Navigation path

Left navigation

Additional tools

Preżentazzjoni tar-Rapport Annwali 2012 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji)

Court of Auditors - ECA/13/45   10/12/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR


IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI DISKORS

Il-Lussemburgu, l-10 ta' Diċembru 2013

ECA/13/45

Diskors minn Vítor Caldeira

President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Preżentazzjoni tar-Rapport Annwali 2012 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji)

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2013


Id-diskors proprju jitqies bħala awtentiku. Il-verżjoni mitkellma għandha tieħu preċedenza.

President,

Ministri,

Kummissarju Šemeta

Huwa unur kbir għalija li nippreżenta r-rapport annwali tal-Qorti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit 2012 tal-UE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Iċ-ċittadini tal-Ewropa għandhom dritt ikunu jafu kif qed jintnefqu flushom u jekk dawn humiex qed jintużaw sew. Huma għandhom ukoll id-dritt li jkunu jafu jekk dawn humiex qed iwasslu valur, b'mod partikolari fi żmien meta hemm tant pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi.

Ir-rapport annwali tal-Qorti jgħin biex jipprovdi lill-istituzzjonijiet tal-UE u liċ-ċittadini tal-UE b'ħarsa ġenerali lejn dak li huwa magħruf dwar l-istat tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE.

Fil-fehma tal-Qorti, l-istampa għall-2012 hija konsistenti ma' dik ta' snin preċedenti. Fil-qosor, ir-rapport annwali tal-Qorti dwar l-2012 jgħid:

  • Aħna nafu fuq xiex jintnefqu l-flus tal-UE - il-kontijiet tal-UE mħejjija mill-Kummissjoni huma affidabbli, kif ilhom sa mill-2007.

  • Aħna nafu wkoll li mhux il-fondi kollha jintużaw sew – il-Qorti tikkonkludi li l-pagamenti mill-baġit tal-UE huma materjalment milquta minn żball.

  • Iżda ma hemmx biżżejjed għarfien dwar il-valur kumplessiv li l-baġit tal-UE jwassal liċ-ċittadini. Is-sistemi ta' ġestjoni u ta' rappurtar għall-baġit tal-UE għadhom mhumiex kapaċi jipprovdu informazzjoni suffiċjenti, rilevanti u affidabbli dwar ir-riżultati miksuba mill-infiq tal-UE.

Fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tal-pagamenti, il-Qorti tistima li r-rata tal-iżball l-aktar probabbli għal pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-UE hija ta’ 4,8 %.

Ir-rapport annwali 2012 jinkludi fehim approfondit konsiderevoli dwar in-natura ta' dawn l-iżbalji, fejn iseħħu, u għalfejn jippersistu. Nixtieq niġbed l-attenzjoni tagħkom għal tliet punti ewlenin fir-rapport.

L-ewwel nett, huwa importanti li jiġi ċċarat x'jirrappreżentaw l-“iżbalji” li tirreferi għalihom il-Qorti. Dawn huma każijiet fejn il-fondi tal-UE ma ntużawx skont il-leġiżlazzjoni rilevanti u għaldaqstant mhux skont ix-xewqat tal-Parlament u ta' dan il-Kunsill, bħala l-leġiżlatur u l-awtorità baġitarja. Fi kliem ieħor, huma każijiet fejn il-fondi tal-UE ma kellhomx jitħallsu.

Fil-fatt, aktar minn żewġ terzi tar-rata tal-iżball stmata huma relatati mal-ineliġibbiltà tal-klejms għall-ispejjeż ippreżentati għal pagament u ma' nuqqasijiet serji ta’ konformità mar-regoli tal-akkwist.

It-tieni nett, nixtieq nenfasizza li l-iżbalji mhumiex limitati għal xi qasam speċifiku tal-baġit. Il-gruppi kollha tal-politika li jkopru nfiq operazzjonali huma materjalment milquta minn żball. In-nefqa amministrattiva hija l-uniku qasam fejn ma nstab ebda livell materjali ta' żball.

L-istima kumplessiva tal-Qorti tar-rata tal-iżball l-aktar probabbli għall-oqsma kollha tal-infiq operazzjonali wriet żidiet meta mqabbla mal-2011, li wasslu għal żieda kumplessiva ta' minn 3,9 % fl-2011 għal 4,8 % fl-2012.

It-tielet nett, bħal fi snin preċedenti, ir-rata ta' żball stmata mill-Qorti hija ogħla għal dawk l-oqsma ġestiti b'mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Id-differenza fir-rapport annwali tagħna din is-sena hija li t-titjib fil-metodoloġija tal-Qorti jippermetti li jsir tqabbil ġust bejn l-arranġamenti differenti ta' ġestjoni.

Il-Qorti tikkalkula li r-rata ta' żball stmata fil-każ ta' nfiq b'ġestjoni kondiviża kienet 5,3 % mqabbla ma' 4,3 % fil-forom l-oħra kollha ta' nfiq operazzjonali.

Madankollu l-oqsma li huma l-aktar suxxettibbli għal żbalji huma ġestiti b'mod konġunt. L-iżvilupp rurali jibqa' l-qasam ta' nfiq l-aktar suxxettibbli għal żbalji b'rata ta' żball stmata ta' 7,9 %, segwit mill-politika reġjonali b'rata ta' żball stmata ta' 6,8 %.

Iżda s-sejbiet tal-Qorti ma jissuġġerux li l-iżbalji fl-oqsma taħt ġestjoni kondiviża huma limitati għal Stati Membri speċifiċi. Fil-fatt, il-valutazzjonijiet mill-Qorti tas-sistemi ta' sorveljanza u kontroll li eżaminat fl-2012 u fi snin preċedenti wrew li kien hemm dgħufijiet f'firxa wiesgħa ta' awtoritajiet nazzjonali u reġjonali.

L-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali responsabbli għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE jistgħu jagħmlu aktar biex jevitaw l-iżbalji. L-ittestjar tat-tranżazzjonijiet mill-Qorti juri wkoll li aktar minn nofs l-iżbalji li l-Qorti sabet setgħu ġew ikkoreġuti minn dawk l-awtoritajiet qabel ma ntbagħtu l-klejms għar-rimborż lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tista' u fil-fatt tieħu azzjoni biex tipproteġi l-baġit tal-UE billi tapplika korrezzjonijiet finanzjarji. Iżda s-sistema biex dan isir hija kumplessa u l-impatt tal-korrezzjonijiet finanzjarji fuq l-Istati Membri u l-benefiċjarji tiddependi fuq ir-regolamenti applikabbli.

Pereżempju, fl-agrikoltura l-biċċa l-kbira tal-korrezzjonijiet finanzjarji ma jwasslux lill-Istati Membri biex jirkupraw pagamenti mill-benefiċjarji, filwaqt li għall-koeżjoni l-biċċa l-kbira tal-korrezzjonijiet huma korrezzjonijiet b'rata fissa li ma jwasslux għal korrezzjoni dettaljata fil-livell tal-proġett.

President, ministri,

Il-problema prinċipali hija li l-oqfsa legali attwali li jirregolaw il-programmi ta' nfiq tal-UE ma jagħmlux biżżejjed biex jinkoraġġixxu nfiq aħjar. Se tkun sfida biex dan jinbidel matul il-perjodu l-ġdid tal-qafas finanzjarju.

Iżda hemm opportunità u ħtieġa li dejjem qed tikber biex dan isir. Bil-pressjoni dejjem tiżdied fuq il-finanzi pubbliċi fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali, il-Qorti tirrakkomanda fokus akbar fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali fuq il-prestazzjoni tal-programmi ta' nfiq tal-UE.

Dan ifisser li jiġu stabbiliti objettivi ċari, indikaturi rilevanti, u riżultati mistennija għall-programmi kollha ta' nfiq fil-livelli xierqa kollha. Kif tistgħu taraw fil-Kapitolu 10 tar-rapport tagħna, il-Qorti ssib li dan għadu ma jsirx b'mod konsistenti biżżejjed biex jipprovdi bażi suffiċjenti għall-ġestjoni u r-rappurtar tal-prestazzjoni tagħhom.

Jekk il-flus tal-UE għandhom jintnefqu aħjar fil-futur, se jkun importanti wkoll li jiġu ssimplifikati l-arranġamenti ta' ġestjoni u kontroll fil-livell nazzjonali u li jiġi żgurat li dawk l-arranġamenti jiffunzjonaw b'mod effettiv mill-bidu nett tal-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid.

F'kelma waħda, jeħtieġ li l-Unjoni toħloq kultura ta' prestazzjoni jekk il-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi ta' nfiq għandha twassal – u tkun tidher li twassal - valur miżjud lill-Ewropa u liċ-ċittadini tagħha.

President, ministri,

L-istituzzjonijiet tal-UE se jkun jeħtiġilhom jaħdmu flimkien biex itejbu l-prestazzjoni u l-obbligu ta' rendikont tal-UE fis-snin li ġejjin.

Il-Qorti tistenna b'interess li twettaq il-parti tagħha flimkien ma' dan il-Kunsill, mal-parlament, u mal-Kummissjoni biex tinkiseb dik il-mira għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE.

Grazzi tal-attenzjoni tagħkom.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website