sostenibbli), filwaqt li relevanti għall-bżonnijiet reali, ma kienx konformi mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament EUSF. Dan ġara għaliex ġew mibnija binjiet permanenti ġodda minflok djar temporanji. Il-proġett CASE ħa 70 % mill-fondi – EUR 350 miljun. L-istrateġija magħżula għall-proġett CASE indirizzat il-bżonnijiet tad-djar għall-15 000 mill-popolazzjoni milquta mit-terremot imma ma rreaġixxietx fi żmien opportun u b’kapaċità suffiċjenti għall-bżonnijiet reali tal-popolazzjoni. Id-djar CASE kienu jiswew ħafna aktar flus mid-djar standard.

Ir-Regolament EUSF jiddikjara li l-Fond jista’ jintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza, inkluża akkomodazzjoni temporanja. Ir-regolament ma jipprevedix il-finanzjament ta’ kostruzzjoni mill-ġdid reali. L-ambitu tal-EUSF huwa limitat għall-bżonnijiet l-aktar urġenti, filwaqt li rikostruzzjoni fuq terminu ta’ żmien itwal għandha titħalla għal strumenti oħra. Għalhekk, fl-opinjoni tal-Awdituri tal-UE, il-proġett CASE, li pprovda akkomodazzjoni dejjiema u sostenibbli, ma kienx konformi mal-objettivi tal-EUSF. Barra minn hekk, l-appartamenti CASE huma mistennija jiġġeneraw dħul konsiderevoli fil-futur, għalkemm m’hemm ebda dispożizzjoni fir-Regolament EUSF għal eventwalitajiet bħal dawn.

Kien hemm dgħufijiet fl-ippjanar minn qabel, anke jekk Abruzzi hija waħda miż-żoni l-aktar suxxettibbli għat-terremoti fl-Ewropa. Jiena kuntent li l-Kummissjoni se tuża l-opportunità tal-eżaminar fil-ġejjieni qarib tar-Regolament dwar il-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE mhux biss biex tiċċara ‘akkomodazzjoni temporanja’, iżda wkoll biex tinkoraġġixxi Stati Membri li qegħdin f’riskju biex jistabbilixxu pjanijiet ta’ tħejjija vera”, qal Ville Itälä, il-membru tal-QEA responsabbli mir-rapport, "Dan se jkun ta’ għajnuna kbira ħafna għar-reazzjoni tal-UE għad-diżastri naturali."

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew temi ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (RS 24/2012) intitolat “Ir-reazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għat-terremot tal-2009 f’Abruzzi: Ir-relevanza u l-kost tal-operazzjonijiet” eżamina jekk (i) in-nefqa prevvista fil-Ftehim ta' Implimentazzjoni kinitx konformi mar-Regolament EUSF, (ii) jekk il-proġett CASE kienx ippjanat tajjeb u implimentat rapidament u (iii) jekk il-proġett CASE kienx implimentat bl-aktar mod ekonomiku.

Il-biċċa l-kbira tal-awditu ffoka fuq il-proġett CASE, li assorba l-biċċa l-kbira tal-għotja tal-EUSF (EUR 350 miljun minn EUR 494 miljun). L-awditu (il-verifika) sar fil-perjodu Novembru 2011 sa Frar 2012 u kopra kampjun ta’ 5 proċeduri ta’ akkwist u 12-il kuntratt għall-kostruzzjoni ta’ bini u provvista ta’ għamara, konkos, pilastri u iżolaturi sismiċi. Il-kampjun kopra 35 % tal-ammonti kkuntrattati għall-proġett CASE (ara l-Anness II tar-rapport). L-analiżijiet dokumentarji ġew komplementati b'intervisti ma’ u osservazzjonijiet mid-Dipartiment Taljan tal-Protezzjoni Ċivili, siti tal-proġetti u l-partijiet interessati relevanti fiż-żona tat-terremot.

Il-Qorti sabet li l-proġetti ffinanzjati, ħlief għall-proġett CASE, kienu eliġibbli skont ir-Regolament EUSF. Kollha kienu ġew implimentati skont il-Ftehim ta’ Implimentazzjoni u rreaġixxew għal ħafna bżonnijiet immedjati tal-popolazzjoni milquta mit-terremot. L-istrateġija magħżula mill-awtoritajiet Taljani għall-bini tal-appartamenti CASE kienet faċli biex tinftiehem, imma l-proġett ma rnexxiex fl-akkomodazzjoni tal-popolazzjoni spostata kollha qabel ix-xitwa. Irriżulta li l-appartamenti CASE kienu jiswew ħafna flus bla bżonn u akkomodaw ftit wisq nies u kien hemm nuqqasijiet fl-ippjanar tal-proġett u fl-iżgurar tal-ekonomija fl-implimentazzjoni tal-proġett. Ir-Regolament EUSF jiddikjara li l-Fond jista’ jintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza, inkluża akkomodazzjoni temporanja. Ir-regolament ma jipprevedix il-finanzjament ta’ kostruzzjoni mill-ġdid reali jew proġetti li jiġġeneraw id-dħul. Barra minn hekk, skont ir-Regolament EUSF, l-ambitu tal-Fond huwa limitat għall-bżonnijiet l-aktar urġenti, filwaqt li rikostruzzjoni fuq terminu ta’ żmien itwal għandha titħalla għal strumenti oħra. Għalhekk, fl-opinjoni tal-Qorti, il-proġett CASE, li pprovda akkomodazzjoni dejjiema u sostenibbli, ma kienx konformi mal-objettivi tal-EUSF. Barra minn hekk, l-appartamenti CASE huma mistennija jiġġeneraw dħul konsiderevoli fil-futur, għalkemm m’hemm ebda dispożizzjoni fir-Regolament EUSF għal eventwalitajiet bħal dawn.

Bi ħsieb li wieħed jitgħallem mill-esperjenza ta’ Abruzzi u biex is-sitwazzjoni speċifika ta’ emerġenza u l-impatt tagħha jingħataw kunsiderazzjoni xierqa, il-QEA tirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha: (i) tikkunsidra li tadatta r-Regolament tal-EUSF għall-iżviluppi reċenti fi strateġiji ta' reazzjoni għad-diżastri, (ii) tinkoraġixxi l-Istati Membri jtejbu t-tħejjija għall-emerġenzi tagħhom biex jassistu b'mod f’waqtu u kost-effettiv u (iii) tippromwovi kunsiderazzjoni xierqa għall-ekonomija fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ emerġenza.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website