Navigation path

Left navigation

Additional tools

“L-Appoġġ Finanzjarju Dirett mill-UE lill-Awtorità Palestinjana jeħtieġ bidla totali”, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Court of Auditors - ECA/13/44   11/12/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR


Il-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

ECA/13/44

Il-Lussemburgu, il-11 ta' Diċembru 2013

“L-Appoġġ Finanzjarju Dirett mill-UE lill-Awtorità Palestinjana jeħtieġ bidla totali”, jgħidu l-Awdituri tal-UE

Rapport ippubblikat illum mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) jqajjem dubji dwar is-sostenibbiltà tal-Appoġġ Finanzjarju Dirett (DFS) mill-PEGASE tal-UE lill-Awtorità Palestinjana (AP).

Filwaqt li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) rnexxielhom jimplimentaw l-appoġġ lill-Awtorità Palestinjana f'ċirkustanzi diffiċli, hemm għadd ta' aspetti tal-approċċ attwali li jeħtieġu aktar u aktar bidla totali” iddikjara s-Sur Hans Gustaf Wessberg, il-Membru tal-QEA responsabbli mir-rapport. “Għalkemm inkisbu xi riżultati importanti, jinħtieġu reviżjonijiet kbar bħal li l-Awtorità Palestinjana tiġi mħeġġa twettaq aktar riformi, notevolment fir-rigward tas-servizz pubbliku tagħha. Barra minn hekk, jeħtieġ li jinstab mezz kif l-Iżrael jiġi konvint biex jieħu l-passi neċessarji biex jgħin jiżgura li d-DFS mill-PEGASE jkun effettiv”.

Mill-1994 ’l hawn, l-Unjoni Ewropea pprovdiet aktar minn EUR 5,6 biljun f’assistenza lill-poplu Palestinjan biex tappoġġa l-objettiv kumplessiv tagħha li tgħin biex tinstab soluzzjoni ta’ żewġ stati sabiex jintemm il-kunflitt Iżraeljan-Palestinjan. Mill-2008 'l hawn, l-akbar programm tagħha fit-territorju Palestinjan okkupat (oPt) kien id-DFS mill-PEGASE, li pprovda madwar EUR 1 biljun f’finanzjament mill-2008 sal-2012. L-awditu eżamina jekk il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) kinux ġestew dan il-programm b'mod tajjeb għal dak il-perjodu. Id-DFS mill-PEGASE jfittex li jgħin lill-AP tissodisfa l-obbligi tagħha lejn l-impjegati taċ-Ċivil, il-pensjonanti u familji vulnerabbli, iżżomm is-servizzi pubbliċi essenzjali u ttejjeb il-finanzi pubbliċi.

L-awditu sab li jinħtieġ li jissaħħu bosta aspetti tal-programmazzjoni tal-finanzjament, li hemm lok għal tfaddil billi jsir aktar użu ta' sejħiet għall-offerti kompetittivi u li s-sistema kumplessa ta' ġestjoni attwalment fis-seħħ teħtieġ simplifikazzjoni.

Filwaqt li l-programm għamel kontribuzzjoni sinifikanti biex ikopri l-kont tas-salarji tal-AP, l-għadd dejjem jiżdied ta' benefiċjarji u l-finanzjament dejjem jonqos minn donaturi oħra permezz tad-DFS mill-PEGASE, wasslu għal dewmien serju fil-pagament ta' salarji mill-AP fl-2012 li wassal għal ferment fost il-popolazzjoni Palestinjana.

Id-DFS mill-PEGASE kkontribwixxa għal servizzi pubbliċi essenzjali iżda għadd konsiderevoli ta’ impjegati taċ-Ċivil f'Gaża, minħabba fis-sitwazzjoni politika, kienu qed jitħallsu mingħajr ma jmorru għax-xogħol u mingħajr ma jipprovdu servizz pubbliku. Il-Kummissjoni u s-SEAE ma indirizzawx din il-problema b’mod suffiċjenti.

Finalment, minkejja l-finanzjament kbir tad-DFS mill-PEGASE, l-AP kienet qed tiffaċċja defiċit qawwi fil-baġit fl-2012 li kien qed jhedded ukoll li jnaqqar mir-riformi fil-Ġestjoni tal-Finanzi Pubbliċi (PFM). Fl-aħħar mill-aħħar it-theddida għas-sostenibbiltà finanzjarja tal-AP tista’ tiġi ttraċċata, fil-parti l-kbira, għall-bosta ostakli li tqajmu mill-Gvern tal-Iżrael għall-iżvilupp ekonomiku tal-oPt u li b'hekk idgħajfu wkoll l-effettività tad-DFS mill-PEGASE.

Ir-rapport jistipula għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li l-Kummissjoni u s-SEAE għandhom jindirizzaw meta jkunu qed iwettqu l-analiżi neċessarja tad-DFS mill-PEGASE.

Noti lill-edituri:

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) huma ppubblikati matul is-sena kollha, u jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula ta’ oqsma baġitarji jew suġġetti ta’ ġestjoni speċifiċi tal-UE.

Dan ir-rapport speċjali (RS Nru 14/2013) huwa intitolat “Appoġġ Finanzjarju Dirett mill-Unjoni Ewropea lill-Awtorità Palestinjana”. Il-QEA eżaminat kemm is-SEAE u l-Kummissjoni ġestew b'mod tajjeb l-Appoġġ Finanzjarju Dirett (DFS) mill-PEGASE lill-Awtorità Palestinjana. L-awditu ffoka fuq l-arranġamenti għat-tfassil u l-implimentazzjoni tad-DFS mill-PEGASE kif ukoll fuq ir-riżultati tad-DFS mill-PEGASE u s-sostenibbiltà tagħhom.

L-awditu kkonkluda li l-Kummissjoni u s-SEAE kien irnexxielhom jimplimentaw l-appoġġ finanzjarju dirett lill-Awtorità Palestinjana f’ċirkustanzi diffiċli iżda li għadd ta’ aspetti tal-approċċ attwali jeħtieġu aktar u aktar bidla totali. Filwaqt li nkisbu xi riżultati importanti, is-sostenibbiltà tagħhom hija dubjuża jekk ma jsirux reviżjonijiet kbar għall-approċċ attwali. Bħala parti minn dawn ir-reviżjonijiet, hemm bżonn li l-AP titħeġġeġ ukoll biex twettaq aktar riformi, notevolment fir-rigward tas-servizz pubbliku tagħha. Fl-istess ħin, jeħtieġ li jinstab mezz kif l-Iżrael jiġi konvint biex jieħu l-passi neċessarji biex jgħin jiżgura li d-DFS mill-PEGASE jkun effettiv.

Fuq il-bażi tas-sejbiet tagħha, il-QEA tirrakkomanda li:

  • is-SEAE u l-Kummissjoni għandhom isaħħu l-programmazzjoni tad-DFS mill-PEGASE fil-futur, speċifikament billi: jorbtuh aktar mill-qrib mal-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid bejn l-UE u l-AP; jippjanaw allokazzjonijiet fuq bażi pluriennali; jiżviluppaw indikaturi tal-prestazzjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-PFM, biex jivvalutaw u juru aħjar ir-riżultati tiegħu.

  • il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-ispejjeż għall-amministrazzjoni tad-DFS mill-PEGASE billi: tuża sejħiet għall-offerti kompetittivi għal kuntratti relatati mal-ġestjoni u mal-kontroll tad-DFS mill-PEGASE kull meta dan ikun fattibbli; tissimplifika s-sistema ta’ ġestjoni tad-DFS mill-PEGASE billi tagħmel lir-Rappreżentanza tal-UE fil-Palestina responsabbli għall-amministrazzjoni tad-database tal-PEGASE u billi tieħu f'idejha xi wħud mill-kontrolli attwalment esternalizzati.

  • is-SEAE u l-Kummissjoni għandhom japplikaw kundizzjonalità għad-DFS mill-PEGASE fil-futur, speċifikament billi jorbtuh ma’ progress konkret mill-AP fir-riforma fis-servizz pubbliku u fir-riforma fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi.

  • is-SEAE u l-Kummissjoni għandhom jilħqu qbil mal-AP biex il-finanzjament tas-salarji u tal-pensjonijiet mid-DFS mill-PEGASE għall-impjegati taċ-Ċivil f’Gaża jitwaqqaf u jiġi dirett mill-ġdid lejn ix-Xatt tal-Punent.

  • is-SEAE u l-Kummissjoni flimkien mal-komunità usa’ ta’ donaturi, għandhom jaħdmu aktar mal-Iżrael, fi ħdan il-qafas ta’ kooperazzjoni usa’ bejn l-UE u l-Iżrael, sabiex jiddeterminaw x’passi l-Iżrael jeħtieġ li jieħu biex jiżgura li d-DFS mill-PEGASE jkun aktar effettiv.

Kuntatt:

Aidas Palubinskas

Uffiċjal tal-Istampa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Tel. tal-Uffiċċju: +352 4398 45410 Mowbajl: +352 621 552224

press@eca.europa.eu www.eca.europa.eu Twitter: @EUAuditorsECA


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website